Ittama f’Ġeħova, u Kun Kuraġġuż
“Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ [“kun kuraġġuż,” “NW”] u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej.”—SALM 27:14.
1. It-tama kemm hi importanti, u dan it-terminu kif inhu użat fl-Iskrittura?
TAMA ġenwina hija bħal dawl qawwi. Tgħinna naraw iktar minn sempliċement il-provi tal-preżent u tgħinna niffaċċjaw il-futur b’kuraġġ u tama. Ġeħova biss jistaʼ jagħtina tama ċerta, u dan jagħmlu permezz tal-Kelma ispirata tiegħu. (2 Timotju 3:16) Fil-fatt, kliem bħal “tama,” “ittamajt,” u “nittamaw” jidhru ħafna drabi fil-Bibbja u jirreferu kemm għall-ħerqa u kemm għall-istennija ċerta għal xi ħaġa tajba jew għall-objettiv taʼ dik l-istennija.a Tama bħal din hija iktar minn sempliċi xewqa komuni li tistaʼ tkun bla bażi jew li ma jkollha ebda prospett li titwettaq.
2. It-tama liema rwol kellha f’ħajjet Ġesù?
2 Meta ffaċċja provi u diffikultajiet, Ġesù ma qagħadx jiffoka fuq il-preżent imma ttama f’Ġeħova. “Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta z-zokk tat-tortura, u ma qiesx l-għajb, u qagħad bil-qiegħda fuq il-lemin tat-tron t’Alla.” (Ebrej 12:2) Minħabba li kien iffokat sew fuq il-prospett taʼ li jivvindika s-sovranità taʼ Ġeħova u li jqaddes l-isem Tiegħu, Ġesù dejjem baqaʼ ubbidjenti lejn Alla, minkejja l-konsegwenzi li setaʼ sofra.
3. It-tama liema rwol għandha fil-ħajja tal-qaddejja t’Alla?
3 Is-Sultan David isemmi l-konnessjoni li hemm bejn it-tama u l-kuraġġ billi jgħid: “Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ [“kun kuraġġuż,” NW] u qawwi qalbek; ittama fil-Mulej.” (Salm 27:14) Jekk irridu nqawwu qalbna, m’għandna qatt inħallu t-tama tagħna tiċċajpar, imma għandna dejjem inżommuha ċara f’moħħna u ngħożżuha. Jekk nagħmlu hekk se niġu megħjunin nimitaw lil Ġesù f’li nuru kuraġġ u żelu hekk kif nieħdu sehem fix-xogħol li hu kkmanda lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu. (Mattew 24:14; 28:19, 20) Tabilħaqq, il-Bibbja ssemmi t-tama flimkien mal-fidi u l-imħabba bħala li huma vitali, kwalitajiet li jikkaratterizzaw il-ħajja tal-qaddejja t’Alla.—1 Korintin 13:13.
Qiegħed Int ‘Toktor fit-Tama’?
4. Il-Kristjani midlukin u sħabhom in-“nagħaġ oħra” lejn xiex qed iħarsu bil-quddiem b’tant ħerqa?
4 Il-poplu t’Alla għandu futur mill-aqwa quddiemu. Il-Kristjani midlukin jistennew bil-ħerqa li jaqdu maʼ Kristu fis-sema filwaqt li n-“nagħaġ oħra” jittamaw li ‘jinħelsu mill-jasar tat-taħsir u jkollhom il-libertà glorjuża taʼ wlied Alla’ fuq l-art. (Ġwanni 10:16; Rumani 8:19-21; Filippin 3:20) Dik il-“libertà glorjuża” tinkludi ħelsien mid-dnub u mill-konsegwenzi terribbli tiegħu. Tabilħaqq, Ġeħova—id-Donatur taʼ “kull għotja tajba u kull rigal perfett”—ma jagħti xejn inqas mill-aħjar lil dawk li huma leali lejh.—Ġakbu 1:17; Isaija 25:8.
5. Kif nistgħu ‘noktru fit-tama’?
5 It-tama Kristjana kemm għandha tkun importanti fil-ħajja tagħna? F’Rumani 15:13 naqraw: “L-Alla li jagħti t-tama jimliekom b’kull ferħ u paċi talli temmnu, biex toktru fit-tama bil-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis.” Iva, it-tama tistaʼ tiġi mqabbla, mhux maʼ xemgħa fid-dlam, imma mar-raġġi leqqiena tax-xemx taʼ fil-għodu, li timla l-ħajja taʼ dak li jkun b’paċi, ferħ, skop, u kuraġġ. Innota li aħna ‘noktru fit-tama’ meta nemmnu fil-Kelma miktuba t’Alla u nirċievu l-ispirtu qaddis tiegħu. Rumani 15:4 jgħid: “Kulma nkiteb minn qabel inkiteb għall-istruzzjoni tagħna, biex permezz tas-sabar tagħna u permezz tal-faraġ mill-Iskrittura jkollna t-tama.” Għalhekk, staqsi lilek innifsek: ‘Inżommha ħajja t-tama tiegħi billi nkun student tajjeb tal-Bibbja, billi naqraha kuljum? Nitlob spiss jien għall-ispirtu t’Alla?’—Luqa 11:13.
6. Sabiex inżommu t-tama tagħna ħajja, kontra xiex għandna ngħassu?
6 Ġesù, ix-Xempju tagħna, kien jissaħħaħ permezz tal-Kelma t’Alla. Billi nikkunsidraw l-eżempju tiegħu bir-reqqa, aħna nevitaw li ‘negħjew u nċedu f’ruħna.’ (Ebrej 12:3) B’mod loġiku, jekk it-tama li tana Alla tiċċajpar f’moħħna u f’qalbna jew jekk nibdew niffokaw fuq xi ħaġa oħra—forsi fuq affarijiet materjali jew miri sekulari—se niġu maħkumin minn għeja spiritwali, u eventwalment se nitilfu s-saħħa morali u l-kuraġġ biex ngħixu fi qbil mal-prinċipji morali. Fi stat bħal dan nistgħu saħansitra nesperjenzaw ‘nawfraġju fil-fidi tagħna.’ (1 Timotju 1:19) Min-naħa l-oħra, it-tama vera ssaħħaħ il-fidi tagħna.
It-Tama—Essenzjali għall-Fidi
7. It-tama għala hija essenzjali għall-fidi?
7 Il-Bibbja tgħid: “Il-fidi hi l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom, it-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux.” (Ebrej 11:1) Għalhekk, it-tama m’hijiex biss marbuta b’kumbinazzjoni mal-fidi tagħna; hija element essenzjali mill-fidi. Ikkunsidra lil Abraham. Mill-ħarsa tal-bniedem, hu u Sara, martu, kienu kibru wisq biex ikollhom it-tfal meta Ġeħova wegħedhom li se jagħtihom werriet. (Ġenesi 17:15-17) Abraham kif wieġeb għal dan? “Għalkemm ma kellu ebda tama, madankollu kellu fidi bbażata fuq it-tama li jsir missier taʼ ħafna ġnus.” (Rumani 4:18) Iva, it-tama li Alla ta lil Abraham ipprovdiet bażi soda għall-fidi tiegħu li kien se jkollu wild. Min-naħa l-oħra, il-fidi tiegħu saħħet it-tama tiegħu. Tant hu hekk li Abraham u Sara kellhom saħansitra l-kuraġġ jitilqu darhom u lil qrabathom u jgħixu l-bqija taʼ ħajjithom fit-tined f’art barranija!
8. Is-sabar leali kif isaħħaħ it-tama?
8 Abraham żamm it-tama tiegħu b’saħħitha billi obda lil Ġeħova f’kollox, anki meta kien diffiċli. (Ġenesi 22:2, 12) B’mod simili, permezz taʼ l-ubbidjenza u s-sabar fis-servizz tagħna lil Ġeħova nistgħu nkunu fiduċjużi li se niġu premjati. “Is-sabar,” kiteb Pawlu, jirriżulta fl-“approvazzjoni t’Alla,” li min-naħa l-oħra din tipproduċi t-tama, “u t-tama ma twassalx għal diżappunt.” (Rumani 5:4, 5) Kien għalhekk li Pawlu kiteb ukoll: “Aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri l-istess bżulija sabiex ikollu fiduċja sħiħa fit-tama sat-tmiem.” (Ebrej 6:11) Ħarsa pożittiva bħal din, li hija bbażata fuq relazzjoni intima maʼ Ġeħova, tistaʼ tgħinna niffaċċjaw kwalunkwe diffikultà b’kuraġġ, saħansitra bil-ferħ.
“Thennew bit-Tama”
9. X’nistgħu nagħmlu b’mod regulari biex niġu megħjunin ‘nithennew bit-tama’?
9 It-tama li jagħti Alla hi bil-wisq superjuri għal kwalunkwe ħaġa li d-dinja tistaʼ toffri. Salm 37:34 jgħid: “Ittama fil-Mulej u ħares triqtu, hu jerfgħek biex tikseb l-art; mbagħad tara l-ħżiena meqruda.” Iva, għandna kull raġuni biex ‘nithennew bit-tama.’ (Rumani 12:12) Madankollu, sabiex nagħmlu hekk irridu nżommu t-tama tagħna ħajja f’moħħna. Tirrifletti int regolarment fuq it-tama li jagħti Alla? Tistaʼ tara lilek innifsek fil-Ġenna taʼ l-art, mimli saħħa, ħieles mill-ansjetà, imdawwar bin-nies li tħobb, u tieħu sehem f’xogħol sodisfaċenti? Timmedita int fuq ix-xeni tal-Ġenna taʼ l-art li hemm fil-pubblikazzjonijiet tagħna? Riflessjoni regulari bħal din tistaʼ titqabbel maʼ li tnaddaf tieqa li minnha tistaʼ tara veduta mill-isbaħ. Jekk ma nnaddfux il-ħġieġ, il-ħmieġ ma jdumx ma jinġemaʼ u ma jħalliniex naraw ix-xena sew. Imbagħad affarijiet oħra jistgħu jisirqulna l-attenzjoni tagħna. Jalla qatt ma nħallu dan jiġri!
10. Il-fatt li nħarsu bil-quddiem għall-premju għala jirrifletti tajjeb fuq ir-relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova?
10 M’għandniex xi ngħidu, ir-raġuni primarja għala naqdu lil Ġeħova hi l-imħabba tagħna għalih. (Marku 12:30) Madankollu, għandna nħarsu bil-quddiem b’ħerqa għall-premju. Fil-fatt, Ġeħova jistenna li nagħmlu hekk! Ebrej 11:6 jgħid: “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew, għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” Ġeħova għala jridna nqisuh bħala l-Wieħed li jippremja? Għax meta nagħmlu hekk, inkunu qed nuru li aħna nafu sew lil Missierna tas-sema. Hu ġeneruż, u jħobb lil uliedu. Aħseb ftit kemm inkunu mdejqin u kemm ikun faċli biex niskuraġġixxu ruħna kieku ma kellniex “ġejjieni mimli tama.”—Ġeremija 29:11.
11. It-tama li jagħti Alla kif għenet lil Mosè jieħu deċiżjonijiet għaqlin?
11 Eżempju li jispikka taʼ wieħed li baqaʼ jiffoka fuq it-tama li jagħti Alla kien Mosè. Peress li kien “bin bint il-Fargħun,” Mosè kellu l-qawwa, il-pożizzjoni, u l-ġid kollu taʼ l-Eġittu għad-dispożizzjoni tiegħu. Kien hu se jiġri wara dawn l-affarijiet jew kien se jaqdi lil Ġeħova? B’kuraġġ, Mosè għażel li jaqdi lil Ġeħova. Għala? Għax hu “ħares fiss lejn il-ħlas tal-premju.” (Ebrej 11:24-26) Iva, Mosè kien jgħożż it-tama li Ġeħova poġġa quddiemu.
12. It-tama Kristjana għala hi bħal elmu?
12 L-appostlu Pawlu qabbel it-tama m’elmu. L-elmu figurattiv tagħna jipproteġi l-fakultajiet mentali tagħna, billi jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin, inpoġġu prijoritajiet f’lokhom, u nżommu l-integrità. (1 Tessalonikin 5:8) Tilbsu int l-elmu figurattiv il-ħin kollu? Jekk inhu hekk, mela bħal Mosè u Pawlu, int se tqiegħed it-tama tiegħek mhux “f’rikkezzi li ma tistax torbot fuqhom imma f’Alla, li jagħtina kollox b’mod għani għat-tgawdija tagħna.” Veru, jeħtieġ kuraġġ biex tagħti dahrek għat-tendenzi popolari billi twarrab miri egoistiċi, imma l-isforz li tagħmel verament jiswa! Wara kollox, għala għandek tikkuntenta b’xi ħaġa inqas mill-“ħajja vera,” li qed tistenna lil dawk li jittamaw u jħobbu lil Ġeħova?—1 Timotju 6:17, 19.
“Żgur Ma Nitilqekx”
13. Ġeħova liema assiguranza jipprovdi lill-qaddejja leali tiegħu?
13 Dawk li jpoġġu t-tama tagħhom fis-sistema preżenti għandhom jaħsbu bis-serjetà dwar l-affarijiet terribbli li se jiffaċċjaw hekk kif id-dinja ssofri iktar “uġigħ.” (Mattew 24:8) Imma dawk li jittamaw f’Ġeħova m’għandhomx għalfejn jibżgħu minn dawn l-affarijiet. Huma se jkomplu ‘jgħixu moħħhom mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biżaʼ tal-ħsara.’ (Proverbji 1:33) Minħabba li huma ma jpoġġux it-tama tagħhom fis-sistema preżenti, huma b’ferħ jagħtu kas il-parir taʼ Pawlu: “Ħa jkun il-mod kif tgħixu ħieles mill-imħabba għall-flus, waqt li tkunu kuntenti b’dak li għandkom fil-preżent. Għax hu qal: ‘Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.’”—Ebrej 13:5.
14. Il-Kristjani għala m’għandhomx għalfejn ikunu ansjużi żżejjed dwar il-bżonnijiet materjali tagħhom?
14 L-espressjoni enfatika “żgur” li hija użata darbtejn ma tħalli ebda dubju li Alla se jieħu ħsiebna. Ġesù assigurana wkoll li Alla bi mħabba jaħseb fina, billi qal: “Mela, ibqgħu fittxu l-ewwel is-saltna u s-sewwa tiegħu, u dawn l-affarijiet l-oħrajn kollha [il-bżonnijiet materjali tal-ħajja] se jiżdidulkom. Għalhekk, qatt tkunu ansjużi dwar l-għada, għax l-għada se jkollu l-ansjetajiet tiegħu.” (Mattew 6:33, 34) Ġeħova jaf li hija sfida għalina biex inkunu żelużi għas-Saltna tiegħu u fl-istess ħin inġorru t-toqol kollu tar-responsabbiltà biex nipprovdu l-bżonnijiet fiżiċi tagħna. Mela jalla npoġġu l-fiduċja sħiħa tagħna fl-abbiltà u x-xewqa tiegħu li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna.—Mattew 6:25-32; 11:28-30.
15. Il-Kristjani kif iżommu ‘għajn sempliċi’?
15 Aħna nuru li nistrieħu fuq Ġeħova meta nżommu ‘għajn sempliċi.’ (Mattew 6:22, 23) Għajn sempliċi hija sinċiera, għandha motivi puri, u hi ħielsa mir-regħba u l-ambizzjoni egoistika. Li jkollna għajn sempliċi ma jfissirx li ngħixu f’faqar estrem jew li nittraskuraw li nieħdu ħsieb ir-responsabbiltajiet Kristjani tagħna. Għall-kuntrarju, tfisser li nuru “moħħ f’loku” hekk kif inkomplu nħallu s-servizz tagħna lejn Ġeħova fl-ewwel post.—2 Timotju 1:7.
16. Għala hemm bżonn il-fidi u l-kuraġġ biex inżommu għajn sempliċi?
16 Biex iżżomm għajn sempliċi jeħtieġ li jkollok il-fidi u l-kuraġġ. Per eżempju, jekk l-imgħallem jinsisti li int taħdem regolarment fil-ġranet meta jkollok il-laqgħat Kristjani, sejjer int b’kuraġġ iżżomm il-prijoritajiet spiritwali tiegħek? Jekk individwu għandu dubju jekk Ġeħova hux se jwettaq il-wegħda Tiegħu li jieħu ħsieb lill-qaddejja Tiegħu, kulma jrid jagħmel Satana hu li jżid il-pressjoni u individwu bħal dan għandu mnejn saħansitra jieqaf jattendi l-laqgħat. Iva, jekk nuru nuqqas taʼ fidi nkunu qed inħallu lil Satana jikkontrollana, u b’hekk hu u mhux Ġeħova jibda jpoġġilna l-prijoritajiet. Xi traġedja tkun din!—2 Korintin 13:5.
“Ittama fil-Mulej”
17. Dawk li jafdaw f’Ġeħova kif qed jitbierku saħansitra issa?
17 Għal darba wara l-oħra, l-Iskrittura turi li dawk li jittamaw u jafdaw f’Ġeħova qatt m’hu se jmorru minn taħt. (Proverbji 3:5, 6; Ġeremija 17:7) Veru, kultant għandu mnejn ikollhom jikkuntentaw b’inqas, imma dan huma jqisuh bħala sagrifiċċju żgħir meta mqabbel mal-barkiet li hemm maħżunin għalihom. B’hekk, huma juru li ‘jittamaw fil-Mulej’ u huma fiduċjużi li hu eventwalment se jagħti lil dawk li huma leali dawk l-affarijiet tajbin kollha li tixtieq qalbhom. (Salm 37:4, 34) Għalhekk, huma ferħanin ġenwinament saħansitra minn issa. “L-istennija tan-nies sewwa hi hena, imma l-istess tama taʼ l-uħud mill-agħar se tgħib.”—Proverbji 10:28.
18, 19. (a) Liema assiguranza kollha mħabba jagħtina Ġeħova? (b) Kif nistgħu nżommu lil Ġeħova fl-id “il-leminija” tagħna?
18 Meta tifel żgħir jimxi id f’id maʼ missieru, hu jħossu fis-sigurtà. L-istess inħossuna aħna hekk kif nimxu maʼ Missierna tas-sema. “La tibżax,” qal Ġeħova lil Iżrael, “għax miegħek jien! . . . Jien ngħinek. . . . Jiena l-Mulej, Alla tiegħek, nwieżnek minn idek il-leminija, u ngħidlek: ‘La tibżax, jiena l-għajnuna tiegħek.’”—Isaija 41:10, 13.
19 Xi stampa mimlija mħabba ġġibilna quddiem għajnejna—Ġeħova jaqbdilna idejna! “Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi,” kiteb David. “Għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.” (Salm 16:8) Kif nistgħu nżommu lil Ġeħova fuq l-id “il-leminija” tagħna? Dan nistgħu nagħmluh minn taʼ l-inqas b’żewġ modi. Mod wieħed hu billi nħallu l-Kelma tiegħu tiggwidalna kull aspett taʼ ħajjitna; it-tieni mod hu billi niffokaw fuq il-premju glorjuż li Ġeħova poġġa quddiemna. Is-salmista Asaf kanta: “Jiena dejjem miegħek; inti żżommni minn idi l-leminija; skond il-ħsieb tiegħek tmexxini, [“u mbagħad tiħodni lejn il-glorja,” NW].” (Salm 73:23, 24) B’assiguranza bħal din nistgħu verament niffaċċjaw il-futur b’fiduċja.
‘Il-Ħelsien Tagħkom Qed Joqrob’
20, 21. X’futur qed jistenna lil dawk li qed jittamaw f’Ġeħova?
20 Maʼ kull ġurnata li tgħaddi, isir iktar urġenti li nżommu lil Ġeħova fuq l-id il-leminija tagħna. Dalwaqt, id-dinja taʼ Satana se tesperjenza tribulazzjoni li qatt ma kien hawn bħalha, u din se tibda bil-qerda tar-reliġjon falza. (Mattew 24:21) Il-biżaʼ se jaħkem lill-umanità bla fidi. Madankollu, matul dan iż-żmien taʼ taqlib, il-qaddejja kuraġġużi taʼ Ġeħova se jifirħu bit-tama! “Malli jibdew iseħħu dawn l-affarijiet,” qal Ġesù, “qumu dritti u għollu raskom ’il fuq, għax ikun qorob il-ħelsien tagħkom.”—Luqa 21:28.
21 Għalhekk, ejja nifirħu bit-tama li tana Alla u jalla ma nitqarrqux u ma niġux ittantati mill-aljenazzjonijiet makakki taʼ Satana. Fl-istess ħin, ejja naħdmu iebes biex nikkultivaw il-fidi, l-imħabba, u l-biżaʼ minn Alla. Jekk nagħmlu hekk, se jkollna l-kuraġġ biex nobdu lil Ġeħova f’kull ċirkustanza u biex nopponu lix-Xitan. (Ġakbu 4:7, 8) Iva, “issaħħu [“kunu kuraġġużi,” NW] u qawwu qalbkom, intom ilkoll li tittamaw fil-Mulej.”—Salm 31:25 (31:24, NW).
[Nota taʼ taħt]
a Għalkemm fl-Iskrittura Griega Kristjana l-kelma “tama” spiss tirreferi għall-premju tas-sema tal-Kristjani midlukin, f’dan l-artiklu t-tama qed tiġi diskussa fis-sens ġenerali tagħha.
Taf Twieġeb?
• It-tama li kellu Ġesù b’liema mod għenitu jkollu kuraġġ?
• Il-fidi u t-tama kif inhuma relatati flimkien?
• It-tama flimkien mal-fidi kif tistaʼ tagħti lill-Kristjani l-kuraġġ biex fil-ħajja jpoġġu prijoritajiet f’lokhom?
• Dawk li ‘jittamaw fil-Mulej’ għala jistgħu jħarsu lejn il-futur b’fiduċja?
[Stampa f’paġna 28]
Kemm jekk għadek żgħir u kemm jekk kbirt, tistaʼ int tara lilek innifsek fil-Ġenna taʼ l-art?