Il-Ħamis, 23 taʼ Ottubru
“Jalla jkollkom għeruq b’saħħithom u tkunu sodi fuq il-pedament.”—Efes. 3:17.
Bħala Kristjani, aħna ma rridux nifhmu affarijiet faċli biss mill-Bibbja. L-ispirtu qaddis jistaʼ jgħinna nitgħallmu wkoll “l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Kor. 2:9, 10) Tistaʼ tagħmel studju fil-fond bil-mira li ssir ħabib iktar taʼ Ġeħova. Pereżempju tistaʼ tistudja dwar kif wera li jħobb lill-qaddejja tiegħu fil-passat, u kif dan juri li jħobb lilek ukoll. Tistaʼ tistudja wkoll dwar kif Ġeħova xtaq li jaqduh l-Iżraelin u kif dan jaqbel maʼ kif hu jrid li naqduh aħna. Jew tistaʼ tistudja fid-dettall il-profeziji li Ġesù wettaq meta kien fuq l-art. Se tieħu pjaċir ħafna li tfittex dwar suġġetti bħal dawn fil-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Jekk tistudja l-Bibbja fil-fond, se ssaħħaħ il-fidi tiegħek u “ssib l-għarfien t’Alla.”—Prov. 2:4, 5. w23.10 18-19 ¶3-5
Il-Ġimgħa, 24 taʼ Ottubru
“Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pt. 4:8.
Il-kelma li uża l-appostlu Pietru għal “profonda” tfisser “titwessaʼ.” It-tieni parti tal-vers turi x’se nagħmlu meta jkollna mħabba profonda lejn ħutna. Din tgħatti d-dnubiet taʼ ħutna. Ejja nġibu eżempju: Immaġina wiċċ taʼ mejda li fih ħafna grif u tbajjaʼ. Jekk taqbad dvalja u titfagħha fuq il-mejda, mhux se tgħatti biss tebgħa waħda imma se tgħatti l-grif u t-tbajjaʼ kollha. B’mod simili, jekk ikollna mħabba profonda għal ħutna, aħna nistgħu ngħattu, jew naħfru, mhux dnub wieħed biss, imma “kotra taʼ dnubiet.” L-imħabba għal ħutna għandha tkun b’saħħitha biżżejjed biex inkunu nistgħu naħfru n-nuqqasijiet tagħhom, anki meta jkun diffiċli ħafna. (Kol. 3:13) Meta naħfru lil oħrajn, nuru li l-imħabba tagħna hi b’saħħitha u nkunu qed nogħġbu lil Ġeħova. w23.11 11-12 ¶13-15
Is-Sibt, 25 taʼ Ottubru
“Safan beda jaqra minnu quddiem ir-re.”—2 Kron. 34:18.
Meta kellu 26 sena, ir-Re Ġosija beda jirranġa t-tempju. Dawk li kienu qed jirranġaw sabu “l-ktieb tal-Liġi taʼ Ġeħova li ngħata permezz taʼ Mosè.” Meta r-re semaʼ x’jgħid il-ktieb, mill-ewwel għamel il-bidliet biex jobdi dak li kien hemm miktub. (2 Kron. 34:14, 19-21) Int tixtieq taqra l-Bibbja b’mod regulari? Jekk diġà qed tagħmel hekk, qed tieħu pjaċir? Tieħu nota taʼ xi versi li jistgħu jgħinuk? Meta Ġosija kellu madwar 39 sena, ħa deċiżjoni li swietlu ħajtu. Minflok ma talab lil Ġeħova għall-għajnuna hu fada fih innifsu. (2 Kron. 35:20-25) Dan x’jgħallimna? Għandna kemm għandna żmien u ilna kemm ilna nistudjaw il-Bibbja, irridu nibqgħu nitgħallmu dwar Ġeħova. Dan ifisser li nitolbu lil Ġeħova b’mod regulari għall-għajnuna, nistudjaw il-Bibbja, u nagħtu kas il-pariri taʼ aħwa maturi. Jekk nagħmlu hekk, se nkunu ferħanin u jkollna inqas ċans li nagħmlu żbalji serji.—Ġak. 1:25. w23.09 12 ¶15-16