LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g97 7/8 pp. 8-11
  • Għin Lil Uliedek Jirnexxu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin Lil Uliedek Jirnexxu
  • Stenbaħ!—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ambjent Xieraq
  • Agħti L-​Prosit
  • Komunikazzjoni
  • Ikkontrolla R-​Rabja
  • Żomm L-​Ordni u R-​Rispett
  • Ħu Ħsieb Il-​Bżonnijiet Spiritwali
  • Ħarreġ lit-​Tfal Tiegħek mill-​Infanzja
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Ġenituri—Ħarrġu lil Uliedkom bl-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Għallem lil Uliedek Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Tistaʼ l-Bibbja Tgħinek Tħarreġ lil Uliedek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1997
g97 7/8 pp. 8-11

Għin Lil Uliedek Jirnexxu

FEJN tidħol it-​trobbija tat-​tfal, ħafna ġenituri jfittxu kullimkien għal tweġibiet li, fil-​fatt, huma diġà disponibbli għalihom f’darhom stess. Numru kbir taʼ familji għandhom Bibbja, imma minflok ma jużawha biex tgħinhom fit-​trobbija tat-​tfal iħalluha tiġbor it-​trab fuq l-​ixkaffa.

Veru, ħafna llum huma xettiċi biex jużaw il-​Bibbja bħala gwida fil-​ħajja tal-​familja. Iwarrbuha bħala xi ħaġa li ma tgħoddx għal-​lum, antikwata, jew ħarxa żżejjed. Imma eżami onest se juri li l-​Bibbja hija ktieb prattiku għall-​familji. Ejjew naraw kif.

L-​Ambjent Xieraq

Il-​Bibbja tgħid lill-​missier biex iqis lil uliedu bħal ‘xitel taż-​żebbuġ madwar il-​mejda tiegħu.’ (Salm 128:​3, 4) Siġar żgħar teneri ma jikbrux f’siġar li jagħmlu l-​frott mingħajr kultivazzjoni bir-​reqqa, mingħajr ma jingħataw in-​nutriment xieraq, il-​ħamrija, u l-​ilma. Bl-​istess mod, li jkollok suċċess fit-​trobbija t’uliedek jirrikjedi xogħol u kura. It-​tfal għandhom bżonn t’ambjent b’saħħtu biex jikbru lejn il-​maturità.

L-ewwel ingredjent għal ambjent bħal dan huwa l-​imħabba​—bejn l-​imseħbin fiż-​żwieġ u bejn il-​ġenituri u l-​ulied. (Efesin 5:​33; Titu 2:4) Ħafna membri tal-​familja jħobbu lil xulxin imma ma jarawx il-​ħtieġa li jesprimu mħabba bħal din. Iżda aħseb ftit: Tistaʼ tgħid li tkun verament ikkomunikajt maʼ ħabib jekk ktibtlu ittri li lanqas biss qatt ma indirizzajt, ma waħħaltilhom bolla, jew ma impostajt? B’mod simili, il-​Bibbja turi li l-​imħabba vera hija iżjed minn sentiment li jkebbes il-​qalb; hija tesprimi lilha nfisha permezz taʼ kliem u azzjonijiet. (Qabbel Ġwann 14:15 u l-​1 Ġwann 5:3.) Alla tana l-​eżempju, billi poġġa l-​imħabba għal Ibnu fi kliem: “Dan hu Ibni l-​għażiż: fih sibt l-​għaxqa tiegħi.”​—Mattew 3:​17.

Agħti L-​Prosit

Kif jistgħu l-​ġenituri juru mħabba bħal din lil uliedhom? L-​ewwelnett, fittex it-​tajjeb. Huwa faċli li ssib id-​difetti fit-​tfal. L-​immaturità, in-​nuqqas t’esperjenza, u l-​egoiżmu tagħhom se jintwerew f’għadd kbir taʼ modi, jum wara l-​ieħor. (Proverbji 22:15) Imma huma jagħmlu ħafna affarijiet tajbin kuljum. Fuqiex se tiffoka? Alla ma jżommx l-​attenzjoni tiegħu fuq id-​difetti tagħna imma jiftakar it-​tajjeb li nagħmlu. (Salm 130:3; Lhud 6:​10) Għandna nittrattaw m’uliedna bl-​istess mod.

Wieħed żagħżugħ jgħid: “F’ħajti kollha d-​dar, ma niftakar qatt li qaluli prosit​—kemm għal suċċessi fid-​dar jew fl-​iskola.” Ġenituri, la tinjorawx dan il-​bżonn vitali f’uliedkom! It-​tfal kollha għandhom jingħataw prosit regolarment għall-​affarijiet tajbin li jagħmlu. Dan se jnaqqas ir-​riskju li jikbru ‘b’qalbhom maqtugħa,’ konvinti li xejn minn dak li jagħmlu ma qatt se jkun tajjeb biżżejjed.​—Kolossin 3:​21.

Komunikazzjoni

Mod tajjeb ieħor biex tesprimi mħabba lejn uliedek huwa li ssegwi l-​parir taʼ Ġakbu 1:​19: ‘Kun ħafif biex tismaʼ, tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ Tħajjar int lil uliedek jitkellmu u verament tismaʼ dak kollu li għandhom x’jgħidu? Jekk uliedek ikunu jafu li se tagħmlilhom priedka qabel ma lanqas biss ikunu għadhom spiċċaw jitkellmu jew li se tirrabja meta ssir taf kif verament iħossuhom, imbagħad għandhom mnejn iżommu s-​sentimenti tagħhom għalihom infushom. Imma jekk ikunu jafu li int verament se tismagħhom, hemm iżjed ċans li jiftħu qalbhom miegħek.​—Qabbel Proverbji 20:5.

Xi ngħidu, iżda, jekk juru sentimenti li int taf li huma żbaljati? Huwa ż-​żmien taʼ tweġiba rrabjata, taʼ priedka, jew taʼ dixxiplina? Veru, xi praspar li jagħmlu taʼ tfal li huma jistgħu jagħmluha diffiċli li tkun ‘tqil biex titkellem, tqil biex tinkorla.’ Imma erġaʼ ikkunsidra l-​eżempju t’Alla m’uliedu. Joħloq hu atmosfera taʼ biżaʼ marradi, tant li wliedu jibżgħu jgħidulu kif verament iħossuhom? Le! Salm 62:9 [62:8, NW] jgħid: “Ittama fih f’kull żmien, o poplu; iftħu qalbkom quddiemu. Alla hu kenn għalina!”

Għalhekk meta Abraham kien inkwetat dwar id-​deċiżjoni t’Alla biex jeqred l-​ibliet taʼ Sodoma u Gomorra, ma qagħadx jaħsibha biex jgħid lil Missieru tas-​smewwiet: “Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, . . . Ma jkun qatt minnek, l-​imħallef taʼ l-​art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja.” Jehovah ma widdbux lil Abraham; Hu semgħu u taffielu l-​biżaʼ li kellu. (Ġenesi 18:20-​33) Alla hu paċenzjuż u ġentili b’mod rimarkevoli, saħansitra meta wliedu juru sentimenti li huma totalment mhux ġustifikati u mhux raġonevoli.​—Ġona 3:10–​4:​11.

Bl-istess mod il-​ġenituri għandhom bżonn joħolqu ambjent li fih it-​tfal iħossuhom komdi biex juru s-​sentimenti l-​iktar profondi tagħhom, huma kemm huma disturbanti. Għalhekk jekk uliedek jgħidu xi kliem mimli passjoni, agħti widen. Minflok ma ċċanfar, ifhem is-​sentimenti tat-​tfal u oħroġ ir-​raġunijiet. Per eżempju, tistaʼ tgħid: ‘Tidher irrabjat għalih. Trid tgħidli x’ġara?’

Ikkontrolla R-​Rabja

Naturalment, l-​ebda ġenitur m’hu paċenzjuż daqs kemm hu Jehovah. U t-​tfal ċertament li jafu kif itellfulhom il-​paċenzja lill-​ġenituri tagħhom. Jekk tħossok irrabjat għal uliedek minn żmien għal żmien, taħsibx li dan jagħmlek ġenitur ħażin. Kultant, se jkollok raġun li tħossok irrabjat. Alla nnifsu b’mod ġust jirrabja m’uliedu, saħansitra maʼ xi wħud li huma għal qalbu. (Eżodu 4:​14; Dewteronomju 34:10) Il-​Kelma Tiegħu, iżda, tgħallimna nikkontrollaw ir-​rabja tagħna.​—Efesin 4:​26.

Kif? Xi kultant ikun t’għajnuna li tieħu pawsa taʼ ftit mumenti sabiex ir-​rabja tiegħek ikollha ċans tibred. (Proverbji 17:14) U ftakar, Dawn huma tfal! Tistenniex aġir t’adult jew ħsieb matur mingħandhom. (1 Korintin 13:11) Li tifhem għala wliedek jaġixxu b’ċerta manjiera għandu mnejn itaffilek ir-​rabja. (Proverbji 19:11) Qatt tinsa d-​differenza kbira bejn li tagħmel xi ħaġa ħażina u li tkun ħażin. Jekk tgħajjat maʼ tifel u tgħidlu li hu tifel ħażin, għandu mnejn jibda jaħseb, ‘Għalfejn nipprova nkun tajjeb?’ Imma jekk tikkorreġi lit-​tfal b’imħabba, dan se jgħinhom jagħmlu aħjar id-​darba taʼ wara.

Żomm L-​Ordni u R-​Rispett

Li tgħallem lit-​tfal sens t’ordni u rispett hija waħda mill-​akbar sfidi li l-​ġenituri jħabbtu wiċċhom magħha. Fid-​dinja permissiva tal-​lum, ħafna jaħsbu dwar jekk hux saħansitra tajjeb li wieħed iżommilhom lit-​tfal. Il-​Bibbja twieġeb: “Il-​bastun u t-​twiddib jagħmlu l-​għorrief; imma tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb lil ommu.” (Proverbji 29:15) Xi wħud jibżgħu mill-​kelma “bastun,” billi jaħsbu li timplika xi tip t’abbuż fuq it-​tfal. Imma dan mhux minnu. Il-​kelma Ebrajka għal “bastun” kienet tirreferi għal għasluġ, bħal dak li r-​ragħaj kien juża biex jiggwida​—mhux biex isawwat—​lin-nagħaġ tiegħu.a Għalhekk il-​bastun jirrappreżenta dixxiplina.

Fil-​Bibbja, li tiddixxiplina primarjament ifisser li tgħallem. Huwa għalhekk li l-​ktieb taʼ Proverbji jgħid xi erbaʼ darbiet, ‘ismaʼ t-​tagħlim.’ (Proverbji 1:8; 4:1; 8:​33; 19:27) It-​tfal għandhom bżonn jitgħallmu li jiksbu premju meta jagħmlu dak li huwa tajjeb u li jġib konsegwenzi koroh meta jagħmlu dak li huwa ħażin. Il-​kastig jistaʼ jgħin biex jibqgħu jiftakru lezzjonijiet negattivi, hekk kif premjijiet​—bħal meta tgħidilhom prosit—​jistgħu jfakkruhom f’dawk pożittivi. (Qabbel Dewteronomju 11:26-​28.) Il-​ġenituri jagħmlu tajjeb li jimitaw l-​eżempju t’Alla fejn jirrigwardja l-​kastigi, għaliex hu qal lill-​poplu tiegħu li kellu jikkastigahom ‘kemm jistħoqqilhom.’ (Ġeremija 46:28) Xi tfal m’għandhomx bżonn iżjed minn ftit kliem sod biex iġġagħalhom iġibu ruħhom sewwa. Oħrajn għandhom bżonn metodi iktar ibsin. Imma l-​kastig ‘kemm jistħoqqilhom’ qatt m’għandu jkun jinkludi xi ħaġa li tistaʼ tweġġaʼ serjament lit-​tfal emozzjonalment jew fiżikament.

Dixxiplina bbilanċjata għandha tinkludi li tgħallem lit-​tfal dwar sa fejn jistgħu jaslu. Ħafna minn dawn il-​limiti huma definiti b’mod ċar fil-​Kelma t’Alla. Il-​Bibbja tgħallem rispett lejn il-​limiti fejn tidħol propjetà persunali. (Dewteronomju 19:14) Din tistabbilixxi limiti fiżiċi, billi turi li huwa ħażin li nħobbu l-​vjolenza jew li nweġġgħu ’l xulxin apposta. (Salm 11:5; Mattew 7:​12) Tistabbilixxi limiti sesswali, billi tikkundanna l-​inċest. (Levitiku 18:​6-​18) Din saħansitra tagħraf limiti persunali u emozzjonali, billi tipprojbixxi li ngħajru lil xi ħadd b’ismijiet vili jew li nużaw forom oħrajn t’abbuż verbali. (Mattew 5:​22) Li ngħallmu lit-​tfal dwar dawn il-​limiti sa fejn jistgħu jaslu​—kemm bil-​kliem u kemm bl-​eżempju—​huwa essenzjali biex noħolqu ambjent tal-​familja b’saħħtu.

Ċavetta oħra biex inżommu l-​ordni u r-​rispett fil-​familja qiegħed f’li nifhmu l-​irwoli tal-​familja. F’ħafna familji llum, irwoli bħal dawn huma vagi jew konfużi. F’xi familji, xi ġenitur forsi jgħabbi fuq tifel problemi li jtaqqlu, problemi li t-​tifel m’huwiex mgħammar biex jittratta magħhom. F’xi oħrajn, it-​tfal jitħallew ikunu dittaturi żgħar, billi jieħdu deċiżjonijiet għall-​familja kollha. Dan huwa ħażin u taʼ ħsara. Il-​ġenituri huma obbligati li jipprovdu għall-​bżonnijiet t’uliedhom żgħar​—kemm fiżikament, emozzjonalment, jew spiritwalment—​mhux viċi versa. (2 Korintin 12:14; 1 Timotju 5:8) Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Ġakobb, li rranġa l-​pass u r-​rotta tal-​familja kollha tiegħu sabiex ma jkunx iebes wisq għaż-​żgħar. Hu fehem il-​limiti tagħhom u aġixxa skond il-​ħtieġa.​—Ġenesi 33:13, 14.

Ħu Ħsieb Il-​Bżonnijiet Spiritwali

Xejn m’hu iżjed vitali mill-​ispiritwalità għal ambjent b’saħħtu tal-​familja. (Mattew 5:3) It-​tfal għandhom kapaċità kbira għall-​ispiritwalità. Huma kollhom mistoqsijiet: Għala neżistu? Min għamel id-​dinja u l-​annimali, is-​siġar, u l-​oċeani tagħha? In-​nies għala jmutu? X’jiġri wara? Għalfejn jiġru affarijiet ħżiena lil nies tajbin? Il-​lista tidher bla tmiem. Taʼ spiss, huma l-​ġenituri li jippreferu li ma jaħsbux fuq affarijiet bħal dawn.b

Il-​Bibbja tħeġġeġ lill-​ġenituri biex iqattgħu ż-​żmien f’li jagħtu taħriġ spiritwali lil uliedhom. Din tiddeskrivi taħriġ bħal dan f’termini kordjali bħala djalogu mexxej bejn il-​ġenituri u l-​ulied. Il-​ġenituri jistgħu jgħallmu lil uliedhom dwar Alla u l-​Kelma tiegħu huma u mexjin flimkien, x’ħin ikunu bil-​qiegħda flimkien id-​dar, f’ħin l-​irqad​—kull meta hu possibbli.​—Dewteronomju 6:​6, 7; Efesin 6:4.

Il-Bibbja tagħmel iżjed milli tirrikmanda programm spiritwali bħal dan. Tipprovdi wkoll il-​materjal li jkollok bżonn. Wara kollox, kif kont se twieġeb għall-​mistoqsijiet tat-​tfal li ssemmew hawn fuq? Il-​Bibbja fiha t-​tweġibiet. Huma ċari, affaxxinanti, u jagħtu tama kbira f’din id-​dinja mingħajr tama. Aħjar minn hekk, fehma taʼ l-​għerf tal-​Bibbja jistaʼ jagħti lil uliedek l-​iktar ankra b’saħħitha, l-​iktar gwida żgura fiż-​żminijiet imħawdin tal-​lum. Agħtihom dik, u huma verament li se jirnexxu​—issa u fil-​futur.

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​Awake!, tat-​8 taʼ Settembru, 1992, paġni 26-​7.

b Il-ktieb Is-​Sigriet Taʼ L-​Hena Fil-​Familja huwa mfassal għal studju fil-​familja u fih ħafna gwida prattika mill-​Bibbja fuq iż-​żwieġ u t-​trobbija tat-​tfal. Huwa ppubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Kumment fʼpaġna 11]

Fittex xi mod biex tagħti lil uliedek prosit għal xi ħaġa speċifika regolarment

[Kaxxa fʼpaġna 9]

Kif Għandek Tgħin Lit-​Tfal Jirnexxu

• Ipprovdi ambjent taʼ sigurtà li fih iħossuhom maħbubin u mixtiqin

• Faħħarhom regolarment. Kun speċifiku

• Kun semmiegħ tajjeb

• Ħu pawsa meta jitilgħulek

• Poġġi truf u limiti ċari u konsistenti

• Addatta dixxiplina skond il-​bżonnijiet tat-​tfal

• Tistenniex iżjed milli hu raġonevoli minn uliedek

• Ħu ħsieb il-​bżonnijiet spiritwali permezz taʼ studju regulari tal-​Kelma t’Alla

[Kaxxa fʼpaġna 10]

Qabel Żmienha

PREĊETTI Bibliċi għenu lin-​nies taʼ Iżrael biex igawdu livell taʼ ħajja fil-​familja li kien bil-​wisq superjuri għal dak tal-​ġnus taʼ madwarhom. Il-​kittieb taʼ l-​istorja, Alfred Edersheim, jikkummenta: “Lil hinn mil-​limiti taʼ Iżrael, ma tantx kien ikun possibbli li titkellem tassew dwar ħajja fil-​familja, jew saħansitra tal-​familja, kif nifhmu dawn it-​termini.” Per eżempju, fost ir-​Rumani tal-​qedem il-​liġi tat lill-​missier il-​poter assolut fil-​familja. Setaʼ jbigħ lil uliedu fil-​jasar, iġagħalhom jaħdmu bħala ħaddiema, jew saħansitra joqtolhom​—mingħajr ma jeħel xejn.

Xi Rumani kienu jaħsbu li l-​Lhud kienu strambi għax kienu jittrattaw lil uliedhom b’mod ġentili. Fil-​fatt, il-​kittieb Ruman taʼ l-​ewwel seklu Taċitus kiteb passaġġ mimli mibegħda kontra l-​Lhud, billi qal li t-​tradizzjonijiet tagħhom kienu “minnufih perversi u taʼ min jistmellhom.” Madankollu, hu ammetta: “Huwa att kriminali fosthom li toqtol kwalunkwe tarbija li għadha titwieled.”

Il-​Bibbja pprovdiet livell għoli. Din għallmet lil-​Lhud li t-​tfal kienu prezzjużi​—li attwalment kellhom jitqiesu bħala wirt mingħand Alla nnifsu​—u kellhom jiġu ttrattati t’hekk. (Salm 127:3) Evidentement ħafna Lhud għexu fi qbil maʼ parir bħal dan. Saħansitra l-​lingwa tagħhom kienet turi dan. Edersheim jinnota li minbarra l-​kliem għal iben u bint, l-​Ebrajk tal-​qedem kellu disaʼ kelmiet għall-​kelma tfal, kull waħda tapplika għal stadju differenti fil-​ħajja. Per eżempju, kien hemm kelma għal tarbija li kienet għadha tieħu l-​ħalib mingħand ommha u oħra għal waħda li waqfet tagħmel dan. Għal tfal daqsxejn akbar, kien hemm kelma li timplika li dawn kienu qegħdin jissodaw u jsiru b’saħħithom. U għal żgħażagħ akbar, kien hemm kelma li litteralment kienet tfisser ‘li tagħmel lilek innifsek ħieles.’ Edersheim jikkummenta: “Hija ħaġa ċerta li dawk li b’tant reqqa osservaw il-​ħajja tat-​tfal, hekk li taw titlu li jagħti stampa għal kull stadju avanzat taʼ l-​eżistenza tagħhom, żgur li kienu miġbudin bil-​bosta lejn uliedhom.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja