Konvenzjoni Distrettwali tax-Xhieda taʼ Ġeħova 2008
1 L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani Ebrej biex jinġabru flimkien u jinkuraġġixxu lil xulxin “iktar u iktar” hekk kif jaraw il-jum qed joqrob. (Ebr. 10:24, 25) L-evidenza qed tiżdied li “l-jum” li Pawlu tkellem dwaru qiegħed bieb u għatba! Għalhekk, aħna nħarsu ’l quddiem lejn opportunitajiet biex niltaqgħu maʼ ħutna għall-edukazzjoni spiritwali li tistaʼ tiggwidana f’dawn “l-aħħar jiem” li kulma jmorru qed isiru iktar perikolużi. (2 Tim. 3:1) Opportunità bħal din se tiġi provduta fil-konvenzjonijiet distrettwali li ġejjin fl-2008.
2 Attendi t-Tlett Ijiem Kollha: Aħna ninkuraġġuk tattendi t-tlett ijiem kollha. Peress li “ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien,” aħna mhux se nitilfu l-ikel spiritwali vitali. (Ebr. 10:25) Ibda agħmel il-preparamenti malajr kemm jistaʼ jkun. Għandek bżonn tinforma lil min iħaddmek sabiex ikun jistaʼ jagħmel kwalunkwe arranġament li hemm bżonn. Jekk uliedek ikollhom l-iskola matul il-konvenzjoni, informa lill-għalliema dwar il-pjanijiet tagħkom. Ħallihom ikunu jafu li l-konvenzjoni hija parti regulari mill-qima tagħkom. Tistaʼ tkun ċert mill-barka taʼ Ġeħova għall-isforzi tiegħek biex tpoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel.—Mt. 6:33.
3 Għin lil Ħaddieħor Jattendi: Ukoll, Pawlu appella lil ħutu biex ‘jagħtu kas xulxin.’ (Ebr. 10:24) Għandhom bżonn l-għajnuna ħutek fil-grupp taʼ l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni biex jattendu l-konvenzjoni? Tistaʼ tgħin l-istudenti tiegħek tal-Bibbja biex jattendu l-konvenzjoni miegħek, anki jekk jistgħu jattendu għal ġurnata waħda biss? Meta tinforma lill-membri tal-familja li m’għandhomx it-twemmin tiegħek dwar l-arranġamenti li għandek għall-konvenzjoni, stidinhom biex jiġu miegħek. L-isforzi kollha mħabba tiegħek jistgħu jġibu barkiet mhux mistennijin.
4 Għemejjel Tajbin: L-ubbidjenza għall-kmand taʼ Ġeħova biex niltaqgħu flimkien għall-qima hi taʼ ‘ġid għalina.’ Iktar importanti, din tipprovdilna opportunitajiet biex nigglorifikaw l-isem taʼ Ġeħova. (Is. 48:17) “L-għemejjel tajbin [tagħna] jidhru pubblikament” minn ħafna nies fil-konvenzjonijiet distrettwali, u xi wħud tqanqlu biex jesprimu kif iħossuhom. (1 Tim. 5:25) F’belt waħda fejn il-konvenzjonijiet tagħna ilhom isiru għal ħafna snin, maniġer taʼ lukanda qal: “Ħafna nies fil-belt jitkellmu dwar ix-Xhieda taʼ Ġeħova u l-effett li jħallu l-konvenzjonijiet tagħkom. Aħna nafu kif in-nies tagħkom inaddfu l-post fejn ikunu se jiltaqgħu, u narawkom ukoll tnaddfu l-postijiet fejn tipparkjaw il-karozzi. Huwa taʼ ferħ li jkollna lilkom magħna matul l-istaġun tas-sajf. Nittamaw li nkomplu b’din ir-relazzjoni fis-snin li ġejjin.” Wara li semma d-diffikultajiet li ltaqaʼ magħhom meta xi gruppi u oħrajn li jipprovdu d-divertiment jużaw il-lukanda, wieħed maniġer ikkummenta dwar l-ispirtu taʼ kooperazzjoni u l-paċenzja li juru l-aħwa waqt li jkunu qed joqogħdu fil-lukanda. Hu qal, “Aħna nixtiequ li l-mistidnin tagħna jkunu kollha bħax-Xhieda taʼ Ġeħova!” Il-kondotta taʼ ħutna li wasslet għal dawn il-kummenti u ħafna oħrajn simili żgur li ġġib il-ferħ f’qalb Alla tagħna, Ġeħova!
5 Ġesù qal li ħajjitna tiddependi milli nisimgħu “kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.” (Mt. 4:4) Fil-konvenzjonijiet annwali tagħna, Ġeħova jipprovdilna “ikel fiż-żmien xieraq,” preparat mill-“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Ħafna xogħol huwa involut sabiex jiġi preparat u mqassam dan il-pranzu spiritwali. Jalla nuru gratitudni għall-imħabba li juri magħna Ġeħova billi nkunu preżenti u noqogħdu attenti għal kull parti tal-programm.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
1. (a) Il-parir li ta Pawlu lill-Kristjani Ebrej għala għandu urġenza speċjali llum? (Aqra Ebrej 10:24, 25.) (b) X’opportunità se jkollna biex napplikaw il-parir taʼ Pawlu?
2. (a) Għala huwa vitali li tattendi t-tlett ijiem kollha tal-konvenzjoni? (b) Kif nistgħu nibdew nagħmlu l-preparamenti sabiex nattendu?
3. B’liema modi nistgħu nuru konsiderazzjoni lejn ħaddieħor?
4. (a) B’liema modi nistgħu nigglorifikaw lil Ġeħova hekk kif nattendu għall-konvenzjoni tagħna? (b) Minħabba l-kondotta mill-aħjar taʼ ħutna, liema kummenti saru minn maniġers tal-lukandi?
5. Mattew 4:4 kif jenfasizza l-importanza biex noqogħdu attenti għal kull parti tal-programm?
[Kaxxa f’paġna 3]
Dati u Ħinijiet tal-Programm:
5-7 taʼ Sett., 2008
Il-Ġimgħa u s-Sibt
9:20 a.m. - 4:55 p.m.
Il-Ħadd
9:20 a.m. - 4:00 p.m.