Uri Interess Kollu Mħabba fl-“Iltiema”
1 Jehovah hu “missier l-iltiema.” (Salm 68:6 [68:5, NW]) It-tħassib tiegħu għall-ġid tagħhom jintwera f’dan il-kmand li ta lill-ġens taʼ Iżrael tal-qedem: “La taħqrux l-armla jew l-iltim; għax jekk taħqruhom, u huma jsejjħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom.” (Eżo. 22:21, 22 [22:22, 23, NW]) Fil-Liġi t’Alla kien hemm ukoll arranġamenti biex jgħinu lil uħud bħal dawn fil-bżonnijiet materjali tagħhom. (Dt. 24:19-21) Fl-arranġament Kristjan, aduraturi veri huma mħeġġin “[‘li jieħdu ħsieb,’ NW] l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom.” (Ġak. 1:27) Kif nistgħu nimitaw l-interess kollu mħabba taʼ Jehovah lejn dawk li qed jgħixu ġo familji b’ġenitur wieħed jew maqsumin reliġjożament?
2 Taħriġ Spiritwali: Jekk int ġenitur waħdek jew is-sieħeb m’għandux l-istess twemmin tiegħek, jistaʼ jkun diffiċli għalik li tikkonduċi studju tal-Bibbja regulari fid-dar maʼ wliedek. Imma studju tal-Bibbja li jsir regulari u li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-familja huwa essenzjali jekk tridhom isiru adulti maturi u bilanċjati. (Prov. 22:6) Huwa vitali wkoll li kuljum titkellem magħhom dwar affarijiet spiritwali. (Dt. 6:6-9) Jistaʼ jkun hemm xi drabi li tħossok skuraġġit, imma taqtax qalbek. Dur lejn Jehovah għas-saħħa u l-gwida hekk kif tkompli ‘trabbi [lil uliedek] fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.’—Efes. 6:4.
3 Jekk għandek bżonn xi għajnuna biex tlaħħaq mar-responsabbiltajiet Skritturali tiegħek, tkellem maʼ l-anzjani dwar dan. Huma jistgħu joffrulek suġġerimenti prattiċi jew jgħinuk taqbad rutina spiritwali tajba għall-familja tiegħek.
4 Kif Oħrajn Jistgħu Jgħinu: Fl-ewwel seklu, Timotju sar qaddej żeluż taʼ Jehovah minkejja li trabba ġo familja maqsuma reliġjożament. L-isforzi ħabrieka t’ommu u nanntu f’li jgħallmuh il-kitbiet qaddisa f’żgħożitu bla dubju għenuh ħafna f’dan l-irwol importanti. (Atti 16:1, 2; 2 Tim. 1:5; 3:15) Madankollu, hu bbenefika wkoll minn assoċjazzjoni maʼ Kristjani oħrajn, inkluż l-appostlu Pawlu, li rrefera għal Timotju bħala “ibni l-għażiż u fidil fil-Mulej.”—1 Kor. 4:17.
5 Bl-istess mod illum, kemm hu taʼ benefiċċju li aħwa rġiel u nisa maturi juru interess kollu mħabba fl-iltiema subien u bniet tal-kongregazzjoni! Tafhom kollha b’isimhom? Titkellem magħhom fil-laqgħat Kristjani u f’okkażjonijiet oħrajn? Stidinhom biex jaħdmu miegħek fis-servizz taʼ l-għalqa. Forsi kultant tistaʼ tinkludihom, flimkien mal-ġenitur waħdu jew dak li jemmen, għall-istudju tal-familja jew f’rikreazzjoni bnina. Meta dawn iż-żgħar jibdew iqisuk bħala l-ħabib tagħhom, x’aktarx li se jsibuha iktar faċli li jimitaw l-eżempju u l-inkuraġġiment tiegħek.—Flp. 2:4.
6 Jehovah hu interessat ħafna fl-iltiema subien u bniet, u hu qiegħed ibierek l-isforzi tagħna kollha mħabba biex ngħinuhom jagħmlu l-verità parti minnhom. Ħafna li twieldu ġo familji b’ġenitur wieħed jew fi djar maqsumin reliġjożament irċivew inkuraġġiment bħal dan u issa qed jaqdu lealment bħala pijunieri, qaddejja ministerjali, anzjani, indokraturi li jivvjaġġaw, missjunarji, jew membri fil-familja taʼ Betel. Jalla lkoll kemm aħna nsibu modi biex ‘niftħu qalbna beraħ’ fl-affezzjoni tagħna lejn l-iltiema, billi nimitaw lil Missierna tas-sema.—2 Kor. 6:11-13.