Is-Sibt, 1 taʼ Novembru
It-tfal u anki t-trabi se jfaħħru lil Alla—Mt. 21:16.
Jekk għandek it-tfal, għinhom jippreparaw kummenti addattati għalihom. Xi kultant, waqt studju jkollna suġġetti serji, bħal problemi fiż-żwieġ jew suġġetti morali. Imma x’aktarx li matul l-istudju se jkun hemm xi paragrafu jew tnejn fejn jistgħu jikkummentaw it-tfal. Għin lit-tfal tiegħek ukoll biex jifhmu li l-ħu li jkun qed jikkonduċi mhux dejjem se jqabbadhom iwieġbu. Dan se jgħinhom biex ma jħossuhomx diżappuntati meta oħrajn jikkummentaw flokhom. (1 Tim. 6:18) Kulħadd jistaʼ jipprepara kummenti li bihom ifaħħar lil Ġeħova u jinkuraġġixxi lill-aħwa. (Prov. 25:11) Meta xi kultant ngħidu xi esperjenza personali, m’għandniex noqogħdu nitkellmu ħafna dwarna nfusna. (Prov. 27:2; 2 Kor. 10:18) Minflok, aħna nipprovaw niffokaw fuq Ġeħova, il-Bibbja, u l-poplu tiegħu.—Riv. 4:11. w23.04 24-25 ¶17-18
Il-Ħadd, 2 taʼ Novembru
“Ħa ma nibqgħux reqdin bħalma jagħmlu l-oħrajn, imma ħa nibqgħu mqajmin u f’sensina.”—1 Tess. 5:6.
L-imħabba wkoll hi importanti biex nibqgħu mqajmin u attenti. (Mt. 22:37-39) Meta nħobbu lil Alla, se nkunu nistgħu nibqgħu nippritkaw minkejja l-problemi li jistgħu jinqalgħulna. (2 Tim. 1:7, 8) Peress li nħobbu lin-nies li ma jħobbux lil Ġeħova, aħna nibqgħu nippritkaw, anki permezz tat-telefown u l-ittri. Aħna ma naħsbux li n-nies qatt mhu se jinbidlu u jagħmlu t-tajjeb. (Eżek. 18:27, 28) Aħna nħobbu wkoll lill-aħwa u nuru li nħobbuhom billi ‘nfarrġu lil xulxin u nibnu lil xulxin.’ (1 Tess. 5:11) Bħal suldati li jgħinu lil xulxin fi ġlieda, aħna ninkuraġġixxu lil xulxin. Aħna ġieli nweġġgħu lil ħutna imma mhux apposta jew biex inpattuhielhom. (1 Tess. 5:13, 15) Aħna nuru l-imħabba wkoll billi nirrispettaw l-aħwa li qed jieħdu ħsieb il-kongregazzjoni.—1 Tess. 5:12. w23.06 10 ¶6; 11 ¶10-11
It-Tnejn, 3 taʼ Novembru
Jgħid Ġeħova xi ħaġa u ma jagħmilhiex?—Num. 23:19.
Mod wieħed kif insaħħu l-fidi tagħna hu billi naħsbu dwar is-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Il-fidwa hija garanzija li l-wegħdi t’Alla se jiġru. Meta naħsbu sew għala Ġeħova pprovdielna l-fidwa u x’kellu jagħmel, se nsaħħu l-fidi li l-wegħda t’Alla dwar ħajja f’dinja aħjar żgur se tiġri. Għala nistgħu nkunu ċerti? Il-fidwa x’kienet tinvolvi? Ġeħova bagħat lill-ewwel Iben tiegħu li tant iħobb u l-iktar persuna li kienet qrib tiegħu, biex jitwieled bħala bniedem perfett fuq l-art. Waqt li Ġesù kien fuq l-art, hu ssaporta ħafna provi differenti. Imbagħad hu bata u miet mewta b’ħafna wġigħ. Xi prezz kbir kellu jħallas Ġeħova! Alla ma kienx ħa jħalli lil Ibnu jbati u jmut għalina biex ikollna ħajja aħjar għal ftit żmien biss. (Ġw. 3:16; 1 Pt. 1:18, 19) Minħabba li Ġeħova ta lil Ibnu l-maħbub biex jgħinna, hu se jagħmel ċert li aħna nkunu nistgħu ngħixu fid-dinja l-ġdida għal dejjem. w23.04 27 ¶8-9