Il-Kobor taʼ Jehovah Hu Bla Tarf
“Kbir il-Mulej, taʼ min ifaħħru bil-bosta, bla tarf il-kobor tiegħu.”—Salm 145:3.
1, 2. David x’tip taʼ persuna kien, u kif qies lilu nnifsu ħdejn Alla?
IL-KOMPOŻITUR taʼ Salm 145 hu wieħed mill-iktar irġiel famużi fl-istorja tal-bniedem. Bħala tifel, hu ffaċċja ġgant armat sa snienu u qatlu. U bħala sultan gwerrier, dan is-salmista rebaħ lil ħafna għedewwa. Kien jismu David, u kien it-tieni sultan taʼ Iżrael tal-qedem. Il-fama taʼ David baqgħet tissemma anki wara mewtu, tant li saħansitra llum miljuni taʼ nies jafu xi ħaġa dwaru.
2 Minkejja dak kollu li David irnexxielu jwettaq, hu kien bniedem umli. Hu għanna dwar Jehovah: “Inħares lejn is-smewwiet, għemil subgħajk, il-qamar u l-kwiekeb li int qegħedt fihom! X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem, biex taħseb fih?” (Salm 8:4, 5 [8:3, 4, NW]) Minflok ma qagħad jaħseb li hu nnifsu kien xi ħaġa kbira, David ta l-kredtu lil Jehovah talli ħelsu mill-għedewwa kollha tiegħu u dwar Alla qal: “Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek; l-[“umiltà,” NW] tiegħek kabbritni.” (2 Samwel 22:1, 2, 36) Jehovah juri l-umiltà meta juri ħniena mal-midinbin, u David apprezza l-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla.
‘Inkabbar lil Alla s-Sultan’
3. (a) David kif kien iqis il-fatt li hu kien is-sultan taʼ Iżrael? (b) David sa liema punt xtaq ifaħħar lil Jehovah?
3 Għalkemm David kien is-sultan maħtur minn Alla, hu kien iqis lil Jehovah bħala s-Sultan veru taʼ Iżrael. “Tiegħek is-saltna, Mulej, int kap fuq kulħadd,” qal David. (1 Kronaki 29:11) U kemm kien japprezza David lil Alla bħala Ħakkiem! “Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,” hu għanna, “u nbierek ismek għal dejjem taʼ dejjem. Kuljum irrid inbierkek, u nfaħħar ismek għal dejjem taʼ dejjem.” (Salm 145:1, 2) Ix-xewqa taʼ David kienet li jfaħħar lil Alla Jehovah matul il-jum u għall-eternità kollha.
4. Salm 145 jikxef liema akkużi foloz?
4 Salm 145 jipprovdi tweġiba konvinċenti għall-istqarrija taʼ Satana li Alla hu ħakkiem egoist li jċaħħad lill-ħlejjaq tiegħu mil-libertà. (Ġenesi 3:1-5) Dan is-salm jikxef ukoll il-gidba li qal Satana illi dawk li jobdu lil Alla jobduh biss għax jistgħu jakkwistaw xi ħaġa mingħandu, u mhux għax iħobbuh. (Ġob 1:9-11; 2:4, 5) Bħal David, il-Kristjani veri llum qed jipprovdu t-tweġiba għall-akkużi foloz tax-Xitan. Huma jgħożżu t-tama tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem taħt il-ħakma tas-Saltna għax jixtiequ jfaħħru lil Jehovah għall-eternità kollha. Miljuni taʼ nies diġà bdew jagħmlu dan billi jeżerċitaw il-fidi tagħhom fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa u billi jaqdu lil Jehovah b’ubbidjenza u bi mħabba bħala l-aduraturi dedikati u mgħammdin tiegħu.—Rumani 5:8; 1 Ġwanni 5:3.
5, 6. X’opportunitajiet għandna biex inbierku u nfaħħru lil Jehovah?
5 Aħseb ftit dwar kemm opportunitajiet għandna biex infaħħru lil Jehovah bħala l-qaddejja tiegħu. Nistgħu nagħmlu dan permezz tat-talb meta tolqotna xi ħaġa li naqraw fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Nistgħu nesprimu t-tifħir u gratitudni mill-fond taʼ qalbna meta naraw il-mod kif Alla ttratta lill-poplu tiegħu jew meta nħossuna mgħaġġbin b’ċertu aspett tal-ħolqien meraviljuż tiegħu. Inbierku lil Jehovah ukoll meta niddiskutu dwar l-iskopijiet tiegħu maʼ l-aduraturi sħabna fil-laqgħat Kristjani jew f’xi diskursata privata. Fil-fatt, “l-għemejjel tajba” kollha li jsiru fl-interessi tas-Saltna t’Alla jġibu tifħir lil Jehovah.—Mattew 5:16.
6 Eżempji reċenti t’għemejjel tajba bħal dawn jinkludu l-bini taʼ ħafna postijiet għall-qima li n-nies taʼ Jehovah bnew f’pajjiżi fejn hemm ħafna faqar. Ħafna minn dan sar bl-għajnuna finanzjarja t’aħwa Kristjani f’pajjiżi oħra. Xi Kristjani pprovdew l-għajnuna billi marru jagħmlu xogħol volontarju fi nħawi bħal dawn sabiex jgħinu fil-bini taʼ Swali tas-Saltna. U l-iktar xogħol importanti mill-għemejjel tajba kollha hu t-tifħir lil Jehovah permezz taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu. (Mattew 24:14) Kif insibu iktar ’l isfel fil-versi taʼ Salm 145, David apprezza l-ħakma t’Alla u faħħar bil-bosta s-saltna Tiegħu. (Salm 145:11, 12) Tħoss int l-istess apprezzament għall-mod kollu mħabba kif Alla jaħkem? U titkellem int regolarment m’oħrajn dwar is-Saltna tiegħu?
Eżempji tal-Kobor t’Alla
7. Agħti raġuni ewlenija għala għandna nfaħħru lil Jehovah.
7 Salm 145:3 jagħti raġuni ewlenija għalxiex għandna nfaħħru lil Jehovah. David jgħanni: “Kbir il-Mulej, taʼ min ifaħħru bil-bosta, bla tarf il-kobor tiegħu.” Il-kobor taʼ Jehovah huwa bla limitu. Il-bnedmin ma jistgħux jiskopruh, jifhmuh, jew ikejluh kompletament. Imma aħna żgur se nibbenefikaw billi issa nikkunsidraw xi eżempji tal-kobor bla tarf taʼ Jehovah.
8. L-univers x’jirrivela dwar il-kobor u l-qawwa taʼ Jehovah?
8 Ipprova ftakar f’okkażjoni meta kont ’il bogħod mid-dwal tal-belt u ħarist bil-lejl lejn is-sema bla sħab. Ma bqajtx miblugħ bil-viżibilju taʼ kwiekeb li kienu jidhru fis-swidija taʼ l-ispazju? Ma ħassejtekx titqanqal biex tfaħħar lil Jehovah għall-kobor tiegħu bħala l-Ħallieq taʼ dawk l-oġġetti ċelestjali kollha? Madankollu, dak li rajt kien biss qatra min-numru taʼ kwiekeb li hemm fil-galassja li tinsab fiha l-art. Barra minn hekk, huwa stmat li hemm iktar minn mitt biljun galassja, u tlieta biss minnhom jistgħu jidhru mingħajr teleskopju. Tabilħaqq, il-kwiekeb u l-galassji bla għadd li jifformaw l-univers immens huma xiehda tal-qawwa kreattiva u tal-kobor bla tarf li għandu Jehovah.—Isaija 40:26.
9, 10. (a) Liema aspetti tal-kobor taʼ Jehovah intwerew f’konnessjoni maʼ Ġesù Kristu? (b) L-irxoxt taʼ Ġesù kif għandu jeffettwa l-fidi tagħna?
9 Ikkunsidra xi aspetti oħra tal-kobor taʼ Jehovah—dawk li jinvolvu lil Ġesù Kristu. Il-kobor t’Alla deher meta ħalaq lil Ibnu u użah għal annati sħaħ bħala “mgħallem” Tiegħu. (Qwiel 8:22-31, Saydon) Il-kobor taʼ l-imħabba taʼ Jehovah deher meta ta lil Ibnu l-waħdieni bħala sagrifiċċju taʼ fidwa għall-bnedmin. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:16; 1 Ġwanni 2:1, 2) U ħaġa li l-bniedem ma jistax jifhem hu l-ġisem glorjuż u immortali li Jehovah ħejja għal ibnu meta rxoxtah bħala spirtu.—1 Pietru 3:18.
10 L-irxoxt taʼ Ġesù kien jinvolvi ħafna aspetti impressjonanti tal-kobor bla tarf taʼ Jehovah. Bla dubju, Alla reġaʼ ġedded il-memorja taʼ Ġesù dwar ix-xogħol li kien involut fil-ħolqien taʼ l-affarijiet kemm li jidhru u kemm li ma jidhrux. (Kolossin 1:15, 16) Dawn jinkludu lil ħlejjaq spirti oħra, l-univers, l-art produttiva, u kull xorta taʼ ħajja fiżika fuq il-globu tagħna. Minbarra li rrestawra l-għarfien dwar l-istorja kompluta tal-ħajja fis-sema u fuq l-art li dan l-Iben ra sseħħ quddiemu matul l-eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem, Jehovah żiedlu wkoll dak li kien għadda minnu bħala bniedem perfett. Iva, il-kobor bla tarf taʼ Jehovah jidher fl-irxoxt taʼ Ġesù. Iktar minn hekk, dan l-għemil taʼ l-għaġeb huwa garanzija li l-irxoxt t’oħrajn huwa possibbli. Dan għandu jsaħħilna l-fidi li Alla jistaʼ jerġaʼ jagħti l-ħajja lill-miljuni taʼ mejtin li qed iżommhom fil-memorja perfetta tiegħu.—Ġwanni 5:28, 29; Atti 17:31.
Għemejjel taʼ l-Għaġeb u Atti Setgħana
11. Liema għemil kbir beda f’Pentekoste tas-sena 33 E.K.?
11 Mill-irxoxt taʼ Ġesù ’l hawn, Jehovah wettaq ħafna għemejjel kbar u taʼ l-għaġeb oħra. (Salm 40:6 [40:5, NW]) F’Pentekoste tas-sena 33 E.K., Jehovah ħalaq ġens ġdid, l-“Iżrael taʼ Alla,” magħmul mid-dixxipli taʼ Kristu li kienu midlukin bl-ispirtu qaddis. (Galatin 6:16) B’mod verament qawwi, dan il-ġens spiritwali ġdid beda joktor u jinfirex iżjed fid-dinja taʼ dak iż-żmien. Minkejja l-apostasija li minnha ħareġ il-Kristjaneżmu wara l-mewt taʼ l-appostli, Jehovah baqaʼjagħmel għemejjel taʼ l-għaġeb biex ikun żgur li l-iskop tiegħu jitwettaq.
12. Il-fatt li l-Bibbja hija disponibbli bil-lingwi ewlenin kollha tad-dinja huwa xiehda taʼ liema ħaġa?
12 Per eżempju, il-kotba kollha tal-Bibbja ġew preservati u maż-żmien tradotti bil-lingwi ewlenin kollha li hawn fid-dinja llum. Kulmin kien jittraduċi l-Bibbja spiss kien jagħmel dan f’ċirkustanzi diffiċli u bit-theddida tal-mewt mill-aġenti taʼ Satana. Żgur li l-Bibbja qatt ma setgħet tiġi tradotta b’iktar minn 2,000 lingwa kieku ma kinitx ir-rieda t’Alla Jehovah, li l-kobor tiegħu hu bla tarf!
13. Il-kobor taʼ Jehovah f’konnessjoni maʼ l-iskopijiet tiegħu tas-Saltna kif deher mill-1914 ’l hawn?
13 Il-kobor taʼ Jehovah deher f’konnessjoni maʼ l-iskopijiet tiegħu tas-Saltna. Per eżempju, fis-sena 1914, hu poġġa lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala Sultan fis-sema. Ftit wara dan, Ġesù ħa azzjoni kontra Satana u d-demonji tiegħu. Hu keċċiehom mis-sema u llimitahom għall-viċinanzi taʼ l-art, jistennew sakemm jintefgħu fl-abbiss. (Apokalissi 12:9-12; 20:1-3) Minn dakinhar ’l hawn, il-persekuzzjoni fuq is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù baqgħet dejjem tiżdied. Madankollu, Jehovah sostniehom matul dan iż-żmien tal-preżenza inviżibbli taʼ Kristu.—Mattew 24:3; Apokalissi 12:17.
14. Liema għemil taʼ l-għaġeb għamel Jehovah fl-1919, u dan x’wettaq?
14 Fis-sena 1919, Jehovah wettaq għemil taʼ l-għaġeb ieħor li wera l-kobor tiegħu. Is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù, li kienu saru inattivi spiritwalment, reġgħu ngħataw il-ħajja. (Apokalissi 11:3-11) Minn dakinhar ’l hawn, il-midlukin ippridkaw b’żelu kbir l-aħbar tajba tas-Saltna tas-sema li kienet ġiet stabbilita. Inġabru oħrajn mill-midlukin sabiex jgħaqqdu n-numru sħiħ taʼ 144,000. (Apokalissi 14:1-3) U permezz tas-segwaċi midlukin taʼ Kristu, Jehovah qiegħed il-pedament taʼ “art ġdida,” soċjetà umana ġusta. (Apokalissi 21:1) Imma x’se jiġri mill-“art ġdida” wara li l-midlukin leali lkoll imorru fis-sema?
15. Il-Kristjani midlukin lil liema xogħol taw spinta, u b’liema riżultat?
15 Fl-1935, il-ħarġiet taʼ l-1 t’Awissu u tal-15 t’Awissu tar-rivista Watchtower kien fihom artikli importanti li ddiskutew dwar il-“kotra kbira” li tissemma f’Apokalissi kapitlu 7. Il-Kristjani midlukin bdew b’żelu kbir ifittxu lil dawn l-aduraturi sħabhom mill-ġnus, tribujiet, popli, u ilsna kollha biex jissieħbu magħhom. Din il-“kotra kbira” se ssalva mit-tribulazzjoni l-kbira li waslet biex tfaqqaʼ, u se jkollhom il-prospett taʼ ħajja taʼ dejjem f’Ġenna taʼ l-art bħala membri permanenti taʼ l-“art ġdida.” (Apokalissi 7:9-14) Minħabba li l-Kristjani midlukin taw spinta lix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna u taʼ li jagħmlu dixxipli, issa hemm iktar minn sitt miljun ruħ li għandhom it-tama taʼ ħajja bla tmiem fuq art magħmula ġenna. Min għandu jieħu l-kredtu għal din iż-żjieda kollha minkejja l-oppożizzjoni minn Satana u d-dinja korrotta tiegħu? (1 Ġwanni 5:19) Jehovah biss jistaʼ jagħmel dan kollu, permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu.—Isaija 60:22; Żakkarija 4:6.
Il-Ġmiel Glorjuż u d-Dinjità taʼ Jehovah
16. Il-bnedmin għala ma jistgħux jaraw letteralment il-‘ġmiel glorjuż tad-dinjità taʼ Jehovah’?
16 Huma x’inhuma l-“għemejjel” taʼ l-għaġeb u l-“atti setgħana” taʼ Jehovah, dawn qatt ma se jintesew. David kiteb: “Nisel lil nisel isebbaħ għemilek, u s-setgħa [jew, “l-atti setgħana,” NW] tiegħek ixandru. Il-ġmiel [“glorjuż tad-dinjità,” NW] tiegħek iħabbru, u fuq l-għeġubijiet tiegħek jitħaddtu. Il-qawwa taʼ l-għemejjel tiegħek tal-biżaʼ jxandru; u jien fuq l-għemejjel kbar tiegħek nitħaddet.” (Salm 145:4-6) Iżda, David kemm setaʼ kien jaf dwar il-ġmiel glorjuż taʼ Jehovah, ladarba “Alla huwa spirtu,” u għalhekk hu inviżibbli għal għajnejn il-bnedmin?—Ġwanni 1:18; 4:24.
17, 18. David kif setaʼ jkabbar l-apprezzament tiegħu għall-‘ġmiel glorjuż tad-dinjità taʼ Jehovah’?
17 Għalkemm David ma setax jara lil Alla, kien hemm modi biex hu jkabbar l-apprezzament tiegħu lejn id-dinjità taʼ Jehovah. Per eżempju, hu setaʼ jaqra r-rakkont Skritturali dwar l-atti setgħana t’Alla, bħal dak tal-qerda taʼ dinja ħażina permezz taʼ dilluvju mad-dinja kollha. X’aktarx li David innota kif l-allat foloz Eġizzjani ġew umiljati meta Alla ħeles lill-Iżraelin mill-jasar taʼ l-Eġittu. Dawn il-ġrajjiet huma xiehda tad-dinjità u l-kobor taʼ Jehovah.
18 David bla dubju żied l-apprezzament tiegħu lejn id-dinjità t’Alla mhux biss billi kien jaqra l-Iskrittura imma wkoll billi kien jimmedita fuqha. Per eżempju, hu setaʼ mmedita fuq dak li ġara meta Jehovah ta l-Liġi lil Iżrael. Kien hemm ragħad, beraq, sħaba ħoxna, u ħoss qawwi taʼ tromba. Il-muntanja Sinaj bdiet titheżżeż u ddaħħan. L-Iżraelin miġburin ħdejn il-muntanja saħansitra semgħu “l-għaxar kelmiet” minn ġon-nar u s-sħaba hekk kif Jehovah kellimhom permezz taʼ rappreżentant anġeliku. (Dewteronomju 4:32-36; 5:22-24; 10:4; Eżodu 19:16-20; Atti 7:38, 53) X’turija tal-kobor grandjuż taʼ Jehovah! Dawk li jħobbu l-Kelma t’Alla u jimmeditaw fuq dawn ir-rakkonti ma jistgħux ma jħossuhomx imqanqlin mill-‘ġmiel glorjuż tad-dinjità taʼ Jehovah.’ M’għandniex xi ngħidu, illum għandna l-Bibbja kollha li fiha diversi viżjonijiet glorjużi li jġagħluna nibqgħu impressjonati bil-kobor taʼ Jehovah.—Eżekjel 1:26-28; Danjel 7:9, 10; Apokalissi, kapitlu 4.
19. X’se jkabbrilna l-apprezzament tagħna għad-dinjità taʼ Jehovah?
19 Mod ieħor kif David setaʼ baqaʼ impressjonat bid-dinjità t’Alla kien billi jistudja l-liġijiet li Alla kien ta lill-Iżraelin. (Dewteronomju 17:18-20; Salm 19:8-12 [19:7-11, NW]) L-ubbidjenza lejn il-liġijiet taʼ Jehovah tat id-dinjità lill-ġens taʼ Iżrael u għamlitu differenti b’mod li jispikka mill-popli l-oħra kollha. (Dewteronomju 4:6-8) Jekk naqraw l-Iskrittura regolarment, nimmeditaw fil-fond fuqha, u nistudjawha bil-ħeġġa kollha, aħna wkoll se nkabbru l-apprezzament tagħna għad-dinjità taʼ Jehovah bħalma għamel David.
Kemm Jispikka l-Kobor tal-Kwalitajiet Morali t’Alla!
20, 21. (a) Salm 145:7-9 jfaħħar il-kobor taʼ Jehovah f’konnessjoni maʼ liema kwalitajiet? (b) X’effett għandhom il-kwalitajiet t’Alla li ssemmew hawnhekk fuq dawk kollha li jħobbuh?
20 Bħalma diġà rajna, l-ewwel sitt versi taʼ Salm 145 jagħtuna raġunijiet sodi biex infaħħru lil Jehovah għall-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kobor bla tarf tiegħu. Versi 7 sa 9 jfaħħru l-kobor t’Alla billi jirreferu għall-kwalitajiet morali tiegħu. David jgħanni: “It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru, jgħajjtu bil-ferħ minħabba l-ġustizzja tiegħek. Twajjeb u ħanin il-Mulej, idum biex jagħdab u [“kbir fil-qalb tajba bl-imħabba,” NW]. Twajjeb maʼ kulħadd il-Mulej, tjubitu fuq kull ma għamel.”
21 Hawnhekk David l-ewwel jenfasizza ttjubija u l-ġustizzja taʼ Jehovah—kwalitajiet li Satana x-Xitan qajjem dubju dwarhom. X’effett għandhom dawn il-kwalitajiet fuq dawk kollha li jħobbu ’l Alla u li jissottomettu ruħhom lejn il-ħakma tiegħu? It-tjubija taʼ Jehovah u l-mod ġust kif jaħkem tant iferrħu lill-aduraturi tiegħu li dawn ma jistgħux ma jfaħħruhx b’għajat taʼ ferħ. Iktar minn hekk, Jehovah juri t-tjubija tiegħu “maʼ kulħadd.” Nittamaw li dan se jgħin lil ħafna iktar nies jindmu u jsiru aduraturi t’Alla veru qabel ma jkun tard wisq.—Atti 14:15-17.
22. Jehovah kif jittrattahom lill-qaddejja tiegħu?
22 David apprezza wkoll il-kwalitajiet li Alla nnifsu enfasizza meta Hu ‘għadda minn quddiem [Mosè] u għajjat: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir [“fil-qalb tajba bl-imħabba u fil-verità,” NW].”’ (Eżodu 34:6) B’hekk, David setaʼ jiddikjara: “Twajjeb u ħanin il-Mulej, idum biex jagħdab u [“kbir fil-qalb tajba bl-imħabba,” NW].” Għalkemm Jehovah għandu kobor bla tarf, hu jagħti dinjità lill-qaddejja umani tiegħu billi jittrattahom bil-mogħdrija. Hu mimli ħniena, lest li jaħfer lill-midinbin li jindmu fuq il-bażi tas-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala fidwa. Jehovah idum ukoll biex jagħdab, għax hu jagħti l-opportunità lill-qaddejja tiegħu biex jirbħu d-dgħjufijiet li minħabba fihom jistgħu ma jidħlux fid-dinja l-ġdida mimlija ġustizzja.—2 Pietru 3:9, 13, 14.
23David ifaħħar bil-bosta l-qalb tajba bl-imħabba, jew l-imħabba leali t’Alla. Fil-fatt, fil-kumplament taʼ Salm 145 insibu kif Jehovah juri din il-kwalità u kif il-qaddejja leali tiegħu jwieġbu għall-qalb tajba bl-imħabba tiegħu. Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
Int Kif Twieġeb?
• Liema opportunitajiet hemm biex infaħħru lil Jehovah “kuljum”?
• Liema eżempji juru li l-kobor taʼ Jehovah hu bla tarf?
• Kif nistgħu nkabbru l-apprezzament tagħna għad-dinjità glorjuża taʼ Jehovah?
23. Liema kwalità prezzjuża se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
[Stampa f’paġna 10]
Il-galassji taʼ l-univers jixhdu l-kobor taʼ Jehovah
[Sors]
Bil-korteżija taʼ l-Osservatorju Anglo-Awstraljan, ritratt minn David Malin
[Stampa f’paġna 12]
Il-kobor taʼ Jehovah kif intwera f’konnessjoni maʼ Ġesù Kristu?
[Stampa f’paġna 13]
Meta l-Iżraelin irċivew il-Liġi ħdejn il-Muntanja Sinaj, huma kellhom evidenza tad-dinjità glorjuża taʼ Jehovah