LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jr kap. 14 pp. 168-181
  • Int Tistaʼ Tibbenefika mill-​Patt il-​Ġdid

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Int Tistaʼ Tibbenefika mill-​Patt il-​Ġdid
  • Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-​PATT IL-​ĠDID—GĦALA?
  • X’INHU L-​PATT IL-​ĠDID?
  • UĦUD LI JIBBENEFIKAW MILL-​PATT IL-​ĠDID
  • BARKIET PREŻENTI U FUTURI TAL-​PATT IL-​ĠDID
  • Issiru “saltna ta’ qassisin”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Barkiet Akbar Permezz tal-Patt il-Ġdid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Jehovah Hu Alla taʼ Pattijiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Ġeħova bassar il-​patt il-​ġdid
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2017
Il-Kelma t’Alla Għalina Permezz taʼ Ġeremija
jr kap. 14 pp. 168-181

Kapitlu Erbatax

Int Tistaʼ Tibbenefika mill-​Patt il-​Ġdid

1. Liema inkarigu bi skop doppju wettaq Ġeremija?

ĠEĦOVA ta lil Ġeremija inkarigu bi skop doppju. Parti waħda kienet ‘li jaqlaʼ u jwaqqaʼ u jeqred u jġarraf.’ Il-​parti l-​oħra kienet ‘li jibni u jħawwel.’ Il-​profeta wettaq l-​ewwel parti tal-​inkarigu tiegħu billi kixef il-​ħażen tal-​Lhud kburin u ħabbar il-​ġudizzju t’Alla fuqhom kif ukoll fuq Babilonja. Madanakollu, il-​profeziji taʼ Ġeremija kienu jinkludu tama għall-​futur. Hu bassar il-​bini taʼ dak li Alla kien biħsiebu jibni u t-​tħawwil taʼ dak li Hu kien biħsiebu jħawwel. Pereżempju, Ġeremija kien qed iwettaq it-​tieni parti tal-​inkarigu tiegħu meta ġibed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li l-​Lhud kellhom jerġgħu lura f’art twelidhom.—Ġer. 1:10; 30:17, 18.

2. Ġeħova għala għamel ħaqq mill-​poplu tiegħu, u sa liema punt?

2 Il-​fatt li Ġeremija pproklama dwar li kellhom jinġiebu lura ma fissirx li Alla kien se jfissed lil niesu jew jagħmel kompromess fil-​livell tiegħu taʼ ġustizzja. Le, hu kien se jagħmel ħaqq mil-​Lhud li kienu tant rashom iebsa. (Aqra Ġeremija 16:17, 18.) Fi żmien Ġeremija, ftit kien hemm nies f’Ġerusalemm li ‘għamlu l-​ġustizzja’ jew li ‘fittxew il-​fedeltà,’ u l-​paċenzja taʼ Ġeħova kienet waslet sal-​limitu tagħha. Hu qal: “Għejejt jiddispjaċini għalik.” (Ġer. 5:1; 15:6, 7) Dawk il-​Lhud kienu “reġgħu lura għall-​iżbalji taʼ missirijiethom, li kienu l-​ewwel li ma ridux jobdu” kliem Ġeħova. Iktar minn hekk, huma rrabjaw lil Alla bir-​relazzjoni adulteruża li kellhom m’allat foloz. (Ġer. 11:10; 34:18) Ġeħova kien se jikkoreġi lil niesu, anke jikkastigahom, ‘kemm ikun jistħoqqilhom.’ B’hekk, xi individwi għandhom mnejn jiġu f’sensihom u jerġgħu lura għandu.—Ġer. 30:11; 46:28.

3. Għala għandek teżamina l-​profezija dwar il-​patt il-​ġdid?

3 Alla uża lil Ġeremija biex ibassar xi ħaġa li kien se jkollha benefiċċji ħafna ikbar u iktar dejjiema—patt ġdid. Meta nikkunsidraw il-​kitbiet profetiċi taʼ Ġeremija, għandna kull raġun biex niffokaw fuq dan l-​aspett mill-​isbaħ: il-​patt il-​ġdid. Kellu jieħu post il-​patt li sar m’Iżrael wara l-​Eżodu, b’Mosè bħala l-​medjatur. (Aqra Ġeremija 31:31, 32.) Meta waqqaf l-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej, Ġesù Kristu tkellem dwar dan il-​patt ġdid, allura żgur li hu t’interess għalina. (Lq. 22:20) L-​appostlu Pawlu rrefera għal dan il-​patt meta kiteb lill-​Ebrej. Hu kkwota l-​profezija taʼ Ġeremija u enfasizza l-​importanza tal-​patt il-​ġdid. (Ebr. 8:7-​9) Imma eżattament x’inhu l-​patt il-​ġdid? Għala sar neċessarju? Min hu involut, u int kif tistaʼ tibbenefika personalment? Ejja naraw.

IL-​PATT IL-​ĠDID—GĦALA?

4. Il-​patt tal-​Liġi x’wettaq?

4 Sabiex nifhmu l-​patt il-​ġdid, l-​ewwel irridu nifhmu l-​iskop taʼ dak taʼ qablu, il-​patt tal-​Liġi. Kellu jwettaq għadd taʼ għanijiet mill-​aħjar għall-​ġens li kien qed jistenna Nisel imwiegħed, li kien se jkun il-​mezz biex ħafna jitbierku. (Ġen. 22:17, 18) Meta l-​Iżraelin aċċettaw il-​patt tal-​Liġi, huma saru “l-​proprjetà speċjali” t’Alla. Taħt dak il-​patt, it-​tribù taʼ Levi kien se jipprovdi qassisin għall-​ġens. Meta Ġeħova għamel dan il-​patt nazzjonali bejnu u bejn Iżrael ħdejn il-​Muntanja Sinaj, hu semma “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis” imma ma qalx meta u permezz taʼ min kien se jseħħ dan. (Eżo. 19:5-​8) Sakemm seħħ, il-​patt għamilha ċara li l-​Iżraelin ma setgħux jobdu l-​Liġi f’kull aspett. Allura għamel dnubiethom jidhru. B’hekk, taħt il-​Liġi, l-​Iżraelin kellhom joffru sagrifiċċji regolarment biex ipattu għal dnubiethom. Però, deher ċar li kien hemm bżonn taʼ xi ħaġa oħra, sagrifiċċju perfett li kellu jsir darba għal dejjem. Iva, kien hemm tassew bżonn reali għall-​maħfra dejjiema tad-​dnub.—Gal. 3:19-​22.

5. Ġeħova għala bassar il-​patt il-​ġdid?

5 B’hekk, nistgħu nibdew naraw għala Alla nebbaħ lil Ġeremija biex jipprofetizza dwar patt ieħor, il-​patt il-​ġdid, anke waqt li l-​patt tal-​Liġi kien għadu validu. Sforz imħabbtu u l-​qalb tajba tiegħu, Ġeħova ried jagħmel disponibbli għajnuna permanenti għal iktar minn ġens wieħed. Permezz taʼ Ġeremija, Alla qal dan dwar dawk fil-​patt li kien ġej: “Naħfrilhom l-​iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.” (Ġer. 31:34) Għalkemm dik il-​wegħda ngħatat fi żmien Ġeremija, hi toffri tama meraviljuża għall-​bnedmin kollha. Kif?

6, 7. (a) Xi wħud kif iħossuhom dwar il-​fatt li jidinbu? (b) Għala tistaʼ tiġi inkuraġġit jekk tikkunsidra l-​patt il-​ġdid?

6 Aħna għadna imperfetti u spiss insiru konxji taʼ dan il-​fatt. Dan ġie muri minn ħu li kien qed jissielet maʼ problema persunali kbira. Hu jgħid: “Meta rġajt waqajt, ħassejtni veru ħażin. Ħassejt li qatt ma se nkun nistaʼ npatti għal dak li għamilt. Sibtha bi tqila biex nitlob. Kont nibda billi ngħid, ‘Ġeħova, ma nafx jekk intix se tismaʼ din it-​talba, imma . . . ’” Xi wħud li bl-​istess mod reġgħu waqgħu fid-​dnub jew ikkommettew dnub ħassew li bħallikieku “ħafna sħab” kien qed iwaqqaf it-​talb tagħhom milli jasal għand Alla. (Lam. 3:44) Oħrajn ġew turmentati b’memorji t’għemejjel midinba, saħansitra snin wara li kienu għamluhom. Anke Kristjani li huma eżemplari jistgħu jgħidu xi affarijiet u mbagħad jiddispjaċihom.—Ġak. 3:5-​10.

7 Ħadd minna m’għandu jaħseb li qatt mhu se jieħu sehem f’kondotta mhix xierqa. (1 Kor. 10:12) Anke l-​appostlu Pawlu ammetta li żbalja. (Aqra Rumani 7:21-​25.) F’dan ir-​rigward, il-​patt il-​ġdid għandu jiġi f’moħħna. Alla wiegħed li aspett fundamentali tal-​patt il-​ġdid kien se jkun li ma jiftakarx id-​dnub iżjed. X’benefiċċju tal-​għaġeb! Żgur li Ġeremija ħassu mqanqal meta bassar dan, u bl-​istess mod aħna nistgħu nitqanqlu meta nitgħallmu iktar dwar il-​patt il-​ġdid u meta naraw kif nistgħu nibbenefikaw minnu.

Alla għala waqqaf patt ġdid?

X’INHU L-​PATT IL-​ĠDID?

8, 9. Xi swielu lil Ġeħova biex jagħmel il-​maħfra tad-​dnub possibbli?

8 Hekk kif issir taf lil Ġeħova aħjar, int se tirrealizza iktar u iktar kemm hu qalbu tajba u ħanin mal-​bnedmin imperfetti. (Salm 103:13, 14) Meta Ġeremija bassar il-​patt il-​ġdid, hu enfasizza li Ġeħova kien se ‘jaħfrilhom l-​iżball tagħhom’ u ma jiftakarx fi dnubhom iktar. (Ġer. 31:34) Int tistaʼ timmaġina li Ġeremija setaʼ ħaseb dwar kif Alla kien se jwettaq din il-​maħfra. Għall-​inqas setaʼ jifhem li billi Alla tkellem dwar patt ġdid, kien se jkun hemm fehma, jew kuntratt, bejn Alla u l-​bnedmin. B’xi mod, permezz taʼ dak il-​patt, Ġeħova kien se jwettaq dak li nebbaħ lil Ġeremija jgħid b’mod ġenerali, inkluż il-​maħfra. Iktar dettalji kellhom jistennew sakemm Alla jikxef iktar mill-​iskop tiegħu, inkluż dak li kien se jagħmel il-​Messija.

9 Għandek mnejn ġieli rajt ġenituri li jfissdu lil uliedhom, u ma jiddixxiplinawhomx. Taħseb li Ġeħova jagħmel dan? Lanqas xejn! Dan jidher ċar mill-​mod kif il-​patt beda jaħdem. Minflok ma sempliċement ikkanċella d-​dnub, Alla b’mod kuxjenzjuż aġixxa fi qbil mal-​livell tal-​ġustizzja tiegħu stess billi pprovda l-​mezz legali għall-​maħfra tad-​dnub avolja dan swielu ħafna. Inti tistaʼ tikseb dehen f’dan billi tinnota dak li kiteb Pawlu meta kien qed jiddiskuti l-​patt il-​ġdid. (Aqra Ebrej 9:15, 22, 28.) Pawlu semma ‘ħelsien b’fidwa’ u qal li “jekk ma jixxerridx demm ma sseħħ ebda maħfra.” Fil-​każ tal-​patt il-​ġdid, dan ma fissirx id-​demm taʼ barrin u mogħoż sagrifikati kif kien isir taħt il-​Liġi. Le, il-​patt il-​ġdid beda jaħdem permezz tad-​demm taʼ Ġesù. Permezz taʼ dan is-​sagrifiċċju perfett, Ġeħova setaʼ ‘jaħfer l-​iżball u d-​dnub’ b’mod permanenti. (Atti 2:38; 3:19) Imma min kien se jkun f’dan il-​patt il-​ġdid u jikseb il-​maħfra? Ma kienx il-​ġens Lhudi. Ġesù qal li Alla kien se jiċħad lil-​Lhud, dawk li offrew sagrifiċċji tal-​annimali skont il-​Liġi, u li Hu kien se jdur lejn ġens ieħor. (Mt. 21:43; Atti 3:13-​15) Dan wera li kien “l-​Israel t’Alla,” magħmul minn Kristjani midlukin bl-​ispirtu qaddis. Fi kliem ieħor, il-​patt tal-​Liġi kien bejn Alla u Iżrael naturali, filwaqt li l-​patt il-​ġdid hu bejn Alla Ġeħova u Iżrael spiritwali, b’Ġesù bħala l-​Medjatur tiegħu.—Gal. 6:16; Rum. 9:6.

Stampa f’paġna 172

10. (a) Min hu “r-​rimja” taʼ David? (b) Il-​bnedmin kif jistgħu jibbenefikaw mir-​“rimja”?

10 Ġeremija ddeskriva lil Dak li kien ġej, il-​Messija, bħala “r-​rimja” taʼ David. Dan hu xieraq. Anke waqt li Ġeremija kien qed jaqdi bħala profeta, l-​arblu tar-​razza rjali taʼ David kien bħal siġra li tqaċċtet. Imma dak li kien fadal miz-​zokk ma kienx mejjet. Maż-​żmien, Ġesù twieled fil-​linja tas-​Sultan David. Hu setaʼ jissejjaħ “Ġeħova Hu s-​Sewwa Tagħna,” u b’hekk jenfasizza l-​fatt li Alla tassew jimpurtah minn din il-​kwalità. (Aqra Ġeremija 23:5, 6.) Ġeħova ħalla lill-​Iben uniġenitu tiegħu jesperjenza t-​tbatija fuq l-​art u jmut. Imbagħad Ġeħova—fi qbil mal-​ġustizzja tiegħu—setaʼ japplika l-​valur tas-​sagrifiċċju tal-​fidwa tar-​“rimja” taʼ David bħala l-​bażi għall-​maħfra. (Ġer. 33:15) Dan fetaħ it-​triq biex xi bnedmin jiġu dikjarati “ġusti għall-​ħajja” u jiġu midlukin bl-​ispirtu qaddis, u b’hekk isiru werrieta tal-​patt il-​ġdid. Bħala turija oħra li Alla jimpurtah mis-​sewwa, oħrajn li mhumiex direttament fil-​patt jistgħu u qegħdin jibbenefikaw minnu, kif se naraw.—Rum. 5:18.

Stampa f’paġna 174

“Il-​liġi tal-​Kristu” tqanqal lil dak li jkun biex jaqdi lil Ġeħova minn rajh

11. (a) Il-​liġi tal-​patt il-​ġdid fuqiex hija miktuba? (b) In-​“nagħaġ oħrajn” għala huma interessati fil-​liġi tal-​patt il-​ġdid?

11 Tixtieq tkun taf aspetti oħrajn li jiddistingwu l-​patt il-​ġdid? Waħda mid-​differenzi kbar li hemm bejnu u bejn il-​patt tal-​Liġi Mosajka hi fuqiex inkitbu. (Aqra Ġeremija 31:33.) L-​Għaxar Kmandamenti tal-​patt tal-​Liġi nkitbu fuq twavel tal-​ġebel, li eventwalment ma baqgħux jeżistu. B’kuntrast, Ġeremija bassar li l-​liġi tal-​patt il-​ġdid kellha tinkiteb fuq qlub umani, u kellha tibqaʼ. Dawk imseħbin fil-​patt il-​ġdid, il-​Kristjani midlukin, tassew japprezzaw din il-​liġi. Xi ngħidu għal dawk li mhumiex direttament fil-​patt il-​ġdid, in-​“nagħaġ oħrajn,” li għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq l-​art? (Ġw. 10:16) Dawn ukoll jitgħaxxqu bil-​liġi t’Alla. F’ċertu sens huma bħar-​residenti barranin f’Iżrael, li aċċettaw il-​Liġi Mosajka u bbenefikaw minnha.—Lev. 24:22; Num. 15:15.

12, 13. (a) X’inhi l-​liġi tal-​patt il-​ġdid? (b) Taħt “il-​liġi tal-​Kristu” għala m’għandekx tħossok imġiegħel biex taqdi lil Alla?

12 Kif twieġeb kieku tiġi mistoqsi, ‘X’inhi l-​liġi minquxa fuq qlub il-​Kristjani midlukin?’ Din il-​liġi tissejjaħ ukoll “il-​liġi tal-​Kristu.” L-​ewwel ngħatat lill-​Iżraelin spiritwali, dawk fil-​patt il-​ġdid. (Gal. 6:2; Rum. 2:28, 29) Tistaʼ tiġbor “il-​liġi tal-​Kristu” f’kelma waħda: l-​imħabba. (Mt. 22:36-​39) Il-​midlukin kif jiktbu din il-​liġi f’qalbhom? Żewġ modi importanti huma billi jistudjaw il-​Bibbja u javviċinaw lil Ġeħova bit-​talb. Għaldaqstant, dawn l-​aspetti tal-​qima vera għandhom ikunu parti regulari tal-​ħajja tal-​Kristjani veri kollha, anke dawk li mhumiex fil-​patt il-​ġdid imma li jridu jibbenefikaw minnu.

13 “Il-​liġi tal-​Kristu” hi msemmija bħala “l-​liġi perfetta tal-​libertà” u “l-​liġi taʼ poplu ħieles.” (Ġak. 1:25; 2:12) Ħafna twieldu taħt il-​Liġi Mosajka, imma ħadd ma jitwieled fil-​patt il-​ġdid jew taħt il-​liġi tal-​Kristu. Ħadd minn dawk li jsiru ubbidjenti lejn il-​liġi tal-​Kristu mhu mġiegħel jaqdi lil Alla. Minflok, huma jitgħaxxqu jkunu jafu li l-​liġi t’Alla tistaʼ tinkiteb fil-​qlub u li l-​benefiċċji dejjiema tal-​patt li Ġeremija bassar huma disponibbli għall-​bnedmin illum.

Alla kif għamel il-​maħfra possibbli permezz tal-​patt il-​ġdid? Kif tistaʼ titgħallem dwar il-​liġi miktuba fil-​qlub?

UĦUD LI JIBBENEFIKAW MILL-​PATT IL-​ĠDID

14. B’mod ċar, min jibbenefika mill-​patt il-​ġdid?

14 Xi wħud, malli tgħallmu li hemm 144,000 persuna fil-​patt il-​ġdid, setgħu ħasbu li dawn biss se jibbenefikaw minnu. Forsi ħasbu hekk għax il-​midlukin biss għandhom jieħdu mill-​emblemi fit-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu li ssir kull sena, li fiha l-​inbid jirrappreżenta ‘d-​demm tal-​patt.’ (Mk. 14:24) Ftakar, iżda, li dawk fil-​patt il-​ġdid għandhom ikunu mseħbin maʼ Ġesù bħala n-​“nisel” t’Abraham, li permezz tiegħu kellhom jitbierku l-​ġnus kollha. (Gal. 3:8, 9, 29; Ġen. 12:3) Mela, nistgħu nifhmu li permezz tal-​patt il-​ġdid, Ġeħova se jwettaq il-​wegħda tiegħu biex ibierek lill-​umanità kollha permezz taʼ “nisel” Abraham.”

15. Il-​midlukin xi rwol huma mbassrin li se jkollhom?

15 Ġesù Kristu, il-​parti primarja tan-​nisel t’Abraham, jaqdi bħala Qassis il-​Kbir, u hu pprovda s-​sagrifiċċju perfett li jagħmel possibbli l-​maħfra tal-​iżbalji u d-​dnubiet. (Aqra Ebrej 2:17, 18.) Madanakollu, Alla żmien twil ilu tkellem dwar “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis.” (Eżo. 19:6) F’Iżrael naturali, il-​qassisin kienu minn tribù wieħed, u s-​slaten kienu minn tribù ieħor. Allura, minn fejn kien se jiġi dan il-​ġens taʼ slaten u qassisin imwiegħed? L-​appostlu Pietru kiteb l-​ewwel ittra tiegħu lil uħud li kienu mqaddsin bl-​ispirtu. (1 Pt. 1:1, 2) Hu rrefera għal dawn bħala “saċerdozju rjali, ġens qaddis, poplu miksub bħala proprjetà speċjali.” (1 Pt. 2:9) Kristjani midlukin fil-​patt il-​ġdid b’hekk se jaqdu bħala qassisin taħt Kristu. Aħseb ftit xi jfisser dan! Aħna kuljum nissieltu taħt l-​influwenza tad-​dnub, li għadu ‘jsaltan.’ Dawk li jaqdu bħala sotto-​qassisin se jkunu għaddew minn esperjenza simili. (Rum. 5:21) Se jkunu jafu xi jfisser li tagħmel żbalji u li titqabad mal-​ħtija. Għalhekk, flimkien maʼ Kristu, se jkunu jistgħu jissimpatizzaw magħna hekk kif negħlbu tendenzi midinba.

16. X’inkuraġġiment tistaʼ tikseb il-​“folla kbira” minn Rivelazzjoni 7:9, 14?

16 F’Rivelazzjoni 7:9, 14, il-​“folla kbira” jiġu deskritti bħala li huma “lebsin ilbiesi bojod,” li jindika li għandhom waqfa nadifa quddiem Alla. Sabiex ikollhom il-​prospett li jsalvaw “mit-​tribulazzjoni l-​kbira,” il-​folla kbira issa qed tiġi fformata. Għaldaqstant, anke issa dawn jiksbu ċerta waqfa ġusta quddiem Alla. Huma qed jiġu dikjarati ġusti bħala l-​ħbieb taʼ Ġeħova. (Rum. 4:2, 3; Ġak. 2:23) X’benefiċċju dan! Jekk int parti mill-​folla kbira, tistaʼ tkun ċert li Alla lest li jaħdem miegħek hekk kif tistinka biex tibqaʼ nadif f’għajnejh.

17. Ġeħova f’liema sens ‘ma jiftakarx’ fid-​dnub iktar?

17 X’jiġri mid-​dnub taʼ dawk li Alla japprova? Kif issemma qabel, Ġeħova qal permezz taʼ Ġeremija: “Naħfrilhom l-​iżball tagħhom, u dnubhom ma niftakrux iktar.” (Ġer. 31:34) Alla jagħmel dan għall-​midlukin fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. B’mod simili, Alla jistaʼ jaħfer id-​dnubiet tal-​folla l-​kbira fuq il-​bażi tal-​istess ‘demm tal-​patt.’ Il-​fatt li Ġeremija qal li Alla ma kienx se ‘jiftakar’ fid-​dnub iktar ma jfissirx li Hu se jinsa u sempliċement ma jkunx jistaʼ jiftakar x’kien id-​dnub. Minflok, jindika li la Ġeħova jkun ħa ħsieb li l-​midneb niedem jingħata kwalunkwe dixxiplina meħtieġa u d-​dnub inħafirlu, Alla jitfaʼ dak id-​dnub tal-​passat Warajh. Aħseb dwar id-​dnubiet li s-​Sultan David ikkommetta u li involvew lil Bat-​seba u Urija. David irċieva d-​dixxiplina u ġarrab il-​konsegwenzi taʼ dnubietu. (2 Sam. 11:4, 15, 27; 12:9-​14; Is. 38:17) Però, Alla ma baqax iżommlu kont lil David taʼ dawk id-​dnubiet. (Aqra t-​2 Kronaki 7:17, 18.) Kif indikat fil-​patt il-​ġdid, ladarba Ġeħova jkun ħafer id-​dnubiet, fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, Hu ma jiftakarhomx iktar.—Eżek. 18:21, 22.

18, 19. Il-​patt il-​ġdid fih liema lezzjoni dwar il-​maħfra?

18 Fi qbil maʼ dan, il-​patt il-​ġdid jenfasizza l-​aspett tal-​għaġeb kif Ġeħova jittratta maʼ bnedmin midinbin, kemm mal-​midlukin, li huma fil-​patt, kif ukoll maʼ dawk b’tama li jgħixu fuq l-​art. Tistaʼ tkun fiduċjuż li ladarba Ġeħova jkun ħafer dnubietek, hu mhux se jerġaʼ jsemmihom. Il-​wegħda t’Alla dwar il-​patt il-​ġdid b’hekk toffri lezzjoni għal kull wieħed u waħda minna. Staqsi lilek innifsek, ‘Nipprova nimita lil Ġeħova jien billi ma noqgħodx insemmi l-​offiżi li saruli, żbalji li jien diġà għedt li ħfirt?’ (Mt. 6:14, 15) Dan japplika għall-​offiżi żgħar kif ukoll għal dawk tassew serji, bħad-​dnub t’adulterju taʼ sieħeb Kristjan. Jekk l-​innoċenti jaqbel li jaħfer lill-​adulteru niedem, mhuwiex xieraq li ‘ma niftakrux fid-​dnub iktar’? Veru, forsi ma jkunx faċli ninsew l-​iżbalji, madanakollu, hu mod wieħed kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova.a

19 Nistgħu napplikaw din il-​lezzjoni marbuta mal-​patt il-​ġdid saħansitra fil-​każ taʼ xi ħadd li ġie maqtugħ mis-​sħubija imma li nidem u ġie aċċettat lura. Xi ngħidu jekk dak l-​individwu weġġgħek jew immalafamak b’xi mod? Issa ġie aċċettat lura fil-​kongregazzjoni. Dak li naqraw f’Ġeremija 31:34, kif se jinfluwenza l-​mod kif naħsbu u nirreaġixxu personalment? Se naħfru aħna lil dak li dineb u ma nibqgħux insemmu l-​iżball? (2 Kor. 2:6-​8) Verament, din hi xi ħaġa li kull min japprezza l-​patt il-​ġdid għandu jipprova japplika fil-​ħajja tiegħu taʼ kuljum.

Kif tistaʼ tapplika lezzjoni dwar il-​maħfra kif inhi murija fil-​patt il-​ġdid?

BARKIET PREŻENTI U FUTURI TAL-​PATT IL-​ĠDID

20. L-​attitudni tiegħek kif inhi differenti minn dik tal-​biċċa l-​kbira min-​nies fi żmien Ġeremija?

20 Fi żmien Ġeremija, ħafna Lhud bażikament kienu qed jgħidu: “Ġeħova mhux se jagħmel ġid, u mhux se jagħmel deni.” (Sof. 1:12) Għalkemm kellhom xi għarfien dwar min hu Ġeħova u x’tip taʼ persuna hu, huma ħassew li ma kienx se jaġixxi; lanqas ma kien se jistenna li jgħixu fi qbil maʼ xi livelli. Imma inti taf li xejn ma jaħrab minn taħt għajnejn Alla. Int għandek biżaʼ b’rispett lejn Alla u żgur li trid iżżomm lura milli tagħmel il-​ħażin. (Ġer. 16:17) Fl-​istess ħin, taf li Ġeħova hu Missier qalbu tajba u ġust. Hu jinnota l-​aġir tajjeb tagħna, kemm jekk ħaddieħor jinduna u kemm jekk le.—2 Kron. 16:9.

Stampa f’paġna 179

Dawk li qdew lil Alla b’fedeltà se jgawdu l-​barkiet futuri tiegħu

21, 22. Għaliex m’għadx għandek bżonn min jgħidlek: “Kun af lil Ġeħova”?

21 Aspett sinifikanti tal-​patt il-​ġdid hu dan: “Inqiegħed il-​liġi tiegħi ġo fihom, u niktibha f’qalbhom. U nsir Alla tagħhom, . . . U ma jibqgħux jgħallmu kull wieħed lil sieħbu, u kull wieħed lil ħuh, billi jgħidu, ‘Kunu afu lil Ġeħova!’ għax kollha jkunu jafuni.” (Ġer. 31:33, 34) Il-​midlukin fuq l-​art illum urew li għandhom il-​liġi t’Alla ġo fihom. Huma jħobbu l-​veritajiet misjubin fiha, u ma jistriħux fuq it-​tagħlim taʼ xi bniedem. U bil-​ferħ qasmu l-​għarfien Bibliku maʼ dawk li jifformaw il-​folla l-​kbira. B’hekk, dawn li għandhom tama għall-​art ukoll saru jafu u jħobbu lil Ġeħova. Huma minn rajhom jissottomettu ruħhom għall-​gwida tiegħu u jafdaw fil-​wegħdi tiegħu. Inti probabbli wieħed minn dawn. Inti tafu bħala Persuna u għandek relazzjoni persunali miegħu. X’benefiċċju dan!

22 Kif irnexxielek issaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħek maʼ Ġeħova? Bla dubju inti tiftakar f’okkażjonijiet meta ħassejt li hu wieġeb it-​talb tiegħek. Permezz taʼ esperjenzi bħal dawn, int kattart l-​apprezzament tiegħek għat-​tip t’Alla li hu. Forsi ħassejt l-​għajnuna tiegħu hekk kif ftakart f’xi skrittura li għenitek tkampa mal-​għawġ. Għożż esperjenzi bħal dawn. Hekk kif tkompli tistudja l-​Kelma tiegħu, l-​għarfien tiegħek dwaru se jkompli jikber—barka li tibqaʼ sejra għal dejjem.

23. Il-​fatt li tkun taf lil Ġeħova kif jistaʼ jeħilsek minn sentimenti li jinkwetawk bla bżonn?

23 Imma hemm barka oħra marbuta mal-​patt il-​ġdid li nistgħu nesperjenzaw issa. Li nkunu nafu lil Ġeħova bħala dak li jipprovdi l-​maħfra permezz tal-​patt il-​ġdid jistaʼ jgħinna neħilsu minn sentimenti persistenti taʼ ħtija. Pereżempju, persuna li għamlet abort qabel ma kienet taf il-​livell t’Alla għandha mnejn tħossha ħatja u mnikkta għax tkun temmet apposta l-​ħajja taʼ persuna li qed tiżviluppa. Oħrajn iħossuhom b’dan il-​mod għax qatlu xi nies meta ħadu sehem fi gwerer. Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa—vitali għall-​patt il-​ġdid—jipprovdi maħfra għal uħud tassew nedmin. La dan hu l-​każ, m’għandniex inkunu konvinti li jekk Ġeħova ħafrilna dnubna, hu jqis il-​kwistjoni magħluqa? M’għandniex għalfejn nhewdnu fuq id-​dnubiet li Ġeħova bil-​ġenerożità taʼ qalbu ħafer.

24. X’inkuraġġiment tistaʼ tislet mir-​rakkont f’Ġeremija 31:20?

24 Insibu evidenza dettaljata dwar il-​maħfra t’Alla f’Ġeremija 31:20. (Aqra.) Għaxriet taʼ snin qabel żmien Ġeremija, Ġeħova kkastiga lis-​saltna taʼ Iżrael fit-​Tramuntana b’għaxar tribujiet (rappreżentata minn Efrajm, it-​tribù prominenti) minħabba l-​idolatrija tagħha. Huma ttieħdu fl-​eżilju. Iżda, Alla kien tassew iħobb lin-​nies taʼ dak il-​ġens u wriehom affezzjoni tenera. Kienu għadhom prezzjużi għalih, bħal ‘tifel li ttratta b’għożża.’ Meta ħaseb dwarhom, il-​ġewwieni tiegħu “tqanqal,” jiġifieri, l-​iktar sentimenti profondi taʼ qalbu ntmessu. Dan ir-​rakkont, li jinsab fil-​kuntest tal-​patt il-​ġdid, juri kemm Ġeħova għandu qalb kbira lejn dawk li nidmu minn kondotta ħażina tal-​passat.

25. Għala tistaʼ tkun grat lejn Ġeħova għall-​patt il-​ġdid?

25 Il-​wegħda taʼ Ġeħova li jaħfer id-​dnub permezz tal-​patt il-​ġdid se titwettaq bis-​sħiħ fl-​aħħar tal-​Ħakma Millenjali taʼ Kristu. Ġesù Kristu, flimkien mal-​144,000 sotto-​qassis, se jkunu ġabu lill-​bnedmin leali lura għall-​perfezzjoni. Wara l-​aħħar prova, il-​bnedmin imbagħad se jkunu membri tal-​familja universali taʼ Ġeħova f’sens komplet. (Aqra Rumani 8:19-​22.) Għal sekli sħaħ, kulħadd kien qed jokrob taħt it-​tagħbija tad-​dnub. Madanakollu, il-​ħolqien uman taʼ Ġeħova mbagħad se jkollu “l-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla,” jiġifieri, ħelsien mid-​dnub u l-​mewt. Għaldaqstant, kun fiduċjuż li permezz tal-​arranġament kollu mħabba tal-​patt il-​ġdid, int tistaʼ tikseb abbundanza taʼ benefiċċji. Inti tistaʼ tibbenefika issa u għal dejjem permezz tar-​“rimja” taʼ David u tistaʼ tgawdi “s-​sewwa fl-​art.”—Ġer. 33:15.

Kif tistaʼ tibbenefika mill-​patt il-​ġdid issa u fil-​futur?

a Il-​fatt li Alla lest jaħfer ġie muri fil-​mod kif Ħosea aġixxa maʼ Gomer. Ara l-​kummenti fuq Ħosea 2:14-​16 fil-​ktieb Għix bil-​Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok, paġni 128-​130.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja