Il-Ħamis, 30 taʼ Ottubru
“Għamilna kemm għamilna progress, ejjew nibqgħu nimxu bl-istess mod.”—Flp. 3:16.
Ġeħova mhux se jaħseb li fallejt jekk ma tilħaqx mira li tkun diffiċli għalik. (2 Kor. 8:12) Ara x’tistaʼ titgħallem meta tiġri xi ħaġa li twaqqfek milli tilħaq il-mira li tkun għamilt. Żomm f’moħħok dak li diġà rnexxielek tagħmel. Il-Bibbja tgħid li ‘Alla mhux inġust biex jinsa dak li għamilt.’ (Ebr. 6:10) Lanqas int m’għandek tinsa. Aħseb dwar il-miri li diġà lħaqt. Jistgħu jkunu l-ħbiberija li bnejt ma’ Ġeħova, li titkellem dwaru m’oħrajn, jew il-magħmudija. Bħalma għamilt progress u rnexxielek tilħaq il-miri spiritwali fil-passat, int tistaʼ tibqaʼ tagħmel progress u tilħaq il-miri li għamilt issa. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova int tistaʼ tilħaq il-mira tiegħek. Dejjem ara kif Ġeħova qed jgħinek, u dan se jagħtik raġuni biex tkun ferħan waqt li tkompli taħdem biex tilħaq il-mira tiegħek. (2 Kor. 4:7) Jekk ma taqtax qalbek, se tirċievi barkiet ikbar.—Gal. 6:9. w23.05 31 ¶16-18
Il-Ġimgħa, 31 taʼ Ottubru
“Il-Missier iħobbkom peress li intom tħobbuni u emmintu li bagħatni hu.”—Ġw. 16:27.
Ġeħova jfittex modi biex juri lill-qaddejja tiegħu li hu jħobbhom u ferħan bihom. Fil-Bibbja nsibu żewġ okkażjonijiet fejn hu qal lil Ġesù li kien iħobbu u hu ferħan bih. (Mt. 3:17; 17:5) Tixtieq li Ġeħova jgħid li hu ferħan bik ukoll? Ġeħova ma jkellimniex mis-sema, imma jkellimna permezz tal-Bibbja. Meta naqraw dak li qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu, ikun qisu qed nisimgħu lil Ġeħova jgħid l-istess kliem lilna. Ġesù imita lil Missieru b’mod perfett. Mela meta naqraw li Ġesù qal lid-dixxipli imperfetti tiegħu li hu ferħan bihom, nistgħu nimmaġinaw lil Ġeħova jgħid l-istess lilna. (Ġw. 15:9, 15) Jekk ngħaddu minn xi problema, ma jfissirx li Ġeħova m’għadux ferħan bina. Minflok, dawn il-problemi jtuna ċ-ċans biex nuru lil Ġeħova kemm inħobbuh u kemm nafdawh.—Ġak. 1:12. w24.03 28 ¶10-11
Is-Sibt, 1 taʼ Novembru
It-tfal u anki t-trabi se jfaħħru lil Alla—Mt. 21:16.
Jekk għandek it-tfal, għinhom jippreparaw kummenti addattati għalihom. Xi kultant, waqt studju jkollna suġġetti serji, bħal problemi fiż-żwieġ jew suġġetti morali. Imma x’aktarx li matul l-istudju se jkun hemm xi paragrafu jew tnejn fejn jistgħu jikkummentaw it-tfal. Għin lit-tfal tiegħek ukoll biex jifhmu li l-ħu li jkun qed jikkonduċi mhux dejjem se jqabbadhom iwieġbu. Dan se jgħinhom biex ma jħossuhomx diżappuntati meta oħrajn jikkummentaw flokhom. (1 Tim. 6:18) Kulħadd jistaʼ jipprepara kummenti li bihom ifaħħar lil Ġeħova u jinkuraġġixxi lill-aħwa. (Prov. 25:11) Meta xi kultant ngħidu xi esperjenza personali, m’għandniex noqogħdu nitkellmu ħafna dwarna nfusna. (Prov. 27:2; 2 Kor. 10:18) Minflok, aħna nipprovaw niffokaw fuq Ġeħova, il-Bibbja, u l-poplu tiegħu.—Riv. 4:11. w23.04 24-25 ¶17-18