Programm Ġdid tal-Jum t’Assemblea Speċjali
Jekk naraw jew nisimgħu sinjal taʼ twissija imma ma niħdux azzjoni, ir-riżultati jistgħu jkunu diżastrużi. Huwa saħansitra iktar importanti li naġixxu għad-direzzjoni spiritwali li jipprovdi Jehovah. Dan se jiġi enfasizzat fil-programm tal-jum t’assemblea speċjali għas-sena taʼ servizz li ġejja. It-tema hija “Oqgħod Attent Kif Tismaʼ.”—Lq. 8:18.
Fl-ewwel taħdita tiegħu, il-kelliemi li se jżurna se jikkunsidra kif il-pariri li nsibu fl-ewwel kapitli taʼ l-ittra mnebbħa taʼ Pawlu lil-Lhud japplikaw għalina llum. Fl-aħħar taħdita, “Oqgħod Attent il-Ħin Kollu għall-Istruzzjoni Divina,” hu se jgħinna lkoll neżaminaw jekk aħniex verament nisimgħu lil Jehovah, lil Ibnu, u lill-“ilsir leali u diskret.”—Mt. 24:45, NW.
Diversi partijiet tal-programm se jkunu taʼ benefiċċju b’mod speċjali għall-familji. It-taħdita “Familji li Jisimgħu l-Kelma t’Alla Mingħajr Aljenazzjoni” se tgħinna biex ma nħallux l-affarijiet tad-dinja joħonqu l-ispiritwalità tagħna. Din se jkun fiha intervisti taʼ wħud li għamlu bidliet sabiex ipoġġu l-affarijiet spiritwali fl-ewwel post. It-taħdita “Kif iż-Żgħażagħ Tagħna Jissaħħu Billi Jisimgħu b’Attenzjoni l-Kelma t’Alla” se tinkludi intervisti taʼ żgħażagħ li wrew lealtà lejn il-verità fl-iskola, maʼ dawk taʼ mparhom, jew fil-ministeru. “Uħud Ċkejknin li Jisimgħu lil Alla u Jitgħallmu” hija taħdita li se tgħinna naraw kemm it-tfal żgħar għandhom abbiltà li jitgħallmu. Intervisti maʼ wħud ċkejknin u l-ġenituri tagħhom se jgħinuna naraw kemm joħroġ ġid meta t-tfal jiġu mħarrġin mindu jkunu trabi fit-triqat taʼ Jehovah.
Filwaqt li Satana qiegħed ‘iqarraq bid-dinja kollha,’ Jehovah qiegħed juri lill-qaddejja leali tiegħu minn liema triq għandhom jgħaddu. (Apk. 12:9; Is. 30:21) Jekk nisimgħu b’attenzjoni l-pariri tiegħu u b’ubbidjenza napplikawhom f’ħajjitna, se niksbu l-għerf, se jkollna l-hena, u se ngħixu għal dejjem.—Prov. 8:32-35.