LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 7/8 pp. 22-24
  • Tbissem Jagħmillek Tajjeb!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tbissem Jagħmillek Tajjeb!
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Effett Tajjeb li Tħalli Fuqek u fuq Oħrajn
  • Bi Ħsibijiet Pożittivi, Iktar Faċli li Titbissem
  • Il-Qawwa taʼ Tbissima
    Stenbaħ!—2003
  • It-​tbissima tiegħek—Tferraħ lilek u lil ħaddieħor!
    Stenbaħ!—2017
  • Lezzjoni 5
    Nitgħallem mill-Bibbja
  • Bis-​Saħħa taʼ Tbissima!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 7/8 pp. 22-24

Tbissem Jagħmillek Tajjeb!

MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIL-​ĠAPPUN

META tkun ġenwina din tneħħi s-​suspetti. Tneħħi ħafna mill-​preġudizzju li jkun trabba matul is-​snin. Trattab il-​qalb taʼ min ma jkunx irid jemmen u jafda f’ħaddieħor. Iġġib serħan u ferħ lil ħafna. Din donnha tgħid, “Nifhmek. Tinkwieta xejn.” Titlob lil dak li jkun, “Nispera li nistgħu nkunu ħbieb.” U x’inhi allura din l-​għodda b’saħħitha? Hija t-​tbissima. Tistaʼ tkun it-​tbissima TIEGĦEK.

X’inhi tbissima? Id-​dizzjunarji ġeneralment jiddefinixxu l-​kelma tbissima bħala ‘espressjoni tal-​wiċċ fejn il-​kantunieri tal-​ħalq jitilgħu kemm kemm ’il fuq, biex jesprimu gost, approvazzjoni, jew ferħ.’ Dan huwa s-​sigriet taʼ tbissima mill-​qalb. Tbissima hija mod kif wieħed jesprimi dak li jkun qed iħoss jew jikkomunika mingħajr kliem l-​emozzjonijiet tiegħu lil oħrajn. M’għandniex xi ngħidu, tbissima tistaʼ tesprimi wkoll stmerrija jew disprezz, imma dik kwistjoni oħra.

Jagħmel differenza jekk tidħaqx jew le? Għandek amment meta xi ħadd daħaqlek u kif int ħadt ir-​ruħ jew ħassejtek komdu? Jew tiftakar meta xi ħadd ma daħaqlekx u ħassejtek nervuż jew m’intix mixtieq? Iva, tbissima tagħmel differenza. Din teffettwa kemm lil dak li jidħaq u kemm lil dak li jidħqulu. Il-​karattru Bibliku Ġob, qal dwar l-​għedewwa tiegħu: “Jekk kont nitbissmilhom, ma kinux jemmnu lil għajnejhom, u l-​ferħ taʼ wiċċi xejn ma kienu jitilfu minnu.” (Ġob 29:24) Wiċċ Ġob għandu mnejn kien jixhed il-​burdata tajba u l-​ferħ li kellu.

Tbissima mill-​qalb għadha sal-​lum tħalli effett pożittiv. Din tistaʼ tgħin biex tneħħi t-​tensjoni li tkun inġemgħet maż-​żmien, l-​istess bħalma jagħmel valv tal-​pressure cooker. Meta nħossuna nervużi jew ikunu se jitilgħulna, tbissima tistaʼ tgħinna biex intaffu n-​nervi u nikkontrollaw it-​tempra. Per eżempju, Tomoko taʼ spiss kienet tinnota lil oħrajn iħarsu lejha. Hi kienet taħseb li dawn kienu joqogħdu jfittxulha d-​difetti tagħha, għax meta kienu jindunaw li qed tħarsilhom kienu jdawru wiċċhom malajr. Tomoko kienet tħossha waħedha u mdejqa. Darba minnhom, ħabiba ssuġġeritilha biex meta taqbad lil xi ħadd iħarsilha, tidħaqlu. Tomoko pprovat tagħmel hekk għal ġimagħtejn u baqgħet skantata kif kulħadd daħqilha lura! It-​tensjoni marritilha. Hi tgħid: “Sirt iktar ferħana.” Iva, tbissima ġġagħalna nħossuna iktar komdi m’oħrajn u tgħinna nsiru dħulin iżjed.

L-​Effett Tajjeb li Tħalli Fuqek u fuq Oħrajn

Tbissima tistaʼ teffettwa emozzjonalment lil dak li jkun. Tgħin lill-​individwu jkollu burdata tajba. Din tajba wkoll għas-​saħħa. Hemm qawl li jgħid, “Daħqa bżonnjuża daqs ix-​xemx.” Fil-​fatt, l-​awtoritajiet mediċi jinnotaw li l-​burdata taʼ dak li jkun għandha x’taqsam ħafna maʼ l-​istat fiżiku tiegħu. Ħafna studji juru li stress fit-​tul, emozzjonijiet negattivi, u affarijiet bħal dawn idgħajfulna s-​sistema taʼ l-​immunità. Mill-​banda l-​oħra, jekk nitbissmu nħossuna ferħanin, u d-​daħq saħansitra jsaħħilna s-​sistema taʼ l-​immunità.

Tbissima teffettwa ħafna lil oħrajn. Immaġina sitwazzjoni fejn tkun qed tingħata parir jew qed tiġi mwissi. Liema espressjoni tixtieq tara fuq wiċċ dak li jkun qed jagħtik il-​parir? Espressjoni bierda jew serja fuq wiċċu tistaʼ ġġagħlek tħossok li hu rrabjat miegħek, imdejjaq bik, m’għandux grazzja miegħek, jew saħansitra ma jaħmlekx. Mill-​banda l-​oħra, tbissima mill-​qalb fuq wiċċ dak li jkun qed jagħtik parir, se ġġagħlek tħossok iktar komdu, u b’hekk ikun iktar faċli għalik li tilqaʼ l-​parir. Żgur li tbissima tgħin biex ittaffi n-​nuqqas taʼ ftehim f’xi sitwazzjoni kerha.

Bi Ħsibijiet Pożittivi, Iktar Faċli li Titbissem

M’għandniex xi ngħidu, il-​biċċa l-​kbira minna m’aħniex bħal atturi professjonali li jistgħu jċarrtu ħalqhom malajr ikun x’ħin ikun; u lanqas ma nixtiequ nkunu hekk. Aħna rridu li nitbissmu b’mod naturali u ġenwin. Għalliema fi skola tal-​komunikazzjoni kkummentat: ‘Huwa importanti li tirrilassa u titbissem minn qiegħ qalbek, għax inkella t-​tbissima tiegħek tistaʼ tidher artifiċjali.’ Kif nistgħu nidħqu b’mod sinċier minn qiegħ qalbna? Il-​Bibbja tistaʼ tgħinna f’dan ir-​rigward. Dwar id-​diskors tagħna tgħidilna hekk f’Mattew 12:34, 35: “Mill-​milja tal-​qalb jitkellem il-​fomm. Il-​bniedem tajjeb joħroġ ħwejjeġ tajba mill-​ħażna tat-​tajjeb tiegħu; imma l-​bniedem ħażin joħroġ ħwejjeġ ħżiena mill-​ħażna tal-​ħażen tiegħu.”

Tinsiex, tbissima hija mod kif nikkomunikaw mingħajr kliem dak li nkunu qed inħossu. Jekk inżommu f’moħħna li aħna nitkellmu “mill-​milja tal-​qalb” u li “ħwejjeġ tajba” joħorġu minn “ħażna tat-​tajjeb,” naraw ċar li s-​sigriet għal tbissima ġenwina jinsab fil-​ħsibijiet u l-​emozzjonijiet tagħna. Iva, dak li hemm f’qalbna bla dubju se joħroġ, xi darba jew oħra, mhux biss fil-​kliem u l-​azzjonijiet tagħna stess imma wkoll fl-​espressjonijiet taʼ wiċċna. B’hekk, jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex niffokaw fuq ħsibijiet pożittivi. Dak li naħsbu dwar oħrajn jeffettwa ħafna lill-​espressjoni taʼ wiċċna. Mela ejja nikkonċentraw fuq il-​kwalitajiet mill-​aħjar li għandhom il-​membri tal-​familja, il-​ġirien tagħna, u l-​ħbieb tagħna tal-​qalb. Jekk nagħmlu hekk se nsibuha iktar faċli li nitbissmulhom. It-​tbissima se tkun ġenwina, għax se tkun imqanqla minn qalb tajba u mimlija ħniena u li tixtieq il-​ġid. Għajnejna se jixegħlu, u oħrajn se jindunaw li qed nidħqulhom għax veru rridu.

Iżda, irridu nammettu li minħabba t-​trobbija jew l-​ambjent tagħhom, xi nies isibuha iktar diffiċli minn oħrajn biex jidħqu. Anki jekk ikunu jixtiequ jagħmlu ħafna ġid lill-​proxxmu tagħhom, ma jkunux imdorrijin jitbissmu lil oħrajn. Per eżempju, it-​tradizzjoni titlob li l-​irġiel Ġappuniżi jridu jikkontrollaw l-​emozzjonijiet tagħhom u joqogħdu kwieti l-​ħin kollu. Għalhekk, ħafna minnhom m’humiex imdorrijin jitbissmu lil dawk li huma jqisuhom barranin. Dan jistaʼ jgħodd ukoll għal kulturi oħrajn. Jew xi individwi jkunu mistħijin minnhom, u forsi ma jkunx faċli għalihom li jitbissmu lil oħrajn. Għaldaqstant, m’għandniex niġġudikaw lil oħrajn skond kemm tkun kbira t-​tbissima jew skond kemm-il darba jitbissmu. In-​nies huma differenti, u l-​istess huma l-​karatteristiċi tagħhom u l-​modi kif jikkomunikaw m’oħrajn.

Madankollu, jekk issibha iebsa biex titbissem lil oħrajn, għax ma taħdimx fuqha? Il-​Bibbja tagħtina l-​parir: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid; . . . ħa nagħmlu l-​ġid maʼ kulħadd.” (Galatin 6:9, 10) Mod wieħed kif “nagħmlu l-​ġid” lil oħrajn hu billi nidħqulhom—u dan kapaċi tagħmlu! Allura ħu l-​inizjattiva biex issellem lil oħrajn u tgħidilhom kelma taʼ inkuraġġiment bi tbissima. Dan se japprezzawh ħafna. Ukoll se ssib li iktar ma tiżviluppa din id-​drawwa, iktar se ssibha faċli li titbissem.

[Kaxxa f’paġna 23]

Kelmtejn taʼ Twissija

Jiddispjaċina ngħidu li mhux kull tbissima li naraw hija ġenwina. Imbroljuni, bejjiegħa bla skruplu, u oħrajn jistgħu jitbissmulek b’mod li jsaħħrek. Huma jafu li tbissima tistaʼ tħoll lin-​nies u ġġagħalhom ma jissuspettaw ħażin f’xejn. Nies b’morali dubjużi jew motivi mhux nodfa wkoll jistgħu jitbissmulek hekk. Madankollu, it-​tbissima tagħhom tkun fil-​vojt; huma jkunu jridu jqarrqu bik. (Koħèlet 7:6) Allura filwaqt li m’għandekx għalfejn tissuspetta żżejjed f’oħrajn, irridu nżommu f’moħħna li billi qed ngħixu fl-​“aħħar tad-​dinja,” li huwa żmien iebes biex issib tarfu, irridu ‘nkunu għaqlin bħas-​sriep u safjin bħall-​ħamiem,’ bħalma rrikkmandalna Ġesù nnifsu.—2 Timotju 3:1; Mattew 10:16.

[Stampa f’paġna 24]

Ħu l-​inizjattiva biex issellem lil oħrajn bi tbissima

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja