Millennju Grandjuż Riesaq
“U jien rajt tronijiet, u kien hemm dawk li qagħdu bil-qiegħda fuqhom, u l-qawwa li jiġġudikaw ingħatat lilhom. Iva, jien rajt l-erwieħ taʼ dawk maqtulin bil-mannara għax-xiehda li taw għal Ġesù u talli tkellmu dwar Alla, u dawk li la kienu qiemu lill-bhima selvaġġa u lanqas lix-xbiha tagħha u li ma kinux irċevew il-marka fuq moħħhom u fuq idhom. U ħadu l-ħajja u saltnu bħala slaten mal-Kristu għal elf sena.” “U [Alla] se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom [tal-umanità], u l-mewt ma tkunx iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ, ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.”—Rivelazzjoni 20:4; 21:4.
B’HEKK il-Bibbja tbassar millennju grandjuż li qed joqrob—ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Ġesù Kristu u ġemgħa taʼ slaten sħab miegħu fis-sema. Forsi int inklinat li twarrab din il-profezija bħala sempliċi illużjoni, xi viżjoni. Imma xorta waħda, hemm raġuni biżżejjed għalik biex tqis lil dan il-Millennju bħala rejaltà li ġejja!
Minn banda, studju tal-Bibbja se jirrivelalek kif hi ttrattat lil dawn is-sitt millennji taʼ storja umana li għaddew b’mod tal-għaġeb u taʼ min jafdah. Iktar minn hekk, il-Bibbja hija ktieb taʼ profezija, u numru kbir mit-tbassiriet, jew profeziji, tagħha diġà twettqu f’kull dettal.a Jekk inhu hekk, il-Bibbja għala għandha ma tkunx taʼ min jafdaha meta tbassar il-Millennju li riesaq tal-ħakma taʼ Kristu? Int forsi tiskanta, iżda x’għandha xi tgħidilna l-Bibbja dwar dak il-perijodu taʼ żmien. X’inhu l-għan tiegħu? U taʼ interess partikulari għalik, kif se jeffettwa lil ħajtek?
Wirt Mitluf
Il-Bibbja turi li r-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu huwa l-mod kif hu se jgħaddi wirt l-iktar prezzjuż lit-“tfal” tiegħu. Imma x’wirt hu? U liema “tfal”? Wirt jistaʼ jiġi definit bħala xi ħaġa mgħoddija lil nisel taʼ dak li jkun f’mewtu. Meta l-antenat tagħna Adam ta prova tad-diżubbidjenza lejn Alla, hu tilef għalih innifsu u għal nislu kollu—ir-razza umana kollha—id-dritt għall-ħajja taʼ dejjem f’ġenna tal-art. Adam b’hekk għadda wirt taʼ dnub, mewt, u miżerja lid-dixxendenti tiegħu.—Ġenesi 3:l-19; Rumani 5:12.
Ġesù ġie fuq l-art fil-laħam biex jirbaħ lura għall-umanità l-wirt li tilef Adam. Dan għamlu billi ta prova taʼ fedeltà lejn Alla Jehovah, billi minn jeddu offra ħajtu għan-nom tal-umanità. (Ġwann 3:16) Billi għex ħajja perfetta u bla dnub, Ġesù kiseb id-dritt għall-ħajja taʼ dejjem u perfetta f’Ġenna fuq l-art—l-istess ħaġa li tilef Adam. Madankollu, Ġesù qatt ma eżerċita dak id-dritt. u lanqas ma tilfu meta miet u ġie rxoxtat għall-ħajja fis-sema. Hu setaʼ għalhekk jużah bħala wirt prezzjuż x’jgħaddi lit-“tfal” tiegħu.—Rumani 5:18,19.
Il-Werrieta—It-“Tfal” taʼ Kristu
F’Isaija 9:6 Ġesù jissejjaħ b’mod profetiku “Missier Etern.” Hu jsir il-Missier Etern tad-dinja taʼ umanità mifdija, f’pożizzjoni li jgħaddi wirt lil dawn l-uħud mifdijin, jew tfal adottati. (Mattew 20:28; ara wkoll Salm 37:18, 29.) Dan hu muri b’mod ċar fil-wegħda tiegħu: “Ejjew, intom li ġejtu mberkin minn Missieri, irtu s-saltna mħejjija għalikom mit-tisjis tad-dinja.” Hu kompla jgħid: “Henjin huma l-kalmi, ladarba se jirtu l-art.”−Mattew 5:5; 25:34.
Biex l-art tkun wirt xieraq, madankollu, iridu jinbidlu b’mod radikali l-kundizzjonijiet—jinġiebu għall-perfezzjoni! Trid issir dinja fejn il-paċi u l-armonija perfetti jirrenjaw fost il-ħlejjaq kollha t’Alla. (Isaija 11:6-9) Kull traċċa taʼ imperfezzjoni umana trid tiġi mħassra, inkluża l-mewt. (1 Korintin 15:25, 26) Dan ifisser li l-mejtin, li huma parti mill-umanità mifdija, jridu jiġu rxoxtati. B’dan il-mod biss jistaʼ jkollhom l-opportunità li jsiru l-werrieta taʼ Kristu!—Ġwann 5:28,29.
B’hekk ir-Renju taʼ Elf Sena taʼ Kristu se jkun perijodu hieni li fih l-umanità se tiġi bil-mod il-mod ‘meħlusa mill-jasar għall-korruzzjoni’ u tilħaq il-perfezzjoni. (Rumani 8:21) Taʼ interess, saħansitra sorsi sekulari jirrikonoxxu dan bħala l-għan tal-millennju. Webster’s Ninth New Collegiate Dictionary (l-edizzjoni tal-1985) jiddefinixxi l-“millennju” bħala “perijodu taʼ hena kbira jew perfezzjoni umana.”
Jisboq lill-Hakma taʼ Salamun
Dan il-Millennju glorjuż jistaʼ jiġi mxebbah mal-ħakma taʼ 40 sena tas-Sultan Salamun li kienet tant prosperuża u mimlija paċi fuq Iżrael tal-qedem. (1 Slaten 4:24, 25, 29) Meta s-sultana taʼ Xeba żaret lis-Sultan Salamun, hi qalet: “Vera wriet li hi l-kelma li jien smajt f’arti stess dwar dawn il-ħwejjeġ u dwar il-għerf tiegħek. U ma poġġejtx fidi fil-kliem sakemm kont ġejt biex għajnejja stess jistgħu jaraw; u, ħares! ma kienx intqalli n-nofs. Inti sboqt fil-għerf u l-prosperità l-affarijiet mismugħin li jiena smajt. Henjin huma l-irġiel tiegħek; henjin huma dawn il-qaddejja tiegħek li qegħdin bil-wieqfa quddiemek il-ħin kollu, jisimgħu l-għerf tiegħek!”—1 Slaten 10:6-8.
Jekk il-paċi, il-prosperità, u l-għerf tal-ħakma taʼ 40 sena fuq l-art tas-Sultan Salamun kienu jisbqu, iva, iktar mid-doppju, lill-istennijiet kbar tas-sultana taʼ Xeba, mela żgur li l-Ħakma taʼ Elf Sena tas-Sultan Salamun akbar tas-sema, Ġesù Kristu, se tisboq kull immaġinazzjoni umana! Fil-kliem taʼ Ġesù nnifsu, hu “xi ħaġa iktar minn Salamun.”(Mattew 12:42) Ipprova ġib quddiem għajnejk l-iktar kundizzjonijiet taʼ saħħa, taʼ prosperità, taʼ paċi, taʼ tjieba, u taʼ ferħ fuq l-art li int tistaʼ qatt timmaġina, u ma tkunx tistaʼ tifhem saħansitra qatra minn dak li l-Millennju taʼ Kristu għandu maħżun.
Se Jaħbat Mat-Tielet Millennju?
Il-ġrajjiet tad-dinja mis-sena 1914 ’il hawn juru li aħna qed ingħixu fil-“konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.” Ġesù kompla jgħid li l-ġenerazzjoni li kellha x’taqsam maʼ dawn il-ġrajjiet imbassrin “bl-ebda mod ma se tgħaddi sakemm dawn l-affarijiet kollha jseħħu.” Ifisser dan, mela, li l-Ħakma taʼ Elf Sena taʼ Kristu se taħbat mat-tielet millennju?—Mattew 24:3-21, 34.
Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu biex ma jispekulawx. Hu qal: “Ma jappartjenix lilkom li tiksbu tagħrif taż-żminijiet jew l-istaġuni li l-Missier qiegħed fil-ġurisdizzjoni tiegħu nnifsu.” (Atti 1:7) U rigward “il-jum u s-siegħa” eżatti meta dawn il-ġrajjiet kellhom iseħħu, Ġesù qal li Missieru biss, Alla Jehovah, kien jafhom. (Mattew 24:36) B’hekk, il-Bibbja ma tappoġġja lil ebda wieħed minn dawk il-profeti li issa dejjem qed jiżdiedu taʼ jum tal-biżaʼ u movimenti li jippuntaw lejn id-daqq taʼ nofs il-lejl taʼ Lejlet is-Sena l-Ġdida, 1999, bħala l-aħħar tad-dinja.
Madankollu il-ġrajjiet dinjin preżenti juru biċ-ċar li ż-żmien tat-tmiem taʼ din is-sistema taʼ affarijiet mudlama u ħażina “daħal sewwa” u li l-Millennju taʼ Kristu “qorob.” (Rumani 13:12) Minflok ma nispekulaw fuq il-ġurnata u s-siegħa eżatti li ġej fihom, issa huwa l-ħin f’waqtu biex nieħdu għarfien tal-htiġijiet t’Alla biex insalvaw. (Ġwann 17:3) B’dan il-mod inti tistaʼ titgħallem kif tistaʼ tkun fost dawk li lilhom Ġesù se jgħid: “Ejjew, intom li ġejtu mberkin minn Missieri, irtu s-saltna mħejjija għalikom mit-tisjis tad-dinja.” (Mattew 25:34) Ix-Xhieda taʼ Jehovah lesti u jistgħu jgħinuk biex tkun fost dawk li se jgawdu l-barkiet tal-Millennju grandjuż li ġej.b
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-pubblikazzjoni The Bible—God’s Word or Man’s?, ippubblikata mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Studju b’xejn tal-Bibbja fid-dar jistaʼ jiġi rranġat billi tikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.