Programm Ġdid Għall-jum t’Assemblea Speċjali
Il-provvediment tal-jiem t’assemblea speċjali beda fl-1987. Dawn il-laqgħat taʼ jum wieħed urew li kienu edifikanti għall-qaddejja taʼ Jehovah u għal uħud interessati li jattendu. Minn Settembru 1998, se jiġi ppreżentat programm ġdid għall-jum t’assemblea speċjali. Id-disaʼ taħditiet u l-għadd taʼ intervisti u esperjenzi se ssibhom taʼ benefiċċju spiritwalment.
“Uri Apprezzament għall-Mejda taʼ Jehovah” hija t-tema tal-programm il-ġdid. (Is. 65:14; 1 Kor. 10:21) Se jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna li nagħtu l-ewwel post f’ħajjitna lill-qima taʼ Jehovah. (Salm 27:4) Il-parti taʼ l-indokratur tas-circuit se tittratta dwar li “Neżaminaw l-Inklinazzjonijiet taʼ Qlubna” rigward l-attendenza għal-laqgħat. Kelliemi mistieden se jagħtina t-taħdita “Żomm l-Ispiritwalità billi Tiekol mill-Mejda taʼ Jehovah,” u se jurina kif nagħmlu dan. Se jingħata inkuraġġiment prattiku liż-żgħażagħ fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah biex iżommu sod fis-servizz lejn Jehovah. It-taħdita prinċipali tal-kelliemi li jkun qed iżurna, intitolata “Imsaħħin Spiritwalment biex Nagħtu Xiehda Qalbiena,” se turina kif il-provvedimenti magħmulin permezz tal-kongregazzjoni jgħammruna biex nagħtu xiehda bil-qlubija dwar is-Saltna. Min m’huwiex se jkun irid jibbenefika minn dan il-programm?
Uħud iddedikati ġodda li jixtiequ jitgħammdu jridu jinformaw lill-indokratur li jippresiedi mill-iktar fis possibbli. Aħna fiduċjużi li hekk kif nibdew it-tnax-il sena taʼ l-arranġament għall-jum t’assemblea speċjali, kulmin jattendi se jiġi mibni spiritwalment għax-xogħol li hemm quddiemna.