Programm Ġdid tal-Jum t’Assemblea Speċjali
L-għajn hija disinn meraviljuż. (Salm 139:14) Madankollu, din tistaʼ tiffoka biss fuq ħaġa waħda. Dan huwa minnu kemm b’mod letterali kif ukoll b’mod figurattiv. Sabiex ikollna ħarsa spiritwali ċara u ffokata, l-attenzjoni tagħna għandha tkun fuq li nagħmlu r-rieda t’Alla. Meta nqisu t-tfixkil li dejjem qed jiżdied fid-dinja taʼ Satana, kemm huwa adattat li l-programm tal-jum t’assemblea speċjali għas-sena taʼ servizz 2006 se jiżviluppa t-tema “Żomm Għajnek Sempliċi”!—Mt. 6:22.
X’nistgħu nagħmlu sabiex nirċievu barkiet mingħand Ġeħova? (Prov. 10:22) Din il-mistoqsija se tiġi kunsidrata fit-taħdita “Aħsad il-Barkiet Talli Żżomm Għajn Sempliċi.” L-intervisti se jenfasizzaw kif aħna nistgħu nibbenefikaw meta napplikaw il-prinċipji Skritturali. L-ewwel taħdita li se jagħti l-kelliemi li se jżurna, “Inżommu Għajn Sempliċi f’Dinja mill-Agħar,” se twissina dwar affarijiet li jistgħu jikkomplikaw lil ħajjitna u bil-mod il-mod ifixklu lispiritwalità tagħna. Aħna se nitgħallmu wkoll x’hemm bżonn isir sabiex nagħżlu “l-aħjar sehem.”—Lq. 10:42.
Kif jistgħu l-ġenituri u oħrajn jinkuraġġixxu liż-żgħażagħ Kristjani biex jiffokaw fuq miri spiritwali? It-taħditiet “Ġenituri li Jimmiraw Sew il-Vleġeġ Tagħhom” u “Żgħażagħ li Jirsistu biex Jilħqu Miri Spiritwali” se jkun fihom kummenti minn ġenituri u żgħażagħ fuq din il-mistoqsija importanti. (Salm 127:4) L-aħħar taħdita mingħand il-kelliemi li se jżurna se tikkunsidra kif aħna nistgħu nżommu l-pass maʼ l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova bħala individwi, bħala familji, u bħala kongregazzjoni.
Kemm jekk aħna għadna nibdew fil-verità jew ilna naqdu lil Ġeħova għal għaxriet taʼ snin, huwa vitali li ‘nżommu għajnejna sempliċi.’ Il-jum t’assemblea speċjali se jgħinna biex nagħmlu eżattament dan.