It-Tieni Kronaki
4 Imbagħad għamel l-artal tar-ram twil 20 kubitu, wiesaʼ 20 kubitu, u għoli għaxar kubiti.
2 Hu għamel vaska kbira minn metall imdewweb li ssemmiet il-Baħar. Din kienet tonda u kienet għaxar kubiti minn xifer sa xifer u l-għoli tagħha kien ħames kubiti. Il-qies tad-dawra kien 30 kubitu.* 3 U taħt ix-xifer kien imżejjen bi frott tond żgħir, għaxra f’kull kubitu madwar il-Baħar kollu. Il-frott tond żgħir kien f’żewġ ringieli u maħdum biċċa waħda miegħu. 4 Dan kien fuq 12-il barri, tlieta jħarsu lejn it-Tramuntana, tlieta jħarsu lejn il-Punent, tlieta jħarsu lejn in-Nofsinhar, u tlieta jħarsu lejn il-Lvant. Il-Baħar kien iserraħ fuqhom, u n-naħa taʼ wara tagħhom kienet lejn in-nofs. 5 U l-ħxuna tiegħu kienet daqs wisaʼ taʼ id;* u x-xifer tiegħu kien maħdum bħax-xifer taʼ tazza, bħal ġilju qed jiftaħ. Dan kien jesaʼ 3,000 bat* ilma.
6 Barra minn hekk, għamel għaxar vaski biex jaħslu u jlaħalħu fihom l-affarijiet li kellhom x’jaqsmu mal-offerta tal-ħruq. Hu poġġiehom ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug tad-dar. Imma l-ilma tal-Baħar kienu jużawh il-qassisin biex jinħaslu.
7 Imbagħad għamel għaxar gandlieri tad-deheb, skont id-dettalji taʼ kif kellhom ikunu, u poġġiehom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug.
8 Hu għamel ukoll għaxar imwejjed u qegħedhom fit-tempju, ħamsa fuq il-lemin u ħamsa fuq ix-xellug, u 100 skutella tad-deheb.
9 Imbagħad għamel il-bitħa tal-qassisin, il-bitħa l-kbira, u l-bibien tagħhom, u l-bibien ksiehom bir-ram. 10 U l-Baħar poġġieh fuq in-naħa tal-lemin tad-dar, lejn ix-Xlokk.
11 Ħiram għamel ukoll ir-reċipjenti għall-irmied, il-pali, u l-iskutelli.
Għalhekk, Ħiram lesta x-xogħol li tah ir-Re Salamun għad-dar tal-Alla l-veru. 12 Hu għamel iż-żewġ kolonni u l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuqhom; iż-żewġ xbieki tar-ram biex jiksu l-partijiet imżejnin forma taʼ skutelli li kienu fuq il-kolonni; 13 l-400 rummiena għaż-żewġ xbieki, żewġ ringieli rummien għal kull xibka biex jiksu ż-żewġ partijiet imżejnin taʼ fuq il-kolonni; 14 l-għaxar karrijiet* u l-għaxar vaski taʼ fuqhom; 15 il-Baħar u t-12-il barri taʼ taħtu; 16 u r-reċipjenti għall-irmied, il-pali, il-frieket, u l-għodod l-oħrajn li Ħiram-abiv għamel mir-ram illostrat għar-Re Salamun għad-dar taʼ Ġeħova. 17 Ir-re għamilhom minn metall imdewweb f’forom tat-tafal fid-distrett tal-Ġordan, bejn Sukkot u Saretan. 18 Salamun għamel kwantità kbira minn dawn l-għodod kollha. Il-piż tar-ram baqaʼ mhux magħruf.
19 Salamun għamel l-għodod kollha għad-dar tal-Alla l-veru: l-artal tad-deheb; l-imwejjed għall-ħobż tal-preżenza; 20 il-gandlieri u l-lampi tagħhom tad-deheb pur, biex jinxtegħlu quddiem il-kamra taʼ ġewwa nett skont il-bżonn; 21 il-fjuri, il-lampi, u l-għodod li jitfu l-ftila bihom li kienu kollha mill-iktar deheb pur; 22 l-għodod li jittrimmjaw u jitfu l-ftila bihom, l-iskutelli, it-tazzi, ir-reċipjenti għall-ġamar li kienu kollha tad-deheb pur; id-daħla tad-dar, il-bibien taʼ ġewwa tagħha għall-Iktar Qaddis, u l-bibien tad-dar tat-tempju li kienu kollha tad-deheb.