LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 7 pp. 76-89
  • Hemm Xi Ribell fid-​Dar?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Hemm Xi Ribell fid-​Dar?
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’INHU RIBELL?
  • AFFARIJIET LI JIKKAĠUNAW RIBELLJONI
  • ELI L-​PERMISSIV U REĦOBOAM IR-​RESTRITTIV
  • L-​ISSODISFAR TAʼ ĦTIĠIJIET BAŻIĊI JISTAʼ JEVITA R-​RIBELLJONI
  • META T-​TFAL ISIBU RUĦHOM F’DIFFIKULTÀ
  • NIMMANIĠĠAW RIBELL DETERMINAT
  • Għin lill-​Adolexxent Tiegħek Biex Jiffjorixxi
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ħarreġ lit-​Tfal Tiegħek mill-​Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Għallem lil Uliedek Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 7 pp. 76-89

Kapitlu Sebgħa

Hemm Xi Ribell fid-​Dar?

1, 2. (a) Ġesù liema tixbieha ta biex jenfasizza l-​infedeltà taʼ mexxejja reliġjużi Lhud? (b) Liema punt dwar l-​adolexxenti nistgħu nitgħallmu mit-​tixbieha taʼ Ġesù?

FTIT jiem qabel il-​mewt tiegħu, Ġesù staqsa lil grupp taʼ mexxejja reliġjużi Lhud mistoqsija li tqanqal il-​ħsieb. Qal: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-​kbir u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem il-​għalqa tad-​dwieli.’ U dak qallu, ‘Ma rridx.’ Iżda mbagħad biddel il-​fehma u mar. Resaq fuq l-​ieħor u qallu l-​istess. ‘Arani sejjer, sinjur,’ qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-​tnejn għamel kif ried il-​missier?” Il-​mexxejja Lhud wieġbu: “L-​ewwel wieħed.”​—Mattew 21:​28-31.

2 Hawnhekk Ġesù kien qiegħed jenfasizza l-​infedeltà tal-​mexxejja Lhud. Huma kienu bħat-​tieni iben, billi wiegħdu li jagħmlu r-​rieda t’Alla u mbagħad ma żammewx il-​wegħda tagħhom. Imma ħafna ġenituri se jirrikonoxxu li t-​tixbieha taʼ Ġesù kienet ibbażata fuq fehma tajba dwar il-​ħajja tal-​familja. Bħalma hu wera tant tajjeb, spiss ikun diffiċli li tkun taf x’qegħdin jaħsbu ż-​żgħażagħ jew li tobsor x’se jagħmlu. Żagħżugħ jistaʼ jikkaġuna ħafna problemi matul l-​adolexxenza tiegħu u mbagħad jikber biex ikun adult responsabbli u rrispettat sewwa. Din hija xi ħaġa li rridu nżommu f’moħħna meta niddiskutu l-​problema tar-​ribelljoni taʼ l-​adolexxenti.

X’INHU RIBELL?

3. Il-​ġenituri għala m’għandhomx jgħaġġlu biex lit-​tifel tagħhom jagħtuh it-​timbru taʼ ribell?

3 Minn żmien għal żmien, tistaʼ tismaʼ dwar adolexxenti li jirribellaw qatta bla ħabel kontra l-​ġenituri tagħhom. Għandek mnejn li saħansitra int personalment taf b’xi familja fejn hemm adolexxent li jidher impossibbli li jiġi kkontrollat. Madankollu, m’huwiex dejjem faċli biex tkun taf jekk tifel huwiex tassew ribell. Iktar minn hekk, jistaʼ jkun diffiċli li tifhem għala xi tfal jirribellaw u oħrajn​—saħansitra mill-​istess familja—​ma jirribellawx. Jekk il-​ġenituri jissusspettaw li xi ħadd mit-​tfal tagħhom jistaʼ jkun qiegħed jiżviluppa f’ribell assolut, x’għandhom jagħmlu? Biex inwieġbu dan, irridu l-​ewwel nitkellmu dwar x’inhu ribell.

4-6. (a) X’inhu ribell? (b) Il-​ġenituri x’għandhom iżommu f’moħħhom jekk l-​adolexxent tagħhom hu diżubbidjenti minn żmien għal żmien?

4 Fi kliem sempliċi, ribell hu persuna li għax irid u b’mod konsistenti ma jobdix jew jirreżisti u jisfida lil awtorità iktar għolja. M’għandniex xi ngħidu, ‘il-​bluha qiegħda fil-​qalb taʼ kull tifel.’ (Proverbji 22:15) Mela t-​tfal kollha jirreżistu l-​awtorità tal-​ġenituri u awtorità oħra xi darba jew oħra. Dan huwa partikolarment veru matul iż-​żmien taʼ l-​iżvilupp fiżiku u emozzjonali magħruf bħala adolexxenza. Bidla fil-​ħajja taʼ kwalunkwe persuna se toħloq stress, u l-​adolexxenza hija żmien taʼ ħafna bidliet. Bintek jew ibnek adolexxenti ħerġin mit-​tfulija u deħlin fl-​istat t’adult. Għal din ir-​raġuni, matul is-​snin taʼ l-​adolexxenza, xi ġenituri u tfal isibuha diffiċli biex jingwalawha maʼ xulxin. Taʼ spiss xi ġenituri istintivament jipprovaw ikarkru t-​transizzjoni, fil-​waqt li ż-​żgħażagħ iridu jħaffuha.

5 Żagħżugħ li hu ribell jagħti dahru lill-​valuri tal-​ġenituri. Ftakar, iżda, li ftit atti taʼ diżubbidjenza ma jifformawx ribell. U meta niġu għal kwistjonijiet spiritwali, xi tfal jistgħu għall-​ewwel juru ftit jew xejn interess fil-​verità tal-​Bibbja, imma jistgħu ma jkunux ribelli. Bħala ġenitur, tkunx ħafif biex tittimbra lit-​tifel tiegħek.

6 Huma s-​snin taʼ l-​adolexxenza taż-​żgħażagħ kollha kkaratterizzati minn ribelljoni kontra l-​awtorità tal-​ġenituri? Le, lanqas xejn. Tabilħaqq, l-​evidenza donnha tindika li minoranza biss mill-​adolexxenti juru ribelljoni serja fl-​adolexxenza. Xorta waħda, xi ngħidu dwar tifel li jirribella b’ras iebsa u b’mod konsistenti? X’jistaʼ jipprovoka ribelljoni bħal din?

AFFARIJIET LI JIKKAĠUNAW RIBELLJONI

7. L-​ambjent sataniku kif jistaʼ jinfluwenza lil tifel biex jirribella?

7 Kaġun ewlieni taʼ ribelljoni huwa l-​ambjent Sataniku tad-​dinja. “[I]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Id-​dinja taħt il-​poter taʼ Satana żviluppat kultura mimlija ħsara li magħha l-​Kristjani jkollhom jitqabdu. (Ġwann 17:15) Ħafna minn dik il-​kultura hija iktar ħarxa, iktar perikoluża, u mimlija b’iktar influwenzi ħżiena llum milli fil-​passat. (2 Timotju 3:​1-5, 13) Jekk il-​ġenituri ma jedukawx, ma jwissux, u ma jipproteġux lit-​tfal tagħhom, uħud żgħażagħ jistgħu faċilment jinbelgħu mill-​“ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux.” (Efesin 2:2) Relatata maʼ dan hija l-​pressjoni minn dawk taʼ mparhom. Il-​Bibbja tgħid: “Min imur mal-​boloh, jaqaʼ fil-​hemm.” (Proverbji 13:20) Bl-​istess mod, dak li jagħmilha maʼ dawk li huma mċappsin bl-​ispirtu taʼ din id-​dinja x’aktarx li se jkun influwenzat minn dak l-​ispirtu. Uħud żgħażagħ jeħtieġu għajnuna kostanti jekk se japprezzaw li l-​ubbidjenza lejn prinċipji divini hija l-​pedament taʼ l-​aqwa mod taʼ ħajja.​—Isaija 48:​17, 18.

8. Liema fatturi jistgħu jwasslu għal ribelljoni min-​naħa taʼ tifel?

8 Kaġun ieħor taʼ ribelljoni jistaʼ jkun l-​atmosfera fid-​dar. Per eżempju, jekk wieħed mill-​ġenituri hu alkoħoliku, jabbuża bid-​drogi, jew hu vjolenti lejn il-​ġenitur l-​ieħor, il-​mod kif l-​adolexxent iħares lejn il-​ħajja jistaʼ jiġi diżorjentat. Saħansitra fi djar relattivament trankwilli, ir-​ribelljoni tistaʼ tiżbroffa meta tifel iħoss li l-​ġenituri tiegħu m’għandhom l-​ebda interess fih. Madankollu, ir-​ribelljoni taʼ l-​adolexxenti ma tiġix ikkaġunata dejjem minn influwenzi esterni. Xi tfal jagħtu daharhom lill-​valuri tal-​ġenituri minkejja li jkollhom ġenituri li japplikaw prinċipji divini u li jagħtuhom kenn, kemm jistaʼ jkun, mid-​dinja taʼ madwarhom. Għala? Forsi minħabba għerq ieħor tal-​problemi tagħna​—l-​imperfezzjoni umana. Pawlu qal: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] li fid-​dinja daħal id-​dnub, u permezz tad-​dnub il-​mewt, u hekk il-​mewt laħqet il-​bnedmin kollha, għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Adam kien ribell egoist, u lin-​nisel kollu tiegħu ħallielu legat ħażin. Xi żgħażagħ sempliċement jagħżlu li jirribellaw, bħalma għamel missierhom tal-​qedem.

ELI L-​PERMISSIV U REĦOBOAM IR-​RESTRITTIV

9. Liema estremi fit-​trobbija tat-​tfal jistgħu jipprovokaw lil tifel biex jirribella?

9 Xi ħaġa oħra li wasslet għar-​ribelljoni taʼ l-​adolexxenti hija ħarsa żbilanċjata lejn it-​trobbija tat-​tfal min-​naħa tal-​ġenituri. (Kolossin 3:21) Xi ġenituri kuxjenzjużi jirrestrinġu u jiddixxiplinaw b’mod aħrax lit-​tfal tagħhom. Oħrajn huma permissivi, billi ma jipprovdux linji taʼ gwida li kienu se jipproteġu lill-​adolexxent bla esperjenza tagħhom. M’huwiex dejjem faċli li ssib il-​bilanċ bejn dawn iż-​żewġ estremi. U tfal differenti għandhom ħtiġijiet differenti. Wieħed jistaʼ jkollu bżonn iktar indokrar minn ieħor. Xorta waħda, żewġ eżempji fil-​Bibbja se jgħinu biex juru l-​perikli taʼ li wieħed ikun estrem jew fir-​restrittività jew fil-​permissività.

10. Għalkemm x’aktarx li kien qassis il-​kbir leali, Eli għala kien ġenitur dgħajjef?

10 Il-​qassis il-​kbir Eli taʼ Israel tal-​qedem kien missier. Hu qeda għal 40 sena, u bla dubju kien midħla sewwa tal-​Liġi t’Alla. Eli x’aktarx li wettaq id-​dmirijiet regulari u saċerdotali tiegħu fedelment kemm jistaʼ jkun u setaʼ saħansitra għallem bir-​reqqa l-​Liġi t’Alla lil uliedu, Ħofni u Fineħas. Madankollu, Eli kien laxk wisq maʼ wliedu. Ħofni u Fineħas qdew bħala qassisin prattikanti, imma kienu “nies mill-​agħar,” interessati biss f’li jissodisfaw l-​aptiti u x-​xewqat immorali tagħhom. Madankollu, meta kkommettew atti t’għajb fuq art sagra, Eli ma kellux il-​kuraġġ itajjarhom mill-​kariga. Sempliċement tahom ċanfira fjakka. Bil-​permissività tiegħu, Eli onora lil uliedu iktar milli onora lil Alla. Bħala riżultat, uliedu rribellaw kontra l-​qima nadifa taʼ Jehovah u d-​dar kollha kemm hi t’Eli sofriet gwaj.​—1 Samwel 2:​12-17, 22-25, 29; 3:​13, 14; 4:​11-22.

11. Il-​ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju żbaljat t’Eli?

11 It-​tfal t’Eli kienu diġà adulti meta seħħew dawn il-​ġrajjiet, imma din l-​istorja tenfasizza l-​periklu taʼ li wieħed iżomm lura d-​dixxiplina. (Qabbel Proverbji 29:21.) Xi ġenituri jistgħu jħawdu l-​imħabba mal-​permissività, billi ma jistabbilux u ma jinforzawx regoli ċari, konsistenti, u raġonevoli. Huma jittraskuraw li japplikaw dixxiplina bl-​imħabba, saħansitra meta jinkisru prinċipji divini. Minħabba permissività bħal din, it-​tfal tagħhom jistgħu jispiċċaw ma jagħtux kas l-​awtorità tal-​ġenituri jew kwalunkwe tip ieħor t’awtorità.​—Qabbel Koħelet 8:11.

12. Reħoboam liema żball għamel f’li jeżerċita l-​awtorità?

12 Reħoboam jeżemplifika l-​estrem l-​ieħor f’li wieħed jimmaniġġa l-​awtorità. Kien l-​aħħar sultan tas-​saltna magħquda taʼ Israel, imma ma kienx sultan tajjeb. Reħoboam kien wiret pajjiż li n-​nies tiegħu kienu mdejqin minħabba t-​tagħbijiet impoġġijin fuqhom minn missieru, Salamun. Wera Reħoboam fehma? Le. Meta delegazzjoni talbitu biex ineħħi ftit mill-​miżuri oppressivi, hu naqas li jagħti kas il-​parir matur mingħand il-​kunsilliera ixjeħ tiegħu u kkmanda li l-​madmad tan-​nies jintgħamel itqal. L-​arroganza tiegħu pprovokat ribelljoni mill-​għaxar tribujiet tat-​Tramuntana, u s-​saltna ġiet maqsuma fi tnejn.​—1 Slaten 12:​1-21; 2 Kronaki 10:19.

13. Il-​ġenituri kif jistgħu jevitaw l-​iżball taʼ Reħoboam?

13 Il-​ġenituri jistgħu jitgħallmu xi lezzjonijiet importanti mir-​rakkont Bibliku taʼ Reħoboam. Jeħtieġ li “jfittxu l-​Mulej” fit-​talb u li jeżaminaw il-​metodi tagħhom taʼ trobbija tat-​tfal fid-​dawl tal-​prinċipji tal-​Bibbja. (Salm 105:3 [105:​4, NW]) “Il-​moħqrija tħawwad moħħ il-​għaref,” jgħid Koħelet 7:7. Linji taʼ gwida ppjanati tajjeb jagħtu spazju lill-​adolexxenti biex jikbru waqt li jipproteġuhom mill-​ħsara. Imma t-​tfal m’għandhomx jgħixu f’atmosfera li tant hija riġida u kostrinġenti li ma jitħallewx jiżviluppaw miżura raġonevoli taʼ serħan fuqhom infushom u fiduċja fihom infushom. Meta l-​ġenituri jistinkaw għal bilanċ bejn libertà ġusta t’aġir u linji taʼ gwida sodi li huma spjegati b’mod ċar, il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​adolexxenti se jħossuhom inqas inklinati li jirribellaw.

L-​ISSODISFAR TAʼ ĦTIĠIJIET BAŻIĊI JISTAʼ JEVITA R-​RIBELLJONI

14, 15. Il-​ġenituri kif għandhom iħarsu lejn l-​iżvilupp tat-​tifel tagħhom?

14 Għalkemm il-​ġenituri jieħdu gost jaraw il-​ġuvnott tagħhom jikber fiżikament minn tarbija għal adult, jistgħu jħossuhom iddisturbati meta t-​tifel adolexxent tagħhom jibda jgħaddi minn dipendenza għal li jistrieħ b’mod xieraq fuqu nnifsu. Matul dan il-​perijodu transizzjonali, tiskantax jekk l-​adolexxent tiegħek kultant ikun rasu iebsa jew ma jikkoperax. Żomm f’moħħok li l-​għan taʼ ġenituri Kristjani għandu jkun li jrabbu Kristjan matur, stabbli, u responsabbli.​—Qabbel 1 Korintin 13:11; Efesin 4:​13, 14.

15 Jidher kemm jidher li huwa diffiċli, il-​ġenituri jeħtieġ li ma jibqgħux iwieġbu b’mod negattiv għal kwalunkwe rikjesta mill-​addolexxent tagħhom għal iktar indipendenza. B’mod bnin, tifel jeħtieġ li jikber bħala individwu. Tabilħaqq, f’età relattivament żgħira, xi adolexxenti jibdew jiżviluppaw mentalità adulta ġmielha. Per eżempju, il-​Bibbja tgħid dwar is-​Sultan żagħżugħ Ġosija: “Meta kien għadu żagħżugħ [taʼ madwar 15-il sena], beda jfittex lil Alla taʼ David.” Dan l-​adolexxent impressjonanti kien b’mod ċar individwu responsabbli.​—2 Kronaki 34:​1-3.

16. Hekk kif it-​tfal jingħataw iktar responsabbiltà, x’għandhom jirrealizzaw?

16 Madankollu, il-​libertà ġġib magħha r-​responsabbiltà. Għalhekk, ħalli lill-​adult tiegħek li qiegħed jikber jesperjenza l-​konsegwenzi taʼ xi wħud mid-​deċiżjonijiet u l-​azzjonijiet tiegħu. Il-​prinċipju, “dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad,” japplika għall-​adolexxenti kif ukoll għall-​adulti. (Galatin 6:7) It-​tfal ma jistgħux jibqgħu jingħataw kenn għal dejjem. X’jiġri, iżda, jekk it-​tifel tiegħek irid jagħmel xi ħaġa li hija kompletament mhux aċċettabbli? Bħala ġenitur responsabbli, ikollok tgħid, “Le.” U, waqt li tistaʼ tispjega r-​raġunijiet, xejn m’għandu jbiddel il-​le tiegħek f’iva. (Qabbel Mattew 5:37.) Minkejja dan, ipprova għid “Le” b’manjiera kalma u raġonevoli, ladarba “kelma tajba ttaffi l-​korla.”​—Proverbji 15:1.

17. Liema huma xi ħtiġijiet t’adolexxent li ġenitur għandu jissodisfa?

17 Iż-​żgħażagħ jeħtieġu s-​sigurtà taʼ dixxiplina konsistenti saħansitra jekk m’humiex dejjem lesti li jaqblu mar-​restrizzjonijiet u r-​regoli. Huwa frustranti jekk ir-​regoli jinbidlu taʼ spiss, skond kif ġenitur iħossu f’dak il-​waqt. Iżjed minn hekk, jekk l-​adolexxenti jirċievu inkuraġġiment u għajnuna, skond kemm ikun meħtieġ, f’li jkampaw maʼ diffidenza, mistħija, jew nuqqas taʼ fiduċja fihom infushom, x’aktarx li se jikbru biex ikunu iktar stabbli. L-​adolexxenti japprezzaw ukoll meta jirċievu l-​fiduċja li jkunu mmeritaw.​—Qabbel Isaija 35:​3, 4; Luqa 16:10; 19:17.

18. Liema huma xi veritajiet inkuraġġanti dwar l-​adolexxenti?

18 Il-​ġenituri jistgħu jiġu mfarrġin b’li jkunu jafu li meta l-​paċi, l-​istabbilità, u l-​imħabba jeżistu ġewwa d-​dar, it-​tfal ġeneralment jiffjorixxu. (Efesin 4:​31, 32; Ġakbu 3:​17, 18) Iva, ħafna żgħażagħ għelbu saħansitra ambjent ħażin fid-​dar, li jiġi minn familji mċappsin bl-​alkoħoliżmu, bil-​vjolenza, jew b’xi influwenza oħra taʼ ħsara, u kibru biex ikunu adulti mill-​aħjar. Għalhekk, jekk tipprovdi dar fejn l-​adolexxenti tiegħek iħossuhom fis-​sigurtà, u jafu li se jirċievu mħabba, affezzjoni, u attenzjoni​—saħansitra jekk dak l-​appoġġ huwa akkumpanjat minn restrizzjonijiet u dixxiplina raġonevoli f’armonija maʼ prinċipji Skritturali—​huwa ferm probabbli li huma se jikbru biex ikunu adulti li se tkun kburi bihom.​—Qabbel Proverbji 27:11.

META T-​TFAL ISIBU RUĦHOM F’DIFFIKULTÀ

19. Waqt li l-​ġenituri għandhom iħarrġu lil tifel fil-​mogħdija li għandu jmur, liema responsabbiltà taqaʼ fuq it-​tifel?

19 Li jitwettaq tajjeb id-​dmir taʼ ġenitur ċertament li jagħmel differenza. Proverbji 22:6 jgħid: “Ħarreġ tifel jimxi fit-​triq it-​tajba; ma joħroġx minnha lanqas meta jixjieħ.” Xorta waħda, xi ngħidu dwar tfal li għandhom problemi serji minkejja li għandhom ġenituri tajbin? Huwa dan possibbli? Iva. Il-​kliem tal-​proverbju jrid jiġi mifhum fid-​dawl taʼ versi oħrajn li jenfasizzaw ir-​responsabbiltà tat-​tifel biex ‘jismaʼ minn u jobdi lill-​ġenituri. (Proverbji 1:8) Kemm il-​ġenitur u kemm it-​tifel iridu jikkoperaw f’li japplikaw prinċipji tal-​Bibbja jekk se jkun hemm l-​armonija fil-​familja. Jekk il-​ġenituri u t-​tfal ma jaħdmux flimkien, se jkun hemm id-​diffikultajiet.

20. Meta t-​tfal jiżbaljaw minħabba nuqqas taʼ ħsieb, il-​ġenituri liema tattika għaqlija għandhom jużaw?

20 Il-​ġenituri kif għandhom jirreaġixxu meta xi adolexxent jiżbalja u jidħol fl-​inkwiet? Huwa speċjalment f’dak il-​waqt li ż-​żagħżugħ jeħtieġ l-​għajnuna. Jekk il-​ġenituri jiftakru li qegħdin jittrattaw maʼ żagħżugħ bla esperjenza, se jirreżistu iktar faċilment it-​tendenza li jagħmluha bi kbira. Pawlu ta parir lil uħud maturi fil-​kongregazzjoni: “Jekk xi ħadd jinqabad f’xi ħtija, intom li intom spiritwali, widdbuh bi spirtu taʼ ħlewwa.” (Galatin 6:1) Il-​ġenituri jistgħu jsegwu din l-​istess proċedura meta jkunu qegħdin jittrattaw maʼ żagħżugħ li jikkommetti żball minħabba nuqqas taʼ ħsieb. Waqt li jispjegaw b’mod ċar għala l-​kondotta tiegħu kienet żbaljata u kif jistaʼ jevita li jirrepeti l-​iżball, il-​ġenituri għandhom jagħmluha ċara li hija l-​kondotta żbaljata, mhux iż-​żagħżugħ, li hija ħażina.​—Qabbel Ġuda 22, 23.

21. Billi jsegwu l-​eżempju tal-​kongregazzjoni Kristjana, il-​ġenituri kif għandhom jirreaġixxu jekk it-​tfal tagħhom jikkommettu dnub serju?

21 X’jiġri jekk id-​delinkwenza taż-​żagħżugħ tkun serja ferm? F’dak il-​każ it-​tifel jeħtieġ għajnuna speċjali u direzzjoni bis-​sengħa. Meta membru tal-​kongregazzjoni jikkommetti dnub serju, jiġi inkuraġġit biex jindem u javviċina lill-​anzjani għall-​għajnuna. (Ġakbu 5:​14-16) Ladarba jindem, l-​anzjani jaħdmu miegħu biex jirrestawrawh spiritwalment. Fil-​familja r-​responsabbiltà biex jgħinu lill-​adolexxent li qiegħed jiżbalja taqaʼ fuq il-​ġenituri, għalkemm għandhom mnejn ikollhom bżonn jiddiskutu l-​kwistjoni maʼ l-​anzjani. Huma ċertament li m’għandhomx jipprovaw jaħbu mill-​ġemgħa taʼ l-​anzjani kwalunkwe dnub serju li jitwettaq minn xi ħadd mit-​tfal tagħhom.

22. F’li jimitaw lil Jehovah, il-​ġenituri liema attitudni se jipprovaw iżommu jekk it-​tifel tagħhom jikkommetti żball serju?

22 Problema serja li tinvolvi lit-​tfal stess taʼ dak li jkun hija ferm taʼ prova. Billi jkunu mifxulin emozzjonalment, il-​ġenituri jistgħu jħossuhom li jixtiequ jheddu b’rabja lit-​tifel imqarqaċ; imma dan jistaʼ biss iħarrxu. Żomm f’moħħok li l-​futur taʼ din il-​persuna żagħżugħa jistaʼ jiddependi fuq kif tiġi ttrattata matul dan iż-​żmien kritiku. Ftakar, ukoll, li Jehovah kien lest li jaħfer meta n-​nies tiegħu ma baqgħux jagħmlu dak li kien sewwa​—li kieku biss kienu jindmu. Agħti widen għall-​kliem taʼ mħabba tiegħu: “‘Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien, igħid il-​Mulej, imqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-​iskarlatt, isiru bojod bħas-​silġ; imqar jekk ikunu ħomor bħall-​kremżi, isiru bojod bħas-​suf.’” (Isaija 1:18) X’eżempju mill-​aħjar għall-​ġenituri!

23. Il-​ġenituri kif għandhom jaġixxu meta jkunu ffaċċjati bi dnub serju minn xi ħadd mit-​tfal tagħhom, u x’għandhom jevitaw?

23 Għalhekk, ipprova inkuraġġixxi lill-​wieħed imqarqaċ biex ibiddel il-​korsa tiegħu. Fittex pariri sodi mingħand ġenituri bl-​esperjenza u anzjani tal-​kongregazzjoni. (Proverbji 11:14) Ipprova taġixxix b’impuls u tgħidx jew tagħmilx affarijiet li jagħmluha diffiċli għat-​tifel tiegħek biex jirritorna għandek. Evita korla u mrar mhux ikkontrollati. (Kolossin 3:8) Tkunx ħafif biex iċċedi. (1 Korintin 13:​4, 7) Waqt li tobgħod il-​ħażen, evita li ssir insensittiv u żorr lejn it-​tifel tiegħek. L-​iktar importanti, il-​ġenituri għandhom jistinkaw biex jagħtu eżempju mill-​aħjar u biex iżommu l-​fidi tagħhom f’Alla qawwija.

NIMMANIĠĠAW RIBELL DETERMINAT

24. Liema sitwazzjoni tal-​biki tinħoloq kultant ġo familja Kristjana, u ġenitur kif għandu jirreaġixxi?

24 F’xi każi jidher ċar li żagħżugħ ikun ħa deċiżjoni definita li jirribella u jiċħad għalkollox il-​valuri Kristjani. Allura l-​iffokar għandu jinbidel għal li tinżamm jew tinbena mill-​ġdid il-​ħajja tal-​familja taʼ dawk li jibqgħu. Oqgħod attent li ma taħlix l-​enerġija tiegħek kollha fuq ir-​ribell, u b’hekk tittraskura lit-​tfal l-​oħrajn. Minflok ma tipprova taħbi l-​inkwiet mill-​bqija tal-​familja, iddiskuti l-​kwistjoni magħhom skond kemm ikun jixraq u b’mod rassiguranti.​—Qabbel Proverbji 20:18.

25. (a) Billi jsegwu l-​mudell tal-​kongregazzjoni Kristjana, il-​ġenituri kif jistgħu jkollhom jipproċedu jekk xi tifel isir ribell determinat? (b) Il-​ġenituri x’għandhom iżommu f’moħħhom jekk xi ħadd mit-​tfal tagħhom jirribella?

25 L-​appostlu Ġwanni qal dwar wieħed li jsir ribell irriformabbli fil-​kongregazzjoni: “La tilqgħuhx għandkom u la ssellmulux.” (2 Ġwann 10) Il-​ġenituri jistgħu jħossu li huwa neċessarju li jieħdu waqfa simili lejn it-​tifel tagħhom stess jekk dan għandu l-​età tiegħu u jsir ribelluż totalment. Tkun kemm tkun diffiċli u taʼ niket emozzjonalment azzjoni bħal din, kultant tkun essenzjali sabiex tipproteġi l-​bqija tal-​familja. In-​nies taʼ darek jeħtieġu l-​protezzjoni u l-​indokrar kontinwu tiegħek. Għalhekk, ibqaʼ żomm limiti taʼ kondotta definiti b’mod ċar, u madankollu raġonevoli. Ikkomunika mat-​tfal l-​oħrajn. Kun interessat dwar kif sejrin fl-​iskola u fil-​kongregazzjoni. Ukoll, ħallihom ikunu jafu li avolja ma tapprovax l-​azzjonijiet ribellużi tat-​tifel, int ma tobogħdux. Ikkundanna l-​azzjoni ħażina minflok lit-​tifel. Meta ż-​żewġ ulied taʼ Ġakobb ġabu ostraċiżmu fuq il-​familja minħabba l-​għemil krudil tagħhom, Ġakobb seħet ir-​rabja vjolenti tagħhom, mhux lill-​ulied infushom.​—Ġenesi 34:​1-31; 49:​5-7.

26. Ġenituri kuxjenzjużi minn liema ħaġa jistgħu jiksbu faraġ jekk xi ħadd mit-​tfal tagħhom jirribella?

26 Jistaʼ jkun li int tħossok responsabbli għal dak li ġara fil-​familja tiegħek. Imma jekk int bit-​talb għamilt dak kollu li stajt, billi segwejt il-​pariri taʼ Jehovah mill-​aħjar li stajt, m’hemmx għalfejn tikkritika lilek innifsek bla raġuni. Tfarraġ bil-​fatt li ħadd ma jistaʼ jkun ġenitur perfett, imma int kuxjenzjożament ipprovajt tkun wieħed tajjeb. (Qabbel Atti 20:26.) Li wieħed ikollu ribell estrem fil-​familja huwa taʼ qsim il-​qalb, imma jekk dan jiġri lilek, kun assigurat li Alla jifhem u qatt ma se jabbanduna lill-​qaddejja devoti tiegħu. (Salm 27:10) Mela kun determinat li żżomm lil darek menqa spiritwali taʼ salvezza għal kwalunkwe tifel u tifla li jibqaʼ.

27. Billi jiftakru fil-​parabbola taʼ l-​iben prodigu, il-​ġenituri taʼ tifel ribelluż għal liema ħaġa jistgħu dejjem jittamaw?

27 Iktar minn hekk, qatt m’għandek tieqaf tittama. L-​isforzi iktar bikrin tiegħek f’taħriġ xieraq jistgħu eventwalment jeffettwaw il-​qalb tat-​tifel li tilef it-​triq u jġibuh lura f’sensih. (Koħelet 11:6) Għadd taʼ familji Kristjani kellhom l-​istess esperjenza bħalek, u xi wħud raw lit-​tfal imqarqċin tagħhom jirritornaw, bħalma għamel il-​missier fil-​parabbola taʼ Ġesù dwar l-​iben prodigu. (Luqa 15:​11-32) L-​istess ħaġa tistaʼ tiġri lilek.

DAWN IL-​PRINĊIPJI TAL-​BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . LIL ĠENITUR BIEX JEVITA RIBELLJONI SERJA FID-​DAR?

Mingħajr għajnuna, tifel jistaʼ jiġi korrott mill-​ispirtu tad-​dinja.​—Proverbji 13:20; Efesin 2:2.

Il-​ġenituri jeħtieġu li jżommu bilanċ bejn ir-​restrittività u l-​permissività.​—Koħelet 7:7; 8:11.

Kondotta żbaljata trid tiġi ttrattata, imma fi spirtu taʼ ħlewwa.​—Galatin 6:1.

Dawk li jikkommettu dnubiet serji jistgħu jiġu ‘mfejqin’ jekk jindmu u jaċċettaw l-​għajnuna.​—Ġakbu 5:​14-16.

[Kaxxa f’paġna 82]

IFTAĦ QALBEK

L-​adolexxenti se jesperjenzaw dubji u anzjetajiet marbutin maʼ indipendenza miżjuda. Jistgħu jħossuhom daqsxejn inċerti dwar l-​abbiltà tagħhom li jieħdu ħsieb tagħhom infushom fid-​dinja. Huwa bħal li kieku qegħdin jipprovaw jimxu fi triq kollha żliq. Intom iż-​żgħażagħ, iftħu qalbkom mal-​ġenituri tagħkom dwar il-​biżaʼ tagħkom u t-​tħassib li qegħdin tesperjenzaw. (Proverbji 23:22) Jew jekk tħossu li l-​ġenituri tagħkom qegħdin iżommulkom iżżejjed, tkellmu magħhom dwar il-​ħtieġa tagħkom biex tingħataw iktar libertà. Ippjanaw biex titkellmu magħhom f’ħin meta tkunu rilassati u meta huma ma jkollhomx ħafna x’jagħmlu. (Proverbji 15:23) Ħudu l-​ħin realment biex tagħtu widen lil xulxin.

[Stampa f’paġna 83]

X’aktarx li t-​tfal se jikbru biex ikunu iktar stabbli jekk il-​ġenituri tagħhom jgħinuhom ikampaw mal-​problemi taż-​żgħożija tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja