Kif Nistaʼ Ngħin lil Uliedi Jiksbu Edukazzjoni Vera?
L-EDUKAZZJONI taʼ tifel, jew tifla, tistaʼ titqabbel maʼ vjaġġ eċċitanti u taʼ sfida. Huwa vjaġġ li int u wliedek tagħmlu flimkien. Int tagħtihom l-inkuraġġiment u bi mħabba tagħtihom il-gwida, billi tgħinhom jagħmlu progress fit-triq tal-ħajja. Għandhom ħafna x’jitgħallmu!
Sabiex verament jirnexxu u jkunu ferħanin fil-ħajja, it-tfal għandhom jiżviluppaw valuri morali u spiritwali, billi jitgħallmu jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin. Jekk huma jsiru jafu u jħobbu lil Ġeħova, l-edukazzjoni tagħhom se tkun taʼ sodisfazzjon veru u l-istruzzjoni li jirċievu se tkun dejjiema. Bħala ġenitur, int għandek irwol prinċipali f’dak li wliedek jitgħallmu u fil-mod kif jistmaw u jifhmu dan it-tagħlim.
F’dan il-vjaġġ hemm sfidi li l-ġenituri jridu jegħlbu. It-tfal jinfluwenzaw ruħhom malajr u jistgħu jitgħallmu ħafna affarijiet li m’humiex siewja mill-ambjent taʼ barra ċ-ċirku tal-familja. Aħna ngħixu f’dinja maħkuma minn Satana x-Xitan. (1 Ġwanni 5:19) Hu interessat fl-edukazzjoni taʼ wliedek, imma għal raġunijiet kompletament differenti. Satana huwa għalliem tas-sengħa u għandu ħafna esperjenza—imma huwa wkoll għalliem mill-agħar. Għalkemm jagħmilha taʼ “anġlu tad-dawl,” l-għarfien li hu joffri huwa qarrieqi u kontra l-Kelma u r-rieda taʼ Ġeħova. (2 Korintin 4:4; 11:14; Ġeremija 8:9) Kemm ix-Xitan u kemm id-demonji tiegħu għandhom sengħa kbira f’li jqarrqu, f’li jippromwovu l-egoiżmu, id-diżonestà, u l-morali mħassrin.—1 Timotju 4:1.
X’tistaʼ tagħmel biex tipproteġi lil uliedek milli jiġu żvijati? Kif tistaʼ tgħinhom iħaddnu dak li huwa veru u taʼ siwi? Pass importanti hu li teżamina sew lilek innifsek. Trid tagħti eżempju tajjeb. Huwa vitali wkoll li taċċetta r-responsabbiltà tiegħek li tħarreġ lil uliedek u tqattaʼ l-ħin meħtieġ biex tagħmel dan. Madankollu, qabel ma nikkunsidraw dawn il-punti ejja niskopru x’inhu l-pedament għal edukazzjoni siewja.
Il-Pedament għal Edukazzjoni Vera
Nistgħu nitgħallmu mis-Sultan Salamun taʼ Iżrael, wieħed mill-iktar irġiel għorrief li qatt għexu. Il-Bibbja tgħidilna: “Alla ta għerf lil Salamun u dehen kbir ħafna, u moħħ bla qjies bħar-ramel f’xatt il-baħar. U l-għerf taʼ Salamun kien akbar mill-għerf tan-nies kollha tal-Lvant u mill-għerf kollu taʼ l-Eġittu.” Salamun “qabbel tlett elef proverbju, u l-għana tiegħu kien ilaħħaq elf għanja u ħamsa.” Hu kellu għarfien kbir dwar il-pjanti u l-ħajja taʼ l-annimali. (1 Slaten 5:9-14 [4:29-34, NW]) Is-Sultan Salamun kien ukoll jieħu ħsieb il-proġetti taʼ bini f’Iżrael, inkluż il-bini tat-tempju grandjuż taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm.
Il-kitbiet taʼ Salamun, bħal dawk li jinsabu fil-ktieb taʼ Koħèlet, juru li hu kellu fehma profonda tan-natura tal-bniedem. Hu ġie ispirat minn Alla biex jenfasizza l-pedament taʼ l-edukazzjoni vera. Salamun qal: “Il-biżaʼ tal-Mulej hu l-bidu taʼ l-għerf.” Is-sultan għaref stqarr ukoll: “Il-biżaʼ tal-Mulej hu l-bidu taʼ l-għerf, u li tagħraf lill-Qaddis hu d-dehen.”—Proverbji 1:7; 9:10.
Jekk għandna l-biżaʼ t’Alla, aħna għandna rispett riverenzjali lejh u noqogħdu attenti li ma nagħmlux xi ħaġa li ma togħġbux. Aħna nagħrfu li hu l-Wieħed Suprem u li aħna rridu nagħtu kont lilu. Dawk li ma jagħtux kas tal-wieħed li ħajjitna tiddependi minnu jistgħu jitqiesu bħala għorrief mill-bnedmin, imma għerf bħal dan huwa “bluha għal Alla.” (1 Korintin 3:19) Uliedek għandhom bżonn edukazzjoni li hija bbażata fuq “l-għerf li ġej minn fuq.”—Ġakbu 3:15, 17.
Il-biżaʼ li ma nogħġbux lil Ġeħova huwa relatat mill-qrib maʼ l-imħabba għalih. Ġeħova jixtieq li l-qaddejja tiegħu jibżgħu minnu u jħobbuh. Mosè qal: “Iżrael, x’inhu jitlob Alla minnek, jekk mhux li tibżaʼ mill-Mulej, Alla tiegħek; li timxi fi triqatu kollha; li tħobbu u li sservi lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha u b’ruħek kollha; li tħares il-kmandamenti tal-Mulej u l-liġijiet tiegħu, li jien illum qiegħed nordnalek għall-ġid tiegħek.”—Dewteronomju 10:12, 13.
Jekk innaqqxu f’uliedna l-biżaʼ riverenzjali taʼ Ġeħova, aħna nkunu qed inqiegħdu l-pedament għal edukazzjoni li se tagħmel lil uliedna verament għorrief. Hekk kif huma jibnu fuq dan il-pedament, l-apprezzament tagħhom għall-Ħallieq tagħhom, is-Sors taʼ l-għerf veru kollu, se jikber. Dan se jgħin lil uliedna biex ikollhom fehma bilanċjata lejn dak li qed jitgħallmu, u biex ma jaslux għal konklużjonijiet ħżiena. Huma se jiżviluppaw l-abbiltà li “jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.” (Ebrej 5:14) Pedament bħal dan se jgħinhom ukoll biex jibqgħu umli u biex ma jagħmlux dak li hu ħażin.—Proverbji 8:13; 16:6.
Uliedek Qed Jinnotawk!
Però, kif nistgħu ngħinu lil uliedna jħobbu lil Ġeħova u jibżgħu minnu? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tinsab fil-Liġi li Ġeħova ta lill-poplu taʼ Iżrael permezz tal-profeta Mosè. Lill-ġenituri Iżraelin intqalilhom: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha. Żomm f’qalbek dan il-kliem u dawn il-kmandamenti li qiegħed nagħtik illum. Tennihom lil uliedek, u tkellem fuqhom meta tkun f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum.”—Dewteronomju 6:5-7.
Dawn il-versi jgħallmu lill-ġenituri lezzjonijiet importanti. Waħda minnhom hija din: Bħala ġenitur, għandek tagħti eżempju tajjeb. Sabiex tgħallem lil uliedek iħobbu lil Ġeħova, int stess għandek tħobb lil Alla, u kliemu għandu jkun miktub f’qalbek. Dan għala huwa daqstant importanti? Għaliex int l-għalliem prinċipali taʼ wliedek. Dak li jitgħallmu mill-eżempju tiegħek se jkollu effett profond fuqhom. U xejn ma jkollu influwenza akbar fuq il-ħajja tat-tfal mill-eżempju tal-ġenituri.
Ix-xewqat, il-prinċipji, il-valuri, u l-interessi tiegħek jidhru mhux biss f’dak li tgħid imma wkoll f’dak li tagħmel. (Rumani 2:21, 22) Miċ-ċokon, it-tfal jitgħallmu billi josservaw bir-reqqa lill-ġenituri tagħhom. It-tfal jagħrfu x’inhu importanti għall-ġenituri tagħhom, u dawn huma l-affarijiet li spiss isiru importanti għaż-żgħar. Jekk int verament tħobb lil Ġeħova, it-tfal tiegħek se jagħrfuh dan. Per eżempju, se jaraw li l-qari tal-Bibbja u l-istudju huma importanti għalik. Huma se jirrealizzaw li int tpoġġi l-interessi tas-Saltna l-ewwel f’ħajtek. (Mattew 6:33) L-attendenza regulari tiegħek għal-laqgħat Kristjani u l-parteċipazzjoni fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna se juruhom li s-servizz sagru lil Ġeħova huwa l-iktar ħaġa importanti għalik.—Mattew 28:19, 20; Ebrej 10:24, 25.
Erfaʼ r-Responsabbiltà Tiegħek
Lezzjoni oħra li l-ġenituri jistgħu jitgħallmu minn Dewteronomju 6:5-7 hija din: Int għandek ir-responsabbiltà li tħarreġ lil uliedek. Fost il-poplu taʼ Ġeħova fi żmien il-qedem, il-ġenituri ħadu ħsieb l-edukazzjoni taʼ wliedhom. Fost il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu, il-ġenituri baqaʼ jkollhom irwol vitali fl-edukazzjoni taʼ wliedhom. (2 Timotju 1:5; 3:14, 15) F’ittra lill-Kristjani sħabu, l-appostlu Pawlu indika li l-missirijiet b’mod partikulari kellhom ‘jibqgħu jrabbu [lil uliedhom] fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.’—Efesin 6:4.
Taħt pressjoni minħabba l-bżonnijiet tal-ħajja, ix-xogħol, u l-attivitajiet oħrajn li jirrikjedu l-ħin u l-enerġija tagħhom, il-ġenituri jistgħu jitħajru jħallu l-edukazzjoni taʼ wliedhom f’idejn ħaddieħor, bħall-għalliema taʼ l-iskola u nies professjonali li xogħolhom hu li jieħdu ħsieb it-tfal. Madankollu, ħadd ma jistaʼ jieħu post ġenitur li jħobb u li juri interess. Qatt taħseb li l-importanza u l-influwenza tiegħek m’humiex taʼ valur. Jekk għandek bżonn l-għajnuna, agħżilha bl-għerf, imma qatt m’għandek twarrab id-dmir sagru tiegħek.
Qattaʼ l-Ħin fit-Taħriġ taʼ Wliedek
Lezzjoni oħra li l-ġenituri jitgħallmu minn Dewteronomju 6:5-7 hija din: It-taħriġ tat-tfal jirrikjedi l-ħin u l-isforz. Il-ġenituri Iżraelin kellhom itennu l-verità t’Alla lil uliedhom. Il-kelma Ebrajka oriġinali tradotta “tenna” tfisser “li tirripeti,” “li tgħid darba wara l-oħra.” Dan kellu jsir matul il-ġurnata, iva, minn fil-għodu sa fil-għaxija, “f’darek” u “fit-triq.” Jirrikjedi ħin u sforz biex tgħallem lit-tfal u biex issawwar l-attitudni u l-imġiba tagħhom b’mod li huma jogħġbu lil Alla.
Allura, x’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil uliedek jiksbu edukazzjoni vera? Ħafna. Għallimhom iħobbu lil Ġeħova u jibżgħu minnu. Agħti eżempju tajjeb. Erfaʼ r-responsabbiltà tiegħek biex tgħallem lil uliedek, u ħu l-ħin meħtieġ biex tħarriġhom. Int m’intix perfett, u se tagħmel xi żbalji fl-isforzi tiegħek biex tedukahom. Imma jekk sinċerament tistinka biex tagħmel ir-rieda t’Alla, uliedek x’aktarx li se japprezzaw l-isforzi tiegħek u jibbenefikaw minnhom. Proverbji 22:6 jgħid: “Ħarreġ tifel jimxi fit-triq it-tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.” L-istess prinċipju japplika għall-bniet.
L-edukazzjoni hija vjaġġ li jibqaʼ sejjer tul il-ħajja kollha taʼ persuna. Jekk int u wliedek tħobbu lil Alla, huwa vjaġġ li se tkunu tistgħu tgawdu għal dejjem. Dan hu għaliex dejjem se jkun hemm iktar x’nitgħallmu dwar Ġeħova u dwar kif nistgħu nwettqu l-iskop tiegħu.—Koħèlet 3:10, 11.
[Stampa f’paġna 15]
Taqraha int il-Bibbja lil uliedek?
[Stampa f’paġna 16]
Ħu l-ħin biex tgħallem lil uliedek dwar il-Ħallieq