Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova għas-sena 2007, “Segwi lill-Kristu!”
1, 2. (a) Mosè kif inkuraġġixxa lill-Iżraelin biex jibbenefikaw mill-ġbir tagħhom flimkien? (b) Liema preparamenti għandna nibdew nagħmlu minn issa?
1 Mosè pprovda direzzjoni għall-Iżraelin u r-residenti barranin kollha sabiex jinġemgħu flimkien kull sebaʼ snin sabiex tinqralhom il-Liġi. Għal liema skop? “Biex jisimgħu u jitgħallmu.” (Dt. 31:10-12) Ġeħova ra li kien hemm bżonn li l-poplu tiegħu jinġabar fi gruppi kbar. Il-poplu taʼ Ġeħova dalwaqt se jerġaʼ jinġabar għall-Konvenzjonijiet Distrettwali “Segwi lill-Kristu!” li se jdumu tlett ijiem.
2 Bdejt int tagħmel xi preparamenti? Għandek bżonn titlob għal-leave mingħand l-imgħallem tiegħek? Tistaʼ int tgħin lill-istudenti tal-Bibbja tiegħek jew membri tal-familja li ma jemmnux sabiex jattendu l-konvenzjoni miegħek? Hemm xi wħud fil-kongregazzjoni li għandhom bżonn l-għajnuna biex jattendu? L-informazzjoni li ġejja se tgħinek tagħmel il-preparamenti li hemm bżonn.
3. (a) Liema twettiq taʼ Isaija 25:6 qed iseħħ illum? (b) X’ġie notat dwar l-attendenza fil-ġurnata tal-Ġimgħa matul il-konvenzjoni, u x’għandna nagħmlu personalment?
3 Attendi t-Tlett Ijiem: Ġeħova jipprovdi abbundanza taʼ ikel spiritwali għall-poplu tiegħu. (Is. 25:6) Dan jinkludi l-pranzu spiritwali li jiġi servut fil-konvenzjonijiet li jsiru kull sena. Ġie notat li l-attendenza nhar taʼ Ġimgħa tkun ħafna inqas mill-jiem l-oħra. Agħmilha l-mira tiegħek li tgawdi t-tlett ijiem tal-konvenzjoni li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ppreparat għalina u li tant tagħtina serħan! Jekk għandek bżonn tistaqsi għalleave mix-xogħol sekulari tiegħek, itlob dwar dan. Imbagħad, ‘agħmel il-qalb’ sabiex titkellem maʼ l-imgħallem tiegħek malli tiġi mħabbra d-data tal-konvenzjoni. (1 Tess. 2:2; Neħ. 2:4, 5) Għandu mnejn ikun t’għajnuna li tispjegalu li l-konvenzjoni li ssir kull sena hija parti mill-qima tiegħek. Jekk tagħmel dan kmieni fis-sena jistaʼ jagħmilha iktar faċli għall-imgħallem tiegħek sabiex jagħmel aġġustamenti ħalli jkun jistaʼ jagħtik il-leave.
4. Kif nistgħu nippreparaw lill-istudenti tal-Bibbja u l-membri tal-familja tagħna li m’humiex taʼ l-istess twemmin għall-konvenzjoni?
4 Ipprepara lill-Istudenti tal-Bibbja u lill-Familja Tiegħek: Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-istudenti tiegħek tal-Bibbja jattendu l-konvenzjoni miegħek, u jesperjenzaw personalment l-imħabba tal-fratellanza Kristjana “f’ġemgħa kbira”! (Salm 22:26 [22:25, NW]) Avżahom sew minn qabel ħalli jkunu jistgħu jagħmlu l-ħin għaliha. Aqsam magħhom ir-raġunijiet li int personalment tgawdi meta tattendi l-konvenzjonijiet. Tistaʼ tipprepara lill-istudenti għal dak li jistgħu jistennew billi turihom il-vidjos li juru l-konvenzjonijiet taʼ qabel, speċjalment il-vidjo United by Divine Teaching (Magħqudin Permezz taʼ Tagħlim Divin). Għid ukoll lill-membri tal-familja li m’humiex taʼ l-istess twemmin dwar il-pjanijiet li għandek. Forsi tistaʼ tagħmel arranġamenti biex jaraw id-drama jew jattendu miegħek minn taʼ l-inqas ġurnata waħda mill-konvenzjoni.
5. Kif nistgħu nuru l-ispirtu ġeneruż li hu msemmi fl-1 Timotju 6:18?
5 Għin lill-Aħwa: L-appostlu Pawlu ta l-parir lill-Kristjani li kienu għonja materjalment “biex jagħmlu l-ġid, ikunu għonja f’għemejjel tajbin, ikunu idhom miftuħa, lesti biex jaqsmu m’oħrajn.” (1 Tim. 6:17, 18) Aħna nistgħu nuru l-ispirtu taʼ ġenerożità li inkuraġġixxa Pawlu jekk nikkunsidraw is-sitwazzjoni taʼ dawk imdaħħlin fiż-żmien u taʼ dawk li huma morda, dawk li huma fis-servizz full-time, familji b’ġenitur wieħed, u forsi oħrajn fil-kongregazzjoni li għandhom bżonn l-għajnuna biex jattendu l-konvenzjoni. Ir-responsabbiltà biex jintlaħqu l-bżonnijiet taʼ wħud bħal dawn l-ewwel taqaʼ fuq qrabathom li huma fil-verità, imma l-anzjani u oħrajn jistgħu juru d-dixxerniment u joffru assistenza b’qalb tajba skond il-bżonn.—Gal. 6:10; 1 Tim. 5:4.
6, 7. (a) Liema preparamenti jkunu saru għalina qabel ma mmorru l-konvenzjoni? (b) Kif nistgħu nuru apprezzament u gratitudni għax-xogħol kollu li jkun sar għalina?
6 Ikkoopera maʼ l-Arranġamenti: Meta naslu fil-post fejn tkun se ssir il-konvenzjoni, ikun evidenti li ħafna mix-xogħol sar qabel ma wasalna aħna. Aħwa rġiel kollhom imħabba li jaqdu bħala attendants jilqgħuna, jagħtuna l-programmi, u jgħinuna nsibu postijiet fejn nistgħu npoġġu bil-qiegħda. Xogħol vitali jsir ukoll minn wara l-kwinti sabiex jiġu preparati partijiet fil-programm u biex uħud jieħdu ħsieb għadd t’affarijiet oħra.
7 Għal kull konvenzjoni, ħafna wħud jaħdmu għal xhur sħaħ sabiex jagħmlu l-preparamenti li jkun hemm bżonn, u l-familji tagħhom ukoll ikkontribwew billi ħallewlhom il-ħin biex jieħdu ħsieb affarijiet importanti bħal dawn. Napprezzaw aħna s-sagrifiċċji li jsiru għall-benefiċċju persunali tagħna? Aħna nistgħu nuru l-gratitudni li għandna billi nsegwu l-istruzzjonijiet li hawn f’dan l-artiklu u kwalunkwe direzzjoni li għandna mnejn nirċievu qabel il-konvenzjoni. (Ebr. 13:17) Il-kooperazzjoni mill-qalb li nuru aħna lkoll tagħmilha possibbli li “jsir kollox bid-deċenza u bl-ordni.”—1 Kor. 14:40.
8. (a) Il-fatt li l-poplu t’Alla jinġabar flimkien għala hu tant importanti llum? (b) X’jistaʼ jagħmel kull wieħed minna?
8 Hekk kif ‘naraw joqrob il-jum,’ il-fatt li l-poplu t’Alla jinġabar flimkien qed isir iktar importanti. (Ebr. 10:25) Fil-konvenzjonijiet Kristjani tagħna, il-klassi taʼ l-ilsir leali u għaqli tipprovdilna informazzjoni sabiex tgħinna ‘nagħmlu l-kliem kollu’ li Ġeħova jridna nsegwu. (Dt. 31:12) Ibda agħmel il-pjanijiet sabiex tattendi t-tlett ijiem kollha tal-Konvenzjoni Distrettwali “Segwi lill-Kristu!,” u b’hekk tibbenefika mill-istruzzjonijiet spiritwali u s-sħubija mill-aqwa kollha!
[Kaxxa f’paġna 3]
Il-Ħinijiet tal-Programm
[Kaxxa f’paġna 3]
Il-Ġimgħa u s-Sibt
9:20 a.m. - 5:05 p.m.
Il-Ħadd
9:20 a.m. - 4:10 p.m.