LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w21 Lulju pp. 26-29
  • Inħossni Kuntent b’Dak li Għamilt għal Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inħossni Kuntent b’Dak li Għamilt għal Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​VJAĠĠ LEJN L-​AFRIKA T’ISFEL!
  • IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦI U INKARIGU ĠDID
  • ERĠAJNA MORNA LURA F’BETEL TAL-​AFRIKA T’ISFEL
  • LURA FL-​ISTAMPERIJA
  • INKARIGU IEĦOR!
  • Ittra mill-Uffiċċju taʼ Malta
    Il-Ministeru tas-Saltna—2006
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Tistaʼ Din Tkun l-Aħjar Karriera Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Stedina Miftuħa Għal Kulħadd!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
w21 Lulju pp. 26-29
John u Laura Kikot.

BIJOGRAFIJA

Inħossni Kuntent b’Dak li Għamilt għal Ġeħova

KIF RAKKONTATA MINN JOHN KIKOT

L-​EWWEL xogħol li kelli f’Betel tal-​Kanada kien li niknes l-​art fl-​istamperija. Bdejt naħdem f’Betel fl-​1958, meta kelli 18-​il sena. Kont kuntent ħafna, u wara ftit bdejt naħdem fuq magna li kienet taqtaʼ t-​truf tar-​rivisti. Vera kont ferħan li kont qed naħdem f’Betel!

Is-​sena taʼ wara sar avviż f’Betel li fil-​fergħa tal-​Afrika t’Isfel kien hemm bżonn aħwa biex jgħinu għax kienu se jġibu magna tal-​istampar ġdida. Jiena ddeċidejt li nniżżel ismi, u tgħidx kemm fraħt meta ntgħażilt! Miegħi ntgħażlu tliet Kanadiżi oħra, li kienu Dennis Leech, Bill McLellan, u Ken Nordin. Konna nafu meta se nitilqu, imma ma konniex nafu meta ġejjin lura!

Ċempilt lil ommi u għedtilha, “Ma, irrid ngħidlek xi ħaġa. Ħa mmur l-​Afrika t’Isfel!” Ommi vera kienet mara kwieta, imma kellha fidi soda u ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. Hi ma qaltlix ħafna kliem, imma kont naf li hi se tissapportjani. Minkejja li ommi u missieri ma kinux kuntenti li se nkun ’il bogħod minnhom, huma qatt ma skuraġġewni.

IL-​VJAĠĠ LEJN L-​AFRIKA T’ISFEL!

Fl-​1959, fuq it-​trejn nivvjaġġaw minn Cape Town għal Johannesburg maʼ Dennis Leech, Ken Nordin, u Bill McLellan

Fl-​2019, wara 60 sena ltqajna l-​erbgħa li aħna fil-​fergħa tal-​Afrika t’Isfel

L-​ewwel morna fil-​Betel taʼ Brooklyn fejn għal tliet xhur irċivejna training biex nitgħallmu nużaw magna tal-​istampar. Imbagħad qbadna vapur u morna Cape Town, l-​Afrika t’Isfel. Kont għadni kemm nagħlaq 20 sena. Wasalna Cape Town filgħaxija u mbagħad ivvjaġġajna lejn Johannesburg bit-​trejn. Xħin kien qed jisbaħ waqafna f’raħal żgħir jismu Karoo, li kien qisu qiegħed f’nofs id-​deżert. Kienet ħafna sħana u tidlik. L-​erbgħa li aħna ħarisna mit-​tieqa u għedna: “Hawn fejn ġejna?” Inkwetajna ftit dwar l-​inkarigu li kien se jkollna. Meta erġajna morna lura f’dawn l-​irħula ndunajna kemm huma sbieħ.

L-​inkarigu tiegħi għall-​ewwel ftit snin kien li nieħu ħsieb il-​magna Linotype biex jiġu pprintjati It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ! L-​uffiċċju tal-​fergħa kien jipprintja r-​rivisti b’ħafna lingwi li jitkellmu n-​nies fl-​Afrika, mhux biss għall-​pajjiżi tal-​Afrika t’Isfel, imma anki għal dawk fin-​naħa taʼ fuq. Aħna konna kuntenti ħafna li dak it-​training li rċivejna biex nitgħallmu nużaw il-​magna kien utli!

Iktar tard bdejt naħdem fid-​dipartiment li jieħu ħsieb l-​istampar, ix-​shipping, u t-​traduzzjoni. Kelli ħafna x’nagħmel, imma kont kuntent.

IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦI U INKARIGU ĠDID

Fl-​1968, jien u Laura naqdu bħala pijunieri speċjali

Fl-​1968 iżżewwiġt lil Laura Bowen, li kienet toqgħod viċin Betel. Hi kienet pijuniera u ħadmet ukoll f’Betel, fit-​traduzzjoni. Dak iż-​żmien, koppji li jkunu għadhom kif iżżewġu spiss kien ikollhom jitilqu minn Betel. Għalhekk, ġejna inkarigati biex naqdu bħala pijunieri speċjali. Wara għaxar snin li konna ilna naqdu f’Betel fejn kien ikollna dejjem l-​ikel lest u kamra fejn ngħixu, inkwetajt ftit kif kien se jirnexxilna nlaħħqu bil-​ftit allowance li kellhom il-​pijunieri speċjali. Konna se nibdew nirċievu madwar 29 ewro tal-​lum kull wieħed fix-​xahar jekk nilħqu l-​ammont taʼ sigħat, l-​ammont taʼ letteratura li kellna nqassmu, u l-​ammont taʼ żjajjar lura li kellna nagħmlu. Dawk il-​flus kellna nużawhom għall-​kera, trasport, ikel, mediċina u affarijiet personali oħrajn.

Imbagħad qalulna biex immorru nippritkaw qrib il-​belt taʼ Durban, fl-​Oċean Indjan. Hemm kienu jgħixu ħafna Indjani. Ħafna minnhom kienu ġejjin minn dawk il-​familji li kienu marru l-​Afrika t’Isfel biex jaħdmu fl-​industrija taz-​zokkor madwar l-​1875. Imma minkejja li ma kinux qed jaħdmu dak ix-​xogħol, huma xorta baqgħu bil-​kultura tagħhom u jsajru l-​ikel tajjeb tagħhom. Dawn l-​Indjani kienu jafu jitkellmu bl-​Ingliż, għalhekk ma kellniex għalfejn nitgħallmu l-​lingwa tagħhom.

Il-​pijunieri speċjali, kull xahar, kellhom jagħmlu 150 siegħa jippritkaw. Għalhekk, jien u Laura, fl-​ewwel ġurnata ddeċidejna li nagħmlu sitt sigħat. Kienet is-​sħana u riħ isfel. Ma kellniex studji tal-​Bibbja, għalhekk kellna nagħmlu sitt sigħat nippritkaw minn bieb għal bieb. Ħin minnhom ħarist lejn l-​arloġġ u kienu għadhom għaddew biss 40 minuta! F’qalbi għedt, ‘Kif se jirnexxilna nlaħħqu s-​sigħat?’

Wara ftit, qbadna rutina tajba. Kull filgħodu konna nippreparaw ftit ħobż u thermos kafè biex niħduhom magħna. Meta kien ikollna bżonn nistrieħu ftit, kont nipparkja l-​karozza għad-​dell taħt xi siġra. Xi kultant kienu jiġu xi tfal Indjani jduru magħna għax kienu jarawna differenti minnhom. Wara ftit ġranet indunajna li malli konna nagħmlu madwar tliet sigħat nippritkaw, il-​kumplament tal-​ħin kien jgħaddi malajr.

Kemm kienet xi ħaġa sabiħa li nwasslu l-​verità lil dawn in-​nies! In-​nies Indjani huma dħulin, qalbhom tajba, u jħobbu lil Alla. Ħafna Indjani li kellhom ir-​reliġjon Ħindu aċċettaw il-​messaġġ tagħna. Kienu jieħdu pjaċir jitgħallmu dwar Ġeħova, Ġesù, il-​Bibbja, id-​dinja l-​ġdida, u t-​tama għall-​mejtin. Wara sena kellna 20 studju tal-​Bibbja. Kuljum konna nkunu mistidnin għall-​ikel għand familja differenti li tkun qiegħda tistudja. Vera konna qed nieħdu pjaċir.

Ma domniex ma rċivejna inkarigu ġdid. Dan kien ix-​xogħol tas-​circuit. Kull ġimgħa konna noqogħdu għand familja differenti u konna noħorġu fuq il-​ministeru mal-​aħwa tal-​kongregazzjoni biex ninkuraġġuhom. Konna sirna parti mill-​familja tagħhom. Konna nieħdu pjaċir inqattgħu l-​ħin magħhom, mat-​tfal tagħhom, u mal-​pets li kellhom. Wara sentejn mill-​isbaħ f’dan ix-​xogħol irċivejna telefonata. Il-​ħu mill-​uffiċċju tal-​fergħa qalilna: “Nixtiqukom terġgħu tiġu lura f’Betel.” Jien għedtlu, “Aħna qegħdin kuntenti ħafna hawnhekk.” Imma bla dubju, aħna konna lesti li mmorru fejn jibagħtuna.

ERĠAJNA MORNA LURA F’BETEL TAL-​AFRIKA T’ISFEL

Meta morna lura f’Betel, l-​inkarigu tiegħi kien fid-​Dipartiment tas-​Servizz fejn kelli l-​privileġġ li naħdem maʼ ħafna aħwa tal-​esperjenza. Dak iż-​żmien, wara li s-​circuit overseer kien iżur kongregazzjoni, kien jibgħat ir-​rapport lill-​fergħa. Imbagħad, id-​Dipartiment tas-​Servizz jibgħat ittra lill-​kongregazzjoni bbażata fuq ir-​rapport tas-​circuit overseer. Dawn l-​ittri kienu jintbagħtu biex jinkuraġġixxu lill-​aħwa u meta jkun hemm bżonn tingħata xi direzzjoni ġdida. Biex is-​segretarji jaqilbu r-​rapport tas-​circuit overseer mil-​lingwi Xhosa, Zulu, u oħrajn għall-​Ingliż ma kienx faċli. U mbagħad kien ikollhom jaqilbu l-​ittri mill-​Ingliż għal-​lingwi Afrikani. Jien apprezzajt ix-​xogħol iebes li kienu jagħmlu s-​segretarji għax huma għenuni nifhem il-​problemi li kienu qed jiffaċċjaw l-​aħwa Afrikani.

Dak iż-​żmien, fl-​Afrika t’Isfel, kien hemm liġi li kienet tgħid li nies taʼ razez differenti ma setgħux jitħalltu bejniethom. Għalhekk, kull razza kienet tgħix f’parti għaliha. Dan ġiegħel lill-​aħwa Afrikani suwed biex jitkellmu, jippritkaw, u jattendu l-​laqgħat bil-​lingwa tagħhom biss.

Minħabba li l-​inkarigu tiegħi kien f’territorju fejn in-​nies kienu jitkellmu bl-​Ingliż, ma kontx naf lill-​Afrikani suwed. Però, grazzi għax-​xogħol li kelli, stajt insir naf ftit affarijiet dwarhom. Sirt naf ukoll id-​diffikultajiet li kienu qed jiffaċċjaw l-​aħwa minħabba t-​tradizzjonijiet u t-​twemmin reliġjuż, li kienu jmorru kontra dak li tgħid il-​Bibbja. Huma kellhom kuraġġ kbir! Minħabba li m’aċċettawx affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​ispiritiżmu, iffaċċjaw persekuzzjoni minn tal-​familja u min-​nies tal-​villaġġ. F’xi nħawi kien hemm nies fqar ħafna. Ħafna minnhom ma kinux jafu skola, imma huma kienu japprezzaw il-​Bibbja.

Kelli l-​privileġġ li niddefendi lill-​aħwa fil-​qrati biex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu lil Ġeħova u jibqgħu newtrali. Meta kont nara l-​kuraġġ u l-​fidi li kellhom it-​tfal żgħar, vera kont inħossni inkuraġġit. Dawn it-​tfal kienu qed jiġu mkeċċijin mill-​iskola minħabba li ma kinux jgħidu ċertu talb u jkantaw l-​innu.

Anki l-​aħwa fl-​Eswatini, pajjiż żgħir fl-​Afrika, urew il-​kuraġġ minħabba sitwazzjoni diffiċli. Meta r-​Re Sobhuza II miet, in-​nies t’hemmhekk kellhom jieħdu sehem fi tradizzjonijiet li kienu jagħmlu meta kien imut xi ħadd. L-​irġiel kellhom iqaxxru xagħarhom u n-​nisa kellhom jaqtgħuh qasir. Ħafna aħwa kienu ppersegwitati minħabba li ma ħadux sehem f’dawn it-​tradizzjonijiet. L-​imħabba tagħhom għal Ġeħova għamlitna ferħanin ħafna! Minn ħutna fl-​Afrika, aħna tgħallimna ħafna dwar il-​paċenzja u l-​lealtà.

LURA FL-​ISTAMPERIJA

Fl-​1981 erġajt mort naħdem fl-​istamperija, għax dak iż-​żmien bdew jużaw il-​kompjuters biex jipprintjaw. Ix-​xogħol tal-​istampar beda jsir differenti ħafna u dan kien żmien eċċitanti. Kumpanija tat lill-​fergħa magna ġdida biex jipprovawha b’xejn. Imbagħad biddilna d-​disaʼ magni Linotype ma’ ħames magni minn dawn il-​ġodda. B’hekk, ix-​xogħol beda jsir b’ritmu mgħaġġel u bdejna nipprintjaw ħafna u ħafna letteratura!

Il-​kompjuters għenuna biex inkunu nistgħu noħolqu l-​programm MEPS, il-​Multilanguage Electronic Publishing System. Minn meta jien u t-​tliet aħwa l-​oħra mill-​Kanada ġejna l-​Afrika t’Isfel, it-​teknoloġija avvanzat ħafna. (Is. 60:17) Minn dak iż-​żmien ’l hawn, it-​tlieta li aħna żżewwiġna nisa pijunieri li jħobbu ħafna lil Ġeħova. Bill u jiena konna għadna naqdu f’Betel. Ken u Dennis kienu qed irabbu l-​familja tagħhom u kienu jgħixu viċin il-​Betel.

F’Betel kien hemm ħafna xogħol xi jsir. Il-​letteratura kienet qed tiġi tradotta u stampata f’ħafna iktar lingwi, u kienet tiġi mqassma f’fergħat oħrajn. Għalhekk, kien hemm bżonn li tinbena Betel oħra. L-​aħwa bnew waħda f’parti sabiħa ġewwa Johannesburg, u ġiet iddedikata lil Ġeħova fl-​1987. Kienet xi ħaġa sabiħa li rajt ix-​xogħol jikber u li qdejt mal-​Kumitat tal-​Fergħa fl-​Afrika t’Isfel għal ħafna snin.

INKARIGU IEĦOR!

Konna sorpriżi meta fl-​2001 jien ġejt mistieden biex inkun membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa tal-​Istati Uniti li kien għadu kif ġie fformat. Minkejja li konna mdejqin għax konna ħa nħallu l-​ħbieb u x-​xogħol li kellna fl-​Afrika t’Isfel, konna qed inħarsu ’l quddiem li konna se nkunu parti mill-​familja taʼ Betel fl-​Istati Uniti.

Imma konna inkwetati għax konna se nkunu ’l bogħod minn omm Laura, li kienet kbira fiż-​żmien. Tistaʼ tgħid li minn New York, aħna ma stajna nagħmlu xejn, imma ħut Laura offrew li jagħtuha l-​għajnuna li kellha bżonn. Huma qalulna, “Aħna ma nistgħux inkunu fis-​servizz full-​time, imma jekk nieħdu ħsieb lill-​mummy inkunu qed ngħinu lilkom biex tkomplu bl-​inkarigu tagħkom.” Aħna napprezzaw ħafna dak li għamlu għalina.

Bħalma ħut Laura qalu li kienu se jieħdu ħsieb lil ommhom, ħija u l-​mara tiegħu li kienu jgħixu f’Toronto, il-​Kanada, għenu biex jieħdu ħsieb lil ommi li kienet armla. Ommi damet tgħix maʼ ħija u l-​mara tiegħu 20 sena. Hi mietet wara ftit li aħna wasalna fi New York. Aħna napprezzaw ħafna dak li għamlu magħha sal-​aħħar ġurnata taʼ ħajjitha. X’barka li jkollok uħud fil-​familja li jkunu lesti li jagħmlu bidliet biex jieħdu ħsieb il-​ġenituri minkejja li ma jkunx faċli!

L-​ewwel inkarigu li kelli fl-​Istati Uniti kien fl-​istamperija, fejn ix-​xogħol kien qed javvanza u jsir iktar sempliċi. Dan l-​aħħar bdejt naħdem fid-​Dipartiment tax-​Xiri. Kemm hu privileġġ sabiħ li għal dawn l-​20 sena jien nagħmel parti minn din il-​fergħa kbira tal-​Istati Uniti, li issa hawn madwar 5,000 Betelit u madwar 2,000 commuter!

Sittin sena ilu ma kontx nimmaġina li kien se jkolli dan il-​privileġġ. Matul dawn is-​snin kollha, Laura dejjem inkuraġġietni. Kemm jien kuntent b’dak li għamilt fil-​ħajja tiegħi! Meta niftakru fl-​inkarigi differenti li kellna, inkluż dawk taʼ meta konna nżuru l-​fergħat madwar id-​dinja, u niftakru fl-​aħwa li ħdimna magħhom, vera nħossuna kuntenti! Issa li għandi iktar minn 80 sena, m’għandix daqshekk xogħol għax aħwa żgħażagħ ġew trenjati biex jagħmluh huma.

Is-​salmista kiteb: “Hieni l-​ġens li Alla tiegħu hu Ġeħova.” (Salm 33:12) Kemm hu minnu dan il-​kliem! Jiena vera kuntent li kelli l-​opportunità li naqdi lil Ġeħova mal-​poplu tiegħu.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja