LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 9/15 pp. 25-29
  • ‘Ifraħ b’Mart Żgħożitek’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Ifraħ b’Mart Żgħożitek’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Oqgħod Attent minn Qalb Qarrieqa
  • ‘Min Hu bil-​Għaqal Iwarrab’
  • “Gawdi l-​Ħajja maʼ Martek l-​Għażiża”
  • Meta Jkun Hemm it-​“Tribulazzjoni”
  • L-​Akbar Motivazzjoni
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Iż-Żwieġ Jistaʼ Jirnexxi fid-Dinja taʼ Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Agħmel iż-Żwieġ Tiegħek Unjoni Dejjiema
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Il-Fedeltà fiż-Żwieġ—Xi Tfisser Verament?
    Stenbaħ!—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 9/15 pp. 25-29

‘Ifraħ b’Mart Żgħożitek’

“Mart żgħożitek! Ifraħ biha.  . . Għaliex tiġġennen, ibni, wara mara oħra, u tħaddan miegħek mara żienja?”​—PROVERBJI 5:​18, 20.

1, 2. Għala jistaʼ jingħad li l-​imħabba romantika bejn raġel u mara miżżewġin hija mbierka?

IL-​BIBBJA ma żżommx lura milli titkellem dwar relazzjonijiet sesswali. Fi Proverbji 5:​18, 19, naqraw: “Tkun imbierka l-​għajn tiegħek, mart żgħożitek! Ifraħ biha. Hi bħal ċerva għażiża, bħal għażżiela ħelwa. Jimliek dejjem bl-​għaxqa ż-​żegħil tagħha, issaħħrek bla heda mħabbitha.”

2 Hawnhekk it-​terminu “għajn” jirreferi għas-​sors taʼ sodisfazzjon sesswali. Hija mbierka għaliex is-​sentimenti taʼ mħabba romantika u estasi li jgawdu l-​imseħbin fiż-​żwieġ huma għotja mingħand Alla. Però, din l-​intimità hija biss għal dawk fl-​arranġament taż-​żwieġ. Għalhekk, is-​Sultan Salamun taʼ Iżrael tal-​qedem, il-​kittieb tal-​Proverbji, jistaqsi: “Għaliex tiġġennen, ibni, wara mara oħra, u tħaddan miegħek mara żienja?”​—Proverbji 5:20.

3. (a) X’inhi r-​realtà kerha għal ħafna żwiġijiet? (b) Alla kif iqis l-​adulterju?

3 Fil-​ġurnata tat-​tieġ tagħhom, ir-​raġel u l-​mara jagħmlu wegħda solenni li jħobbu u jibqgħu leali lejn xulxin. Minkejja dan, ħafna żwiġijiet jitkissru minħabba l-​adulterju. Fil-​fatt, wara li riċerkatriċi analizzat 25 stħarriġ, hi kkonkludiet li “25 fil-​mija min-​nisa miżżewġin u 44 fil-​mija mill-​irġiel miżżewġin ikkommettew adulterju.” L-​appostlu Pawlu stqarr: “Titqarrqux. La ż-​żienja, la l-​idolatri, la l-​adulteri, la l-​irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, [lanqas] l-​irġiel li jimteddu maʼ l-​irġiel . . . ma jirtu s-​saltna t’Alla.” (1 Korintin 6:​9, 10) M’hemm ebda dubju li l-​adulterju huwa dnub serju f’għajnejn Alla, u l-​aduraturi veri jridu jgħassu kontra l-​infedeltà fiż-​żwieġ. X’se jgħinna nżommu ‘ż-​żwieġ onorabbli, u s-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis’?​—Ebrej 13:4.

Oqgħod Attent minn Qalb Qarrieqa

4. Liema huma xi modi li Kristjan miżżewweġ jistaʼ, mingħajr ma jinduna, jinvolvi ruħu f’relazzjonijiet romantiċi barra ż-​żwieġ?

4 Fl-​ambjent taʼ llum li hu baxx moralment, ħafna nies għandhom “għajnejhom mimlijin adulterju u m’humiex kapaċi jirreżistu d-​dnub.” (2 Pietru 2:14) Huma minn jeddhom ifittxu relazzjonijiet romantiċi barra ż-​żwieġ. F’xi pajjiżi, għadd kbir taʼ nisa ħarġu jaħdmu sekularment, u t-​taħlit bejn is-​sessi ħoloq ambjent fertili biex jiżviluppaw relazzjonijiet romantiċi mhux xierqa fuq il-​post tax-​xogħol. Imbagħad hemm ukoll chat rooms fuq l-​Internet li jagħmluha faċli biex anki individwi mistħijin jibdew ħbiberiji intimi. Ħafna persuni miżżewġin jaqgħu f’dawn in-​nases mingħajr ma jindunaw xi jkun qed jiġri.

5, 6. Waħda mara Kristjana kif daħlet f’sitwazzjoni perikoluża, u x’nitgħallmu minn dan?

5 Ikkunsidra kif mara Kristjana li se nsejħulha Mary inqabdet f’sitwazzjoni li kważi wasslitha biex tikkommetti l-​immoralità sesswali. Ir-​raġel tagħha, li m’huwiex wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, ma tantx kien juri affezzjoni lejn familtu. Mary tiftakar fi żmien, ftit tas-​snin ilu, meta ltaqgħet maʼ raġel li kien jaħdem maʼ żewġha. Dan ir-​raġel kellu manjieri tajbin, u f’okkażjoni minnhom, hu saħansitra esprima interess fit-​twemmin reliġjuż taʼ Mary. “Hu kien dħuli ħafna, u differenti ħafna minn żewġi,” tgħid hi. Wara ftit taż-​żmien Mary u dan ir-​raġel li kien jaħdem maʼ żewġha żviluppaw sentimenti romantiċi lejn xulxin. “Jien ma kkommettejtx adulterju,” hi rraġunat, “u dan ir-​raġel hu interessat fil-​Bibbja. Forsi jien nistaʼ ngħinu.”

6 Qabel ma l-​irbit romantiku tagħha wassal għall-​adulterju, Mary ġiet f’sensiha. (Galatin 5:​19-21; Efesin 4:19) Il-​kuxjenza tagħha bdiet taħdem, u bdiet tirranġa s-​sitwazzjoni. L-​esperjenza taʼ Mary turi li “fuq kollox qalb il-​bniedem kollha qerq u mħassra.” (Ġeremija 17:9) Il-​Bibbja twissina: “Ħares lil qalbek bir-​reqqa kollha.” (Proverbji 4:23) Kif nistgħu nagħmlu dan?

‘Min Hu bil-​Għaqal Iwarrab’

7. Meta tkun qed tgħin lil xi ħadd li jkun għaddej minn diffikultajiet fiż-​żwieġ, liema parir Skritturali se jipproteġina?

7 L-​appostlu Pawlu kiteb: “Min jaħseb li hu wieqaf ħa joqgħod attent li ma jaqax.” (1 Korintin 10:12) U Proverbji 22:3 jgħid: “Min hu bil-​għaqal jara l-​għawġ u jwarrab.” Minflok ma nkunu fiduċjużi żżejjed u naħsbu, ‘M’hu se jiġrili xejn,’ ikun għaqli li nantiċipaw sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal problemi. Per eżempju, evita li ssir l-​unika persuna li xi ħadd mis-​sess oppost jiftaħ qalbu miegħek dwar id-​diffikultajiet inkwetanti fiż-​żwieġ. (Proverbji 11:14) Għid lill-​individwu li problemi fiż-​żwieġ l-​aħjar jiddiskutihom maʼ martu, maʼ Kristjan matur taʼ l-​istess sess u li jrid iż-​żwieġ tiegħu jirnexxi, jew maʼ l-​anzjani. (Titu 2:​3, 4) L-​anzjani fil-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova jħallu eżempju mill-​aqwa f’dan ir-​rigward. Meta anzjan ikollu bżonn jitkellem privatament m’oħt Kristjana, hu jagħmel dan f’post pubbliku​—bħal per eżempju fis-​Sala tas-​Saltna.

8. Għal xiex għandna noqogħdu attenti fuq il-​post tax-​xogħol?

8 Fuq il-​post tax-​xogħol u f’postijiet oħra, oqgħod attent minn sitwazzjonijiet li jistgħu jiżviluppaw f’intimità. Per eżempju, il-​fatt li tqattaʼ sigħat żejda taħdem mill-​qrib maʼ xi ħadd tas-​sess oppost jistaʼ jkun taʼ tentazzjoni. Bħala raġel jew mara miżżewġa, għandek tagħmilha ċara bil-​kliem tiegħek u l-​kondotta tiegħek li int m’intix disponibbli. Bħala xi ħadd li għandu d-​devozzjoni lejn Alla, żgur li ma tkunx trid tiġbed attenzjoni mhux xierqa billi titkessaħ jew tkun immodest fl-​ilbies u d-​dehra. (1 Timotju 4:8; 6:11; 1 Pietru 3:​3, 4) Il-​fatt li fuq il-​post tax-​xogħol ikollok ritratti taʼ martek jew żewġek u taʼ wliedek se jservi bħala tfakkira viżwali għalik u għal oħrajn li int tgħożż il-​familja tiegħek. Kun determinat li qatt ma tinkuraġġixxi​—jew saħansitra tittollera​—avanzi romantiċi minn oħrajn.​—Ġob 31:1.

“Gawdi l-​Ħajja maʼ Martek l-​Għażiża”

9. Liema serje taʼ ġrajjiet tistaʼ tagħmel relazzjoni romantika ġdida tidher attraenti?

9 Biex ngħassu l-​qalb jinvolvi iktar milli nevitaw sitwazzjonijiet perikolużi. Ġibda romantika barra ż-​żwieġ tistaʼ tkun indikazzjoni li r-​raġel jew il-​mara m’humiex attenti għall-​bżonnijiet taʼ xulxin. Jistaʼ jkun li l-​mara tiġi injorata kontinwament jew li r-​raġel jiġi kritikat il-​ħin kollu. F’daqqa waħda persuna oħra​—kemm jekk fuq ix-​xogħol jew anki fil-​kongregazzjoni Kristjana​—tidher li għandha l-​kwalitajiet li huma neqsin fis-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Ma ddumx ma tifforma rabta, u r-​relazzjoni l-​ġdida ssir attraenti ħafna. Din is-​sekwenza tikkonferma l-​verità taʼ l-​istqarrija Biblika: “Kull bniedem jiġġarrab billi jkun miġbud u mħajjar mix-​xewqa tiegħu stess.”​—Ġakbu 1:14.

10. L-​irġiel u n-​nisa miżżewġin kif jistgħu jsaħħu r-​relazzjoni tagħhom?

10 Minflok ma jħarsu barra ż-​żwieġ biex jissodisfaw ix-​xewqat tagħhom​—kemm għall-​affezzjoni, għall-​ħbiberija, jew għall-​appoġġ waqt sitwazzjoni diffiċli​—nisa u rġiel miżżewġin għandhom jaħdmu biex isaħħu relazzjoni kollha mħabba mas-​sieħeb jew is-​sieħba tagħhom. Għalhekk, qattgħu l-​ħin flimkien, u ersqu eqreb lejn xulxin. Irrifletti fuq dak li wasslek biex issir tħobb lis-​sieħba jew is-​sieħeb tiegħek. Ipprova erġaʼ esperjenza l-​imħabba li ħassejt lejn il-​persuna li żżewwiġt. Aħseb dwar iż-​żminijiet sbieħ li gawdejtu flimkien. Itlob lil Alla dwar il-​kwistjoni. Is-​salmista David talab lil Ġeħova: “Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija.” (Salm 51:12 [51:​10, NW]) Kun determinat li ‘tgawdi l-​ħajja maʼ martek l-​għażiża, il-​jiem kollha taʼ ħajtek fiergħa, li Alla silfek taħt ix-​xemx.’​—Koħèlet 9:9.

11. Xi rwol għandhom l-​għarfien, l-​għerf, u d-​dehen biex tissaħħaħ l-​għaqda taż-​żwieġ?

11 Xi ħaġa li ma nistgħux ma nsemmux biex jissaħħaħ iż-​żwieġ hi l-​valur taʼ l-​għarfien, l-​għerf, u d-​dehen. Proverbji 24:​3, 4 jgħid: “Id-​dar bl-​għerf tinbena u bid-​dehen tissaħħaħ; bl-​għaqal jimtlew il-​kmamar, b’kull ġid għażiż u jogħġob.” Fost l-​affarijiet prezzjużi li nsibu f’familja ferħana hemm kwalitajiet bħall-​imħabba, il-​lealtà, il-​biżaʼ minn Alla, u l-​fidi. Biex niksbuhom għandna bżonn l-​għarfien dwar Alla. Għalhekk, koppji miżżewġin għandhom ikunu studenti serji tal-​Bibbja. U huma tassew importanti l-​għerf u d-​dehen? Biex inkampaw b’suċċess mal-​problemi minn jum għal jum għandna bżonn l-​għerf, jiġifieri, l-​abbiltà li napplikaw l-​għarfien Skritturali. Individwu li għandu d-​dehen hu kapaċi jifhem il-​ħsibijiet u s-​sentimenti tas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħu. (Proverbji 20:5) “Ibni, agħti kas għerfi,” jgħid Ġeħova, permezz taʼ Salamun. “Agħti widen għal tagħlimi.”​—Proverbji 5:1.

Meta Jkun Hemm it-​“Tribulazzjoni”

12. Għala ma nistagħġbux li l-​koppji miżżewġin jesperjenzaw il-​problemi?

12 L-​ebda żwieġ m’hu perfett. Il-​Bibbja saħansitra tgħid li l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin se jkollhom it-​“tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Korintin 7:28) L-​ansjetà, il-​mard, il-​persekuzzjoni, u fatturi oħrajn jistgħu jpoġġu pressjoni fuq iż-​żwieġ. Madankollu, meta jqumu l-​problemi tridu tfittxu s-​soluzzjonijiet flimkien bħala koppja miżżewġa li qed tfittex li togħġob lil Ġeħova.

13. F’liema oqsma jistgħu raġel u mara janalizzaw lilhom infushom?

13 Xi ngħidu jekk iż-​żwieġ jinsab taħt pressjoni minħabba l-​mod kif l-​imseħbin jittrattaw lil xulxin? It-​tfittxija għal soluzzjoni tirrikjedi sforz. Per eżempju, jistaʼ jkun li kliem nieqes mill-​imħabba daħal bil-​mod il-​mod fiż-​żwieġ u issa sar parti minnu. (Proverbji 12:18) Kif ġie diskuss fl-​artiklu taʼ qabel, dan jistaʼ jkollu effetti devastanti. Proverbju Bibliku jgħid: “Aħjar tgħix waħdek f’deżert, milli maʼ mara ġellieda u inkejjuża.” (Proverbji 21:19) Jekk int mara fi żwieġ bħal dan, staqsi lilek innifsek, ‘Qiegħda l-​attitudni tiegħi tagħmilha diffiċli għal żewġi biex ikun viċin tiegħi?’ Il-​Bibbja tgħid lill-​irġiel miżżewġin: “Ibqgħu ħobbu lin-​nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” (Kolossin 3:19) Jekk int raġel miżżewweġ, staqsi lilek innifsek, ‘Qiegħda l-​attitudni tiegħi nieqsa mill-​imħabba ġġiegħel lil marti ssib faraġ mingħand ħaddieħor?’ M’għandniex xi ngħidu, l-​immoralità sesswali ma tistax tiġi ġustifikata. Madankollu, il-​fatt li traġedja bħal din tistaʼ sseħħ hija raġuni tajba biex il-​problema tiġi diskussa bil-​miftuħ.

14, 15. It-​tfittxija għal xi ħaddieħor barra ż-​żwieġ għala mhix is-​soluzzjoni għall-​problemi fiż-​żwieġ?

14 It-​tfittxija għall-​appoġġ f’relazzjoni romantika barra ż-​żwieġ m’hijiex tweġiba għall-​problemi fiż-​żwieġ. Relazzjoni bħal din fejn tistaʼ twassal? Għal żwieġ ġdid u aħjar? Xi wħud forsi hekk jaħsbu. Huma jirraġunaw, ‘Wara kollox, dan l-​individwu għandu l-​kwalitajiet li għandi bżonn f’sieħeb, jew f’sieħba.’ Imma rraġunar bħal dan huwa falz, għaliex kwalunkwe individwu li jitlaq lis-​sieħeb jew lis-​sieħba tiegħu​—jew jinkuraġġik biex titlaq lil tiegħek​—għandu problema serja bil-​mod kif iħares lejn il-​qdusija taż-​żwieġ. Ma jkunx raġunevoli li jistenna li din ir-​relazzjoni se tirriżulta fi żwieġ aħjar.

15 Mary, li ssemmiet qabel, ħasbet bis-​serjetà dwar il-​konsegwenzi taʼ l-​għażliet tagħha, inkluż il-​possibbiltà li hi jew xi ħadd ieħor jitlef il-​favur t’Alla. (Galatin 6:7) Hi tgħid: “Hekk kif bdejt neżamina s-​sentimenti tiegħi lejn dak li kien jaħdem maʼ żewġi, irrealizzajt li jekk qatt kien hemm xi ċans li dan ir-​raġel jikseb għarfien tal-​verità, jien kont qed naħdem kontrih. Id-​dnub kien se jeffettwa lil kulmin kien involut u jfixkel lil oħrajn!”​—2 Korintin 6:3.

L-​Akbar Motivazzjoni

16. X’inhuma xi effetti li jiġu wara n-​nuqqas taʼ ndafa morali?

16 Il-​Bibbja twissi: “Xufftejn il-​mara żienja għasel iqattru, u kliemha mieles aktar miż-​żejt; imma fl-​aħħar hi morra daqs l-​assenzju, taqtaʼ daqs sejf b’żewġt ixfra.” (Proverbji 5:​3, 4) L-​effetti li jiġu wara n-​nuqqas taʼ ndafa morali huma taʼ wġigħ u jistgħu jkunu perikolużi. Dawn jinkludu kuxjenza ħatja, mard trasmess sesswalment, u n-​niket emozzjonali tas-​sieħeb jew is-​sieħba li tkun leali. Żgur li dawn huma raġunijiet tajbin biex ma nibdewx nimxu fi triq li tistaʼ twassal għall-​infedeltà fiż-​żwieġ.

17. X’inhi l-​akbar raġuni biex tinżamm il-​fedeltà fiż-​żwieġ?

17 Ir-​raġuni fundamentali għala l-​infedeltà fiż-​żwieġ hija ħażina hija li Ġeħova, l-​Oriġinatur taż-​żwieġ u Dak li jagħti l-​abbiltà sesswali, jikkundannaha. Permezz tal-​profeta Malakija, Hu jgħid: “Nersaq lejkom biex nagħmel il-​ġustizzja, u nkun xhud ħafif kontra . . . ż-​żienja.” (Malakija 3:5) Rigward dak li jara Ġeħova, Proverbji 5:21 jgħid: “Quddiem il-​Mulej l-​imġiba tal-​bniedem; il-​Mulej jgħasses il-​mixi kollu tiegħu.” Iva, “kollox hu għeri u mikxuf beraħ quddiem dak li rridu nagħtuh kont.” (Ebrej 4:13) Għalhekk, l-​akbar motivazzjoni biex tinżamm il-​fedeltà fiż-​żwieġ hija li wieħed jifhem li tkun kemm tkun sigrieta l-​infedeltà u jidhru kemm jidhru żgħar il-​konsegwenzi fiżiċi jew soċjali, kwalunkwe att taʼ nuqqas taʼ ndafa fiżika jagħmel ħsara lir-​relazzjoni tagħna maʼ Ġeħova.

18, 19. X’nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Ġużeppi mal-​mara taʼ Putifar?

18 L-​eżempju taʼ Ġużeppi, bin il-​patrijarka Ġakobb, juri li x-​xewqa biex nibqgħu ħbieb m’Alla hija motivazzjoni qawwija. Wara li ntgħoġob minn Putifar, uffiċjal tal-​qorti taʼ Fargħun, Ġużeppi kiseb pożizzjoni privileġġata fid-​dar taʼ Putifar. Ġużeppi kien ukoll “taʼ sura sabiħa u wiċċu ħelu,” fatt li ma ħarabx l-​attenzjoni tal-​mara taʼ Putifar. Kuljum, hi pprovat tittanta lil Ġużeppi, imma l-​isforzi tagħha kienu għalxejn. X’qanqal lil Ġużeppi biex jirreżisti l-​avanzi kollha tagħha? Il-​Bibbja tgħidilna: “Hu ma riedx, u qal lil mart sidu: ‘Ara, sidi . . . ma ċaħħadni minn xejn ħlief minnek, għax inti martu. U kif nistaʼ nagħmel dan il-​ħażen hekk kbir u nidneb kontra Alla?’”—Ġenesi 39:​1-12.

19 Ġużeppi, li ma kienx miżżewweġ, żamm nadif moralment billi rrifjuta li jinvolvi ruħu maʼ mara taʼ raġel ieħor. Proverbji 5:15 jgħid: “Ixrob l-​ilma mill-​bir tiegħek, u l-​ilma ġieri min-​nixxiegħa tiegħek.” Oqgħod attent li ma tifformax rabta romantika barra ż-​żwieġ. Agħmel sforz biex issaħħaħ l-​għaqda taʼ mħabba fiż-​żwieġ tiegħek, u stinka biex issolvi kwalunkwe problema li tistgħu tiltaqgħu magħha fiż-​żwieġ. Għalhekk, ‘ifraħ b’mart żgħożitek.’​—Proverbji 5:18.

X’Tgħallimt?

• Kristjan kif jistaʼ, bla ma jinduna, jinqabad fin-​nassa taʼ relazzjoni romantika?

• Liema prewkazzjonijiet jistgħu jgħinu biex iżommu lil dak li jkun milli jifforma rabta romantika barra ż-​żwieġ?

• X’għandhom jagħmlu koppji miżżewġin meta jesperjenzaw problemi?

• X’inhi l-​akbar motivazzjoni biex tinżamm il-​fedeltà fiż-​żwieġ?

[Stampa f’paġna 26]

B’dispjaċir, il-​post tax-​xogħol jistaʼ jsir ambjent fertili għal relazzjonijiet romantiċi mhux xierqa

[Stampa f’paġna 28]

“Bl-​għaqal jimtlew il-​kmamar, b’kull ġid għażiż u jogħġob”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja