Il-Ġimgħa, 31 taʼ Ottubru
“Il-Missier iħobbkom peress li intom tħobbuni u emmintu li bagħatni hu.”—Ġw. 16:27.
Ġeħova jfittex modi biex juri lill-qaddejja tiegħu li hu jħobbhom u ferħan bihom. Fil-Bibbja nsibu żewġ okkażjonijiet fejn hu qal lil Ġesù li kien iħobbu u hu ferħan bih. (Mt. 3:17; 17:5) Tixtieq li Ġeħova jgħid li hu ferħan bik ukoll? Ġeħova ma jkellimniex mis-sema, imma jkellimna permezz tal-Bibbja. Meta naqraw dak li qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu, ikun qisu qed nisimgħu lil Ġeħova jgħid l-istess kliem lilna. Ġesù imita lil Missieru b’mod perfett. Mela meta naqraw li Ġesù qal lid-dixxipli imperfetti tiegħu li hu ferħan bihom, nistgħu nimmaġinaw lil Ġeħova jgħid l-istess lilna. (Ġw. 15:9, 15) Jekk ngħaddu minn xi problema, ma jfissirx li Ġeħova m’għadux ferħan bina. Minflok, dawn il-problemi jtuna ċ-ċans biex nuru lil Ġeħova kemm inħobbuh u kemm nafdawh.—Ġak. 1:12. w24.03 28 ¶10-11
Is-Sibt, 1 taʼ Novembru
It-tfal u anki t-trabi se jfaħħru lil Alla—Mt. 21:16.
Jekk għandek it-tfal, għinhom jippreparaw kummenti addattati għalihom. Xi kultant, waqt studju jkollna suġġetti serji, bħal problemi fiż-żwieġ jew suġġetti morali. Imma x’aktarx li matul l-istudju se jkun hemm xi paragrafu jew tnejn fejn jistgħu jikkummentaw it-tfal. Għin lit-tfal tiegħek ukoll biex jifhmu li l-ħu li jkun qed jikkonduċi mhux dejjem se jqabbadhom iwieġbu. Dan se jgħinhom biex ma jħossuhomx diżappuntati meta oħrajn jikkummentaw flokhom. (1 Tim. 6:18) Kulħadd jistaʼ jipprepara kummenti li bihom ifaħħar lil Ġeħova u jinkuraġġixxi lill-aħwa. (Prov. 25:11) Meta xi kultant ngħidu xi esperjenza personali, m’għandniex noqogħdu nitkellmu ħafna dwarna nfusna. (Prov. 27:2; 2 Kor. 10:18) Minflok, aħna nipprovaw niffokaw fuq Ġeħova, il-Bibbja, u l-poplu tiegħu.—Riv. 4:11. w23.04 24-25 ¶17-18
Il-Ħadd, 2 taʼ Novembru
“Ħa ma nibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-oħrajn, imma ħa nibqgħu mqajmin u f’sensina.”—1 Tess. 5:6.
L-imħabba wkoll hi importanti biex nibqgħu mqajmin u attenti. (Mt. 22:37-39) Meta nħobbu lil Alla, se nkunu nistgħu nibqgħu nippritkaw minkejja l-problemi li jistgħu jinqalgħulna. (2 Tim. 1:7, 8) Peress li nħobbu lin-nies li ma jħobbux lil Ġeħova, aħna nibqgħu nippritkaw, anki permezz tat-telefown u l-ittri. Aħna ma naħsbux li n-nies qatt mhu se jinbidlu u jagħmlu t-tajjeb. (Eżek. 18:27, 28) Aħna nħobbu wkoll lill-aħwa u nuru li nħobbuhom billi ‘nfarrġu lil xulxin u nibnu lil xulxin.’ (1 Tess. 5:11) Bħal suldati li jgħinu lil xulxin fi ġlieda, aħna ninkuraġġixxu lil xulxin. Aħna ġieli nweġġgħu lil ħutna imma mhux apposta jew biex inpattuhielhom. (1 Tess. 5:13, 15) Aħna nuru l-imħabba wkoll billi nirrispettaw l-aħwa li qed jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni.—1 Tess. 5:12. w23.06 10 ¶6; 11 ¶10-11