L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
30 Meta David u l-irġiel tiegħu waslu Siklag fit-tielet jum, l-Għamalekin kienu attakkaw in-Nofsinhar* u Siklag, u lil Siklag ħarquha. 2 Huma ħadu bħala lsiera lin-nisa u lil dawk kollha li kienu fiha, miż-żgħir sal-kbir. Ma qatlu lil ħadd, imma ħaduhom u telqu għal triqithom. 3 Meta David u l-irġiel tiegħu waslu l-belt, sabuha maħruqa, u n-nisa u t-tfal tagħhom subien u bniet kienu ttieħdu bħala lsiera. 4 Għalhekk, David u l-irġiel li kienu miegħu bdew jibku b’leħen għoli, sakemm ma felħux jibku iktar. 5 Aħinogħam il-Ġeżragħelija u Abigajl l-armla taʼ Nabal il-Karmeli, iż-żewġ nisa taʼ David, ukoll ittieħdu bħala lsiera. 6 David kien imdejjaq ħafna għax l-irġiel riedu jwaddbulu l-ġebel biex joqtluh. Huma kienu rrabjati ħafna* minħabba li ħadulhom it-tfal. Imma David għamel kuraġġ billi talab lil Ġeħova l-Alla tiegħu.
7 Imbagħad David qal lil Abjatar il-qassis bin Aħimelek: “Jekk jogħġbok, ġib l-efod* hawn.” U hekk għamel. 8 David beda jistaqsi lil Ġeħova: “Għandi niġri wara dan il-grupp ħallelin? Nilħaqhom?” Wieġbu: “Mur warajhom għax żgur tilħaqhom u tieħu lura kulma ħadu.”
9 David telaq minnufih mas-600 raġel li kienu miegħu u baqgħu sejrin sal-Wied taʼ Besor, fejn waqfu xi rġiel minnhom. 10 David baqaʼ jiġri wara l-ħallelin maʼ 400 raġel, imma l-200 l-oħra kienu għajjenin wisq biex jaqsmu l-Wied taʼ Besor, allura waqfu hemm.
11 Huma sabu raġel Eġizzjan fl-għalqa u ħaduh għand David. Huma tawh x’jiekol u x’jixrob, 12 kif ukoll biċċa minn ċappa tin ippressat u żewġ ċapep żbib. Wara li kiel, reġaʼ ħa saħħtu* għax ma kienx kiel jew xorob għal tlett ijiem u tliet iljieli. 13 David staqsieh: “Taʼ min int, u minn fejn int?” u wieġbu: “Jien qaddej Eġizzjan, ilsir taʼ raġel Għamaleki, imma sidi abbandunani għax imradt tlett ijiem ilu. 14 Aħna attakkajna n-Nofsinhar* tal-Keretin, it-territorju taʼ Ġuda, u n-Nofsinhar* taʼ Kaleb, u ħraqna lil Siklag.” 15 U David staqsieh: “Tistaʼ twassalni ħdejn dan il-grupp taʼ ħallelin?” Dan wieġbu: “Jekk taħlifli b’Alla li ma toqtolnix u ma tagħtinix lil sidi, inwasslek ħdejhom.”
16 Għalhekk wasslu ħdejhom. Dawn kienu mxerrdin mal-art kollha jieklu, jixorbu, u jiċċelebraw minħabba l-affarijiet kollha li kienu ħadu mill-art tal-Filistin u taʼ Ġuda. 17 Imbagħad minn qabel ma sebaħ sa ma dalam* David baqaʼ joqtolhom. Kien hemm biss 400 raġel li ħelsuha u ħarbu fuq l-iġmla. 18 David reġaʼ ħa lura kulma kienu ħadu l-Għamalekin, u salva liż-żewġ nisa tiegħu. 19 Xejn ma kien hemm nieqes minn dak li kellhom, miż-żgħir sal-kbir. Huma ħadu lura s-subien u l-bniet tagħhom u l-affarijiet. David ħa lura kulma kienu ħadu. 20 Għalhekk, David ħa l-baqar u n-nagħaġ kollha tal-Għamalekin, u l-irġiel tiegħu mexxewhom quddiem il-bhejjem tagħhom. Huma qalu: “Dan hu li ħa David.”
21 Imbagħad, David wasal ħdejn il-200 raġel li kienu għajjenin wisq biex imorru miegħu u li kienu baqgħu ħdejn il-Wied taʼ Besor. Huma ħarġu jiltaqgħu miegħu u man-nies l-oħrajn. Meta David resaq lejhom, staqsiehom kif kienu. 22 Madankollu, kull raġel li mhu tajjeb għal xejn u li jaġixxi ħażin minn dawk li marru maʼ David qal: “Talli ma ġewx magħna, ma nagħtuhom xejn minn dak li ħlisna. Nagħtuhom biss in-nisa u t-tfal tagħhom, u jitilqu.” 23 Imma David qalilhom: “Tagħmlux hekk ħuti b’dak li tana Ġeħova. Hu pproteġiena u tana f’idejna lill-grupp taʼ ħallelin li ġew kontrina. 24 Min se jaqbel magħkom f’dan? Is-sehem taʼ dak li niżel għall-battalja għandu jkun l-istess bħas-sehem taʼ dak li qagħad mal-affarijiet. Kulħadd ikollu sehem indaqs.” 25 U minn dakinhar ’il quddiem, din kienet regola u saret liġi f’Iżrael.
26 Meta David mar lura Siklag, qabad ftit minn dak li ħa u bagħathom lill-anzjani* taʼ Ġuda, li kienu ħbiebu, u qalilhom: “Dan hu rigal* għalikom mill-affarijiet tal-għedewwa taʼ Ġeħova.” 27 Hu bagħathom lil dawk li kienu f’Betel, f’Ramot tan-Negeb,* f’Ġattir, 28 f’Għarogħer, f’Sifmot, f’Estemogħa, 29 f’Rakal, fil-bliet tal-Ġeraħmelin, fil-bliet tal-Kenin, 30 f’Ħorma, f’Borgħasan, f’Għatak, 31 f’Ħebron, u fil-postijiet kollha fejn kienu marru David u l-irġiel tiegħu.