Uri Interess Persunali—Billi Tosserva bir-Reqqa
1 Alla Ġeħova u Kristu Ġesù huma l-aqwa eżempji taʼ wħud li jagħrfu l-bżonnijiet speċifiċi tan-nies u li joffrulhom l-għajnuna. (2 Kron. 16:9; Mk. 6:34) Jekk nidentifikaw x’jinteressa lin-nies li niltaqgħu magħhom fil-ministeru tagħna u xi jkollhom fuq moħħhom, jistaʼ jirnexxilna nadattaw il-preżentazzjoni tagħna taʼ l-aħbar tajba skond dan.
2 Oqgħod Attent għad-Dettalji: Ġesù kien josserva bir-reqqa. (Mk. 12:41-43; Lq. 19:1-6) Bl-istess mod, meta nersqu lejn il-bieb taʼ l-inkwilin u naraw tiżjin reliġjuż, kliem fuq il-karozza, jew ġugarelli fil-parapett, jistaʼ jirnexxilna noħolqu opportunitajiet biex nagħtu xiehda effettiva taʼ l-aħbar tajba.
3 L-espressjoni taʼ wiċċ l-individwu u l-imġiba tiegħu jistgħu jindikawlna xi jkun qed iħoss. (Prov. 15:13) Forsi għandu bżonn il-faraġ minħabba t-telfa taʼ xi ħadd maħbub jew ċirkustanzi oħra taʼ inkwiet. Għandu mnejn japprezza jekk taqsam miegħu xi skritturi adattati. (Prov. 16:24) Jinsab l-inkwilin mgħaġġel biex joħroġ jew għandu tarbija qed tibki f’idejh? Jekk inhu hekk, jistaʼ jkun aħjar li tiftiehem biex tmur darb’oħra. Jekk nuru konsiderazzjoni u ‘nħossu’ għall-individwu, nistgħu nqanqluh biex jismaʼ meta nerġgħu mmorru.—1 Pt. 3:8.
4 Adatta l-Kummenti Tiegħek: L-appostlu Pawlu osserva li l-belt t’Ateni kellha artal dedikat “Lil Alla Mhux Magħruf.” Dan influwenza l-mod kif hu ppreżenta l-aħbar tajba għaliex qal: “Lil dak li bla ma tafu qed tagħtuh devozzjoni, lil dan qed inxandrilkom.” Il-metodu kollu tattika li uża Pawlu qanqal lil xi wħud minn dawk preżenti biex jikkunsidraw il-messaġġ tas-Saltna u jsiru wħud li jemmnu.—Atti 17:23, 34.
5 Bl-istess mod, jekk aħna nosservaw bir-reqqa se nkunu nistgħu nagħrfu l-interessi taʼ lindividwu, u għalhekk nadattaw il-metodi tagħna għalih. Uża mistoqsijiet li jistgħu jqanqlu lill-inkwilin jesprimi ruħu. Aħseb dwar skritturi li jistgħu jżidu l-interess tiegħu. (Prov. 20:5) Jekk nosservaw bir-reqqa u nuru interess persunali sinċier fl-oħrajn, se naqsmu l-aħbar tajba bis-sengħa.