Familji, Faħħru ’l Alla Bħala Parti mill-Kongregazzjoni Tiegħu
“Fil-ġemgħat, Mulej, lilek inbierek.”—SALM 26:12.
1. Liema ħaġa hija parti importanti mill-qima vera minbarra l-istudju u t-talb?
IL-QIMA taʼ Jehovah tinkludi mhux biss it-talb u l-istudju tal-Bibbja fid-dar imma wkoll l-attività bħala parti mill-kongregazzjoni t’Alla. Iżrael tal-qedem ngħata l-kmand biex ‘jiġbor il-poplu, l-irġiel, in-nisa, u t-tfal,’ ħalli jitgħallmu l-liġi t’Alla sabiex jimxu fil-mogħdija tiegħu. (Dewteronomju 31:12; Ġożwè 8:35) Kemm dawk avanzati fl-età, u kemm “iż-żgħażagħ u x-xbejbiet” ġew inkuraġġiti jieħdu sehem f’li jfaħħru isem Jehovah. (Salm 148:12, 13) Arranġamenti simili japplikaw ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana. Fis-Swali tas-Saltna mifruxin maʼ l-art kollha, l-irġiel, in-nisa, u t-tfal jipparteċipaw liberament fis-sessjonijiet li jinvolvu l-udjenza, u ħafna tgħidx kemm jieħdu gost jipparteċipaw fihom.—Lhud 10:23-25.
2. (a) Il-preparazzjoni għala hija fattur importanti f’li ngħinu liż-żgħar jippreparaw għal-laqgħat? (b) L-eżempju taʼ min huwa importanti?
2 Veru, li ngħinu liż-żgħar jidraw ir-rutina edifikanti t’attività fil-kongregazzjoni jistaʼ jkun sfida kbira. X’tistaʼ tkun il-problema jekk xi tfal li jattendu mal-ġenituri tagħhom donnhom li ma jkunux qegħdin jieħdu gost bil-laqgħat? M’għandniex xi ngħidu, il-biċċa l-kbira tat-tfal ma tantx idumu attenti u jiddejqu faċilment. Il-preparazzjoni tistaʼ tgħinna nittrattaw din il-problema. Mingħajr preparazzjoni, it-tfal ma jkunux jistgħu jieħdu sehem b’mod sinjifikanti fil-laqgħat. (Proverbji 15:23) Mingħajr preparazzjoni, ikun diffiċli għalihom li jagħmlu progress spiritwali li jġib sodisfazzjon. (1 Timotju 4:12, 15) X’jistaʼ jsir? L-ewwel, il-ġenituri għandhom bżonn jistaqsu jekk huma nfushom humiex jippreparaw għal-laqgħat. L-eżempju tagħhom jiġġenera influwenza kbira. (Luqa 6:40) Ippjanar bir-reqqa taʼ l-istudju tal-familja jistaʼ wkoll ikun fattur importanti.
Nibnu l-Qalb
3. Waqt l-istudju tal-familja, għala għandu jsir sforz speċjali biex nibnu l-qlub, u dan x’jirrikjedi?
3 Il-ħin taʼ l-istudju tal-familja m’għandux ikun sempliċement biex nimlew il-moħħ bl-għarfien imma wkoll biex nibnu l-qlub. Dan jirrikjedi kemm li nkunu konxji tal-problemi li jiffaċċjaw il-membri tal-familja u kemm tħassib taʼ mħabba għal kull wieħed minnhom. Jehovah ‘jgħarbel il-qalb.’—1 Kronaki 29:17.
4. (a) X’ifisser li wieħed ikun “nieqes mill-qalb”? (b) X’inhu involut f’li wieħed “jikseb qalb”?
4 Jehovah x’isib meta jgħarbel qlub uliedna? Il-maġġuranza se jgħidu li jħobbuh lil Alla, u dan hu taʼ min ifaħħru. Madankollu, xi ħadd li għadu żgħir jew li għadu kemm beda jitgħallem dwar Jehovah għandu esperjenza limitata dwar il-mogħdijiet taʼ Jehovah. Minħabba n-nuqqas t’esperjenza, hu għandu mnejn ikun “bla moħħ [“nieqes mill-qalb,” NW],” skond kif tesprimiha l-Bibbja. Forsi mhux il-motivi tiegħu kollha huma ħżiena, imma jirrikjedi ż-żmien biex il-qalb tasal fi stat li tkun verament togħġob lil Alla. Dan jinvolvi li wieħed iġib il-ħsibijiet, ix-xewqat, l-affezzjonijiet, l-emozzjonijiet, u l-miri tiegħu fil-ħajja fi qbil maʼ dak li Alla japprova, sal-punt li dan ikun possibbli għal bnedmin imperfetti. Meta xi ħadd jagħmel tiswir bħal dan tal-persuna ġewwinija b’mod li jogħġob lil Alla, hu jkun qiegħed “jikseb id-dehen [“qalb,” NW].”—Proverbji 9:4; 19:8.
5, 6. Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom ‘jiksbu qalb’?
5 Jistgħu l-ġenituri jgħinu lil uliedhom ‘jiksbu qalb’? Huwa minnu li ebda bniedem ma jistaʼ jpoġġi kundizzjoni tajba tal-qalb ġo persuna oħra. Kull wieħed minna hu mżejjen bir-rieda ħielsa, u ħafna jiddependi minn dak li nħallu lilna nfusna naħsbu dwaru. Madankollu, bid-dehen, il-ġenituri jistgħu jġagħlu lil uliedhom jesprimu ruħhom, u b’hekk isiru jafu x’hemm f’qalbhom u fejn għandhom bżonn l-għajnuna. Użaw mistoqsijiet bħal ‘Kif tħossok dwar dan?’ u ‘Int x’tixtieq tagħmel verament?’ Imbagħad, isimgħu bil-paċenzja. Tagħmlux plejtu sħiħ. (Proverbji 20:5) Jekk tridu tilħqu l-qalb huwa importanti li toħolqu atmosfera fejn jirrenjaw il-qalb tajba, il-fehma, u l-imħabba.
6 Biex issaħħu inklinazzjonijiet li jibnu, iddiskutu taʼ spiss il-frott taʼ l-ispirtu—kull aspett tiegħu—u aħdmu flimkien bħala familja biex tikkultivawh. (Galatin 5:22, 23) Ibnu mħabba għal Jehovah u għal Ġesù Kristu, mhux sempliċement billi tgħidu li għandna nħobbuhom imma billi tiddiskutu r-raġunijiet għala nħobbuhom u kif nistgħu nesprimu dik l-imħabba. (2 Korintin 5:14, 15) Saħħu x-xewqa li tagħmlu dak li hu sewwa billi tirraġunaw dwar il-benefiċċji li se jirriżultaw. Ibnu x-xewqa li tistmerru kondotta, diskors, u ħsibijiet ħżiena billi tiddiskutu l-effetti ħżiena t’affarijiet bħal dawn. (Għamos 5:15; 3 Ġwann 11) Uru kif il-kondotta, id-diskors, u l-ħsibijiet—sew jekk tajbin u sew jekk ħżiena—jistgħu jeffettwaw ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah.
7. X’jistaʼ jsir biex ngħinu lit-tfal ilaħħqu mal-problemi u jagħmlu deċiżjonijiet b’mod li se jżommhom qrib Jehovah?
7 Meta xi ħadd mit-tfal ikollu problema jew ikollu bżonn jagħmel xi deċiżjoni importanti, nistgħu nistaqsuh: ‘Jehovah kif taħseb li jqisu dan? X’taf dwar Jehovah li jġagħlek tgħid hekk? Tlabtu dwarha?’ Billi tibdew minn kmieni kemm jistaʼ jkun, għinu lil uliedkom jibnu mod taʼ ħajja li fih dejjem isir sforz serju biex isiru jafu x’inhi eżatt ir-rieda t’Alla u mbagħad jagħmluha. Hekk kif jibdew ikollhom relazzjoni persunali u intima maʼ Jehovah, huma se jieħdu gost jimxu fit-triqat tiegħu. (Salm 119:34, 35) Dan se jibni apprezzament fihom għall-privileġġ li jkunu mseħbin mal-kongregazzjoni taʼ dak Alla veru.
Preparazzjoni għal-Laqgħat tal-Kongregazzjoni
8. (a) Liema ħaġa tistaʼ tgħinna ninkludu l-affarijiet kollha li jeħtieġu l-attenzjoni fl-istudju tagħna tal-familja? (b) Kemm hu importanti dan l-istudju?
8 Hemm ħafna affarijiet li jeħtieġu l-attenzjoni matul il-perijodi taʼ studju fil-familja. Kif tistgħu tlaħħqu magħhom kollha? Ma jistax ikun li tagħmlu kollox fl-istess ħin. Imma tistgħu ssibuha t’għajnuna li tagħmlu lista. (Proverbji 21:5) Minn żmien għal żmien, irreveduha u ikkunsidraw liema ħaġa teħtieġ attenzjoni speċjali. Uru interess ġenwin fil-progress taʼ kull membru tal-familja. Dan l-arranġament għall-istudju tal-familja hu parti importanti mill-edukazzjoni Kristjana, billi jarmana għall-ħajja t’issa u jippreparana għall-ħajja eterna li ġejja.—1 Timotju 4:8.
9.Liema miri rigward il-preparazzjoni għal-laqgħat nistgħu aħna bil-mod il-mod naħdmu fuqhom waqt l-istudju tal-familja?
9 Jinkludi l-istudju tal-familja tagħkom li tippreparaw għal-laqgħat tal-kongregazzjoni? Hemm għadd taʼ proġetti li tistgħu taħdmu fuqhom bil-mod il-mod hekk kif tistudjaw flimkien. Xi wħud minn dawn jistgħu jirrikjedu ġimgħat, xhur, jew saħansitra snin biex jitwettqu. Ikkunsidraw dawn il-miri: (1) kull wieħed fil-familja jkun lest li jikkummenta fil-laqgħat tal-kongregazzjoni; (2) kull wieħed jaħdem biex il-kummenti jagħmilhom fi kliemu stess; (3) ninkludu l-iskritturi fil-kummenti; u (4) nanalizzaw il-materjal bil-mira li napplikawh personalment. Dan kollu jistaʼ jgħin lil individwu jagħmel il-verità tiegħu.—Salm 25:4, 5.
10. (a) Kif nistgħu nagħtu attenzjoni għal kull laqgħa tal-kongregazzjoni? (b) Dan għala jiswielna?
10 Anki jekk l-istudju tagħkom tal-familja jkun ġeneralment ibbażat fuq il-lezzjoni tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ dik il-ġimgħa, tinjorawx l-importanza tal-preparazzjoni individwali jew bħala familja għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni, għall-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, u għal-Laqgħa tas-Servizz. Dawn ukoll huma partijiet importanti tal-programm li jgħallmuna nimxu fil-mogħdija taʼ Jehovah. Intom forsi kultant tkunu tistgħu tippreparaw għal-laqgħat bħala familja. Billi taħdmu flimkien, se jitjiebu l-abbiltajiet tagħkom biex tistudjaw. B’riżultat taʼ dan, jinkiseb iktar ġid mil-laqgħat infushom. Fost affarijiet oħra, iddiskutu dwar il-benefiċċji li jiġu minn preparazzjoni regulari għal dawn il-laqgħat u dwar l-importanza li nwarrbu ħin apposta għalihom.—Efesin 5:15-17.
11, 12. Il-preparazzjoni biex inkantaw fil-kongregazzjoni kif tistaʼ tibbenefikana, u dan kif jistaʼ jsir?
11 Fil-konvenzjonijiet intitolati “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla,” ġejna inkuraġġiti biex nippreparaw għal settur ieħor tal-laqgħat tagħna—l-għanjiet. Qegħdin tagħmluh dan? Billi nagħmlu dan inkunu qegħdin nonqxu l-veritajiet tal-Bibbja f’moħħna u f’qalbna u fl-istess ħin nieħdu iktar gost bil-laqgħat tal-kongregazzjoni.
12 Preparazzjoni li tinkludi l-qari u d-diskussjoni dwar it-tifsir tal-kliem f’xi għanjiet li nkunu se nkantaw tistaʼ tgħinna nkantaw mill-qalb. F’Iżrael tal-qedem, strumenti mużikali kellhom użu prominenti fil-qima. (1 Kronaki 25:1; Salm 28:7) Hemm xi ħadd fil-familja tiegħek li jaf idoqq xi strument? Għala ma tużawx dak l-istrument biex tipprattikaw waħda mill-għanjiet tas-Saltna għal dik il-ġimgħa, u mbagħad tkantaw l-għanja bħala familja? Possibbiltà oħra hi li tużaw il-kasetts taʼ l-għanjiet. F’xi pajjiżi ħutna veru jkantaw sabiħ mingħajr akkumpanjament mużikali. Huma u mexjin fit-triq jew waqt li jkunu qed jaħdmu fl-għelieqi, taʼ spiss jieħdu gost ikantaw l-għanjiet li jkunu se jkantaw fil-laqgħat tal-kongregazzjoni dik il-ġimgħa.—Efesin 5:19.
Preparazzjoni Bħala Familja għas-Servizz taʼ l-Għalqa
13, 14. Id-diskussjonijiet bħala familja li jippreparawlna qalbna għall-ministeru taʼ l-għalqa għala huma tant taʼ valur?
13 Li nagħtu xiehda lil oħrajn dwar Jehovah u l-iskopijiet tiegħu huwa parti importanti minn ħajjitna. (Isaija 43:10-12; Mattew 24:14) Sew jekk aħna żgħażagħ u sew jekk aħna xjuħ, se nieħdu iktar gost nagħmlu dan u niksbu iktar ġid jekk inkunu preparati. Dan kif nistgħu nagħmluh fil-familja?
14 Bħal f’kull ħaġ’oħra li tinvolvi l-qima tagħna, huwa importanti li nippreparaw lil qalbna. Jeħtieġ li niddiskutu mhux biss dak li se nagħmlu imma wkoll għala se nagħmluh. Fi żmien is-Sultan Ġosafat, il-poplu ngħata istruzzjoni fil-liġi divina, imma l-Bibbja tgħidilna li ‘kienu għadhom ma dawrux qalbhom.’ Dan għamilhom vulnerabbli għal tentazzjonijiet li setgħu jbegħduhom mill-qima vera. (2 Kronaki 20:33; 21:11) Il-mira tagħna m’hijiex biss li nkunu nistgħu nirrapportaw is-sigħat li nqattgħu fis-servizz taʼ l-għalqa, lanqas m’hi sempliċement li nħallu l-letteratura man-nies. Il-ministeru tagħna għandu jkun espressjoni taʼ l-imħabba tagħna lejn Jehovah u l-imħabba tagħna għan-nies li għandhom bżonn l-opportunità biex jagħżlu l-ħajja. (Lhud 13:15) Hija attività li fiha aħna “ħaddiema maʼ Alla.” (1 Korintin 3:9) Xi privileġġ! Hekk kif nieħdu sehem fil-ministeru, dan nagħmluh b’kooperazzjoni maʼ l-anġli qaddisa. (Apokalissi 14:6, 7) U ma jistax ikun hemm ħin aħjar biex nibnu apprezzament għal dan ħlief fil-ħin tad-diskussjoni bħala familja, sew jekk dan ikun fl-istudju taʼ kull ġimgħa u sew jekk ikun waqt li qed niddiskutu t-test tal-jum mill-ktejjeb Neżaminaw l-Iskrittura Kuljum!
15. Meta nistgħu nippreparaw għas-servizz taʼ l-għalqa bħala familja?
15 Ġieli tużaw ftit mill-ħin taʼ l-istudju tal-familja biex tgħinu lill-membri tal-familja tagħkom jippreparaw għas-servizz taʼ l-għalqa taʼ dik il-ġimgħa? Dan jistaʼ jkun verament taʼ benefiċċju. (2 Timotju 2:15) Jistaʼ jgħin biex is-servizz tagħhom ikun sinjifikanti u produttiv. Kultant, forsi tistgħu twarrbu sessjoni sħiħa taʼ l-istudju għal din il-preparazzjoni. Iktar spiss, tistgħu tittrattaw aspetti tal-ministeru taʼ l-għalqa f’diskussjonijiet iqsar fi tmiem l-istudju tal-familja jew f’xi ħin ieħor matul il-ġimgħa.
16. Iddiskuti l-valur taʼ kull pass li hu msemmi f’dan il-paragrafu.
16 Sessjonijiet bħala familja jistgħu jiffokaw fuq serje taʼ passi, bħal dawn li ġejjin: (1) Ippreparaw preżentazzjoni u ipprattikawha tajjeb, inkluż xi skrittura biex tinqara mill-Bibbja jekk ikun hemm l-opportunità. (2) Kunu ċerti li kulħadd ikollu, jekk ikun possibbli, il-basket tiegħu għas-servizz taʼ l-għalqa, Bibbja, notebook, biro jew lapes, fuljetti, u xi letteratura oħra f’kundizzjoni tajba. Il-basket m’għandux għalfejn ikun jiswa ħafna flus, imma għandu jkun pulit. (3) Iddiskutu fejn u kif tistgħu tagħtu xiehda informali. Segwu kull stadju taʼ din l-istruzzjoni billi tiddedikaw perijodi li fihom tistgħu taħdmu flimkien fis-servizz taʼ l-għalqa. Offru suġġerimenti t’għajnuna, imma tagħtux partita pariri fuq ħafna punti.
17, 18. (a) Liema tip taʼ preparazzjoni bħala familja jistaʼ jgħin biex il-ministeru tagħna taʼ l-għalqa jagħti iktar frott? (b) Liema aspett taʼ din il-preparazzjoni jistaʼ jsir kull ġimgħa?
17 Il-biċċa l-kbira tax-xogħol li Ġesù Kristu inkariga lid-dixxipli tiegħu hi li jagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20) Li nagħmlu dixxipli jinvolvi iktar milli nippridkaw. Jirrikjedi li ngħallmu. L-istudju tagħkom tal-familja kif jistaʼ jgħinkom tkunu effettivi f’li tagħmlu dan?
18 Bħala familja, iddiskutu liema żjajjar lura l-aħjar li tagħmlu. Xi wħud minnhom forsi jkunu aċċettaw xi letteratura; xi wħud għandhom mnejn semgħu biss. Forsi ltqajtu magħhom fix-xogħol minn dar għal dar jew fl-għoti taʼ xiehda informali fis-suq jew fl-iskola. Ħallu l-Kelma t’Alla tiggwidakom. (Salm 25:9; Eżekjel 9:4) Iddeċiedu liema żjajjar lura jrid jagħmel kull wieħed minnkom. Fuq xiex se titkellmu? Id-diskussjoni tal-familja tistaʼ tgħin lil kull membru jipprepara. Agħmlu nota taʼ skritturi speċifiċi li se taqsmu maʼ persuni interessati kif ukoll punti xierqa mill-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? jew mill-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem. Tipprovawx tgħaddu ħafna materjal fi żjara waħda. Lill-inkwilin ħalluh b’mistoqsija li mbagħad tagħtuh risposta għaliha meta terġgħu tmorru għandu. Għala ma tagħmluhiex parti mir-rutina tal-familja li kull ġimgħa tippjanaw liema żjajjar lura se jagħmel kull wieħed, meta se jagħmilhom, u x’jittama li jwettaq? Dan jistaʼ jkun t’għajnuna biex il-ministeru taʼ l-għalqa tal-familja kollha jkun jistaʼ jagħti iktar frott.
Komplu Għallmuhom il-Mod taʼ Jehovah
19. Jekk il-membri tal-familja jridu jkomplu jimxu fil-mogħdijiet taʼ Jehovah, x’iridu jesperjenzaw, u x’jikkontribwixxi għal dan?
19 Li wieħed ikun kap taʼ familja f’dinja mill-agħar bħal din hija sfida. Satana u d-demonji tiegħu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jeqirdu l-ispiritwalità tal-qaddejja taʼ Jehovah. (1 Pietru 5:8) Iktar minn hekk, illum hemm ħafna pressjoni fuqkom il-ġenituri, speċjalment intom il-ġenituri waħedkom. Huwa diffiċli li ssibu ħin biex tagħmlu kulma tixtiequ tagħmlu. Imma kemm jiswa li nagħmluh dan l-isforz, anki jekk imqar tapplikaw suġġeriment wieħed kull darba u bil-mod il-mod ittejbu l-programm tagħkom taʼ l-istudju tal-familja! Li tara lil dawk qrib tiegħek jimxu lealment fil-mogħdijiet taʼ Jehovah hu premju li jferraħlek qalbek. Biex familja timxi b’suċċess fil-mogħdija taʼ Jehovah, il-membri tagħha jeħtieġ li jsibu l-ferħ f’li jkunu fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u f’li jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. Biex dan iseħħ, il-preparazzjoni hija meħtieġa—preparazzjoni li tibni l-qalb u li tarma lil kull wieħed biex ikollu sehem sinjifikanti.
20. X’jistaʼ jgħin lil iktar ġenituri jesperjenzaw it-tip taʼ ferħ li hemm imniżżel fit-3 Ġwann 4?
20 L-appostlu Ġwanni kiteb dan dwar dawk li hu kien għen spiritwalment: “Ngħid għalija, ma nafx b’ferħ akbar minn dak li nħoss meta nismaʼ li wliedi mexjin fil-verità.” (3 Ġwann 4) Meta l-istudji tal-familja jsiru b’objettivi ċari u l-kapijiet tal-familja jittrattaw il-bżonnijiet tal-membri tal-familja b’mod ħanin u t’għajnuna, dan se jikkontribwixxi ħafna biex il-familja jkollha dan il-ferħ. Meta l-ġenituri jikkultivaw apprezzament għall-mod taʼ ħajja t’Alla, dawn ikunu qed jgħinu lill-familja tagħhom tgawdi l-aqwa mod taʼ ħajja.—Salm 19:7-11.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Il-preparazzjoni għal-laqgħat għala hija tant importanti għal uliedna?
◻ Il-ġenituri kif jistgħu jgħinu lil uliedhom biex ‘jiksbu qalb’?
◻ L-istudju tagħna tal-familja kif jistaʼ jgħin f’li nippreparaw għal-laqgħat kollha?
◻Li nippreparaw għas-servizz taʼ l-għalqa bħala familja kif jistaʼ jgħinna nkunu iktar effettivi?
[Stampa f’paġna 20]
L-istudju tal-familja tiegħek jistaʼ jinkludi l-preparazzjoni għal-laqgħat tal-kongregazzjoni
[Stampa f’paġna 21]
Ikun taʼ benefiċċju li tipprattikaw biex tkantaw fil-laqgħat