Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova għas-sena 2005, “Ubbidjenza Lejn Alla”
1 Bħala l-Istruttur Grandjuż tagħna, Alla Ġeħova jieħu ħsieb li aħna niltaqgħu flimkien biex jgħallimna triqatu. (Is. 30:20, 21, NW; 54:13) Hu jagħmel dan permezz tal-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli, li tħejji laqgħat bħalma hi l-konvenzjoni distrettwali taʼ kull sena. (Mt. 24:45-47) Is-sentimenti tagħna huma bħal dawk tas-salmista David, li kanta: “Fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek.” (Salm 26:12) David fehem b’mod ċar il-valur taʼ li tkun mgħallem minn Ġeħova u kien determinat li jkun fost in-nies Tiegħu kulmeta kienu jiltaqgħu flimkien.
2 Din is-sena, se tkun int “fil-ġemgħat” taʼ wħud li se jattendu l-Konvenzjoni Distrettwali “Ubbidjenza Lejn Alla”? Jekk inhu hekk, l-informazzjoni li ġejja se tkun t’għajnuna għalik waqt li tkun qed tipprepara biex tattendi.
3 Ippjana minn Issa biex Tattendi Kuljum: “Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu.” (Prov. 21:5) Ma jenfasizzax dan il-kliem l-importanza li nagħmlu pjanijiet mingħajr dewmien biex nattendu għall-konvenzjoni? Sabiex tkun ċert li ma titlef xejn mill-programm spiritwali rifreskanti, ikun għaqli li tibda minn issa tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex tattendi t-tlett ijiem kollha. Jekk trid titlob lill-imgħallem tiegħek għalleave, agħmel hekk minnufih. Jekk trid tiddiskuti l-pjanijiet tiegħek mas-sieħeb jew is-sieħba tiegħek li ma temminx, tħallix dan għall-aħħar minuta. Itlob lil Ġeħova għal kwalunkwe sfida li trid tiffaċċja u afda li bl-għajnuna tiegħu se “jseħħu ħsibijietek.” (Prov. 16:3) Iktar minn hekk, ikun tajjeb jekk tgħin lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek bit-tħejjijiet tagħhom sabiex ikunu preżenti għal kull sessjoni.
4 Bżonnijiet Speċjali: L-appostlu Pawlu ddeskriva lil ċerti aħwa rġiel bħala li kienu ‘għajnuna li ssaħħaħ’ għalih. (Kol. 4:7-11) Wieħed mill-modi kif għenuh lil Pawlu kien billi għenuh fil-bżonnijiet persunali tiegħu. Kif tistaʼ tkun ‘għajnuna li ssaħħaħ’ għal oħrajn fejn għandha x’taqsam il-konvenzjoni? Pubblikaturi mdaħħlin fiż-żmien, uħud li huma morda, dawk fis-servizz full-time, u oħrajn għandhom mnejn jeħtieġu għajnuna prattika rigward trasport jew akkomodazzjoni. Il-qraba għandhom ir-responsabbiltà primarja biex jieħdu ħsieb taʼ wħud bħal dawn. (1 Tim. 5:4) Madankollu, jekk dawn ma jistgħux, jistgħu jgħinuhom sħabhom fit-twemmin. (Ġak. 1:27) L-indokratur taʼ l-istudju tal-ktieb għandu jiċċekkja maʼ dawk fil-grupp tiegħu li għandhom bżonnijiet speċjali biex jara li l-pjanijiet tagħhom qed isiru sew qabel il-konvenzjoni.
5 Hemm Bżonn taʼ Volontieri: Ġesù ta eżempju perfett meta bl-umiltà kollha ta kas il-bżonnijiet t’oħrajn. (Lq. 9:12-17; Ġw. 13:5, 14-16) Dawk li jivvolontarjaw biex jgħinu fil-konvenzjonijiet juru spirtu simili. Sabiex jimlew il-bżonn li hemm fid-dipartimenti tal-konvenzjoni, il-Kumitati tal-Konvenzjoni lokali dalwaqt se jibdew jistiednu lil oħrajn biex jaħdmu magħhom. B’mod speċjali, hemm bżonn li l-anzjani jivvolontarjaw għall-inkarigi u jaċċettawhom. Il-fatt li huma jkunu lesti li jagħtu minnhom infushom huwa eżempju għall-kongregazzjoni kollha.—1 Pt. 5:2, 3.
6 Dak li Jara Ħaddieħor: Waħda maniġer taʼ lukanda qalet: “Intom il-grupp favorit tagħna. Il-manjieri tagħkom huma tajbin ħafna meta mqabblin maʼ dawk taʼ gruppi oħrajn. Is-sefturi kollha jgħidu kemm jiġu trattati tajjeb u li jirċievu t-tips. Fil-fatt, kulħadd ikun jixtieq jaħdem fi tmiem il-ġimgħa meta tkunu hawn intom!” Rappreżentant taʼ lukanda kkummenta: “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma l-iktar nies faċli biex taħdem magħhom.” X’aktarx li l-kondotta eżemplari tiegħek ikkontribwiet għal stqarrijiet bħal dawn. Immaġina kemm iħossu ferħan Ġeħova meta jarana naġixxu b’tali mod li jġiblu glorja bħal din!—1 Pt. 2:12.
7 Permezz tal-“prokuratur leali,” Alla Ġeħova għamel arranġamenti biex dan is-sajf li ġej il-poplu tiegħu jiltaqaʼ flimkien sabiex jirċievi istruzzjoni spiritwali. (Lq. 12:42) It-tħejjijiet li jridu jsiru sabiex jirnexxilek tattendi t-tlett ijiem kollha jirrikjedu sforz, imma l-benefiċċji se jkunu ħafna. Il-Konvenzjoni Distrettwali taʼ din is-sena “Ubbidjenza Lejn Alla” żgur li se ssaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova issa u għall-eternità. Jalla nkunu determinati nsegwu t-twissija tas-salmista: “Bierku ’l Alla fil-laqgħat tagħkom.”—Salm 68:27 (68:26, NW).
[Kaxxa f’paġna 3]
Il-Ħinijiet tal-Programm
Il-Ġimgħa u s-Sibt
9:30 a.m. - 5:05 p.m.
Il-Ħadd
9:30 a.m. - 4:10 p.m.