LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 4/1 pp. 28-32
  • Ħelsien Għal ġo Dinja Ġdida taʼ Tjieba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħelsien Għal ġo Dinja Ġdida taʼ Tjieba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​“Tribulazzjoni Kbira”
  • Il-​Qaddejja T’Alla Attakkati
  • “Il-​Ħelsien Tagħkom Qiegħed Joqrob”
  • Id-​Dinja L-​Ġdida
  • Għala Dam Daqshekk?
  • Twettaq Xi Ħaġa Oħra
  • Qrib Il-Ħelsien Permezz tas-Saltna t’Alla!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Dak li Se Tagħmel is-Saltna t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Ibqaʼ leali matul it-“tribulazzjoni kbira”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Agħmel Kuraġġ Hekk Kif Joqrob il-Ħelsien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 4/1 pp. 28-32

Ħelsien Għal ġo Dinja Ġdida taʼ Tjieba

“Bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—SALM 37:11.

1, 2. (a) Il-​ħelsien li Jehovah se jwettaq fi żmienna kif se jkun differenti mill-​ħelsien li wettaq fi żmien il-​qedem? (b) Jehovah għal ġo liema tip taʼ dinja se jġib lin-​nies tiegħu?

JEHOVAH hu Alla taʼ ħelsien. Fi żmien il-​qedem, hu ħeles lin-​nies tiegħu f’ħafna okkażjonijiet. Dak il-​ħelsien kien temporanju, għax Jehovah fl-​ebda wieħed minn dawk il-​każi m’esegwixxa b’mod permanenti l-​ġudizzji tiegħu kontra d-​dinja kollha kemm hi taʼ Satana. Imma fi żmienna, Jehovah dalwaqt se jwettaq l-​iktar ħelsien grandjuż minnhom kollha għall-​qaddejja tiegħu. Din id-​darba se jeqred kull traċċa tas-​sistema taʼ Satana mad-​dinja kollha, u se jġib lill-​qaddejja tiegħu għal ġo dinja ġdida permanenti u taʼ tjieba.—2 Pietru 2:9; 3:10-13.

2 Jehovah iwiegħed: “Ftit ieħor, u l-​ħażin ma jkunx aktar . . . Imma l-​ġwejdin għad jirtu l-​art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:10, 11) Għal kemm żmien? “Il-​ġusti jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29; Mattew 5:5) Madankollu, qabel ma jiġri dan, id-​dinja se tgħaddi mill-​iktar żmien taʼ inkwiet li qatt tkun għaddiet minnu.

It-​“Tribulazzjoni Kbira”

3. Ġesù kif iddeskrivieha t-​“tribulazzjoni kbira”?

3 Fl-​1914 din id-​dinja daħlet fl-​“aħħar jiem” tagħha. (2 Timotju 3:1-5, 13, NW) Issa ilna 83 sena f’dak il-​perijodu u qegħdin noqorbu lejn it-​tmiem tiegħu meta, bħalma bassar Ġesù, se jseħħ dan li ġej: “Imbagħad ikun hawn diqa [“tribulazzjoni,” NW] kbira li mill-​bidu tad-​dinja sa issa għadu qatt ma kien hawn bħalha u anqas ikun hawn.” (Mattew 24:21) Iva, saħansitra agħar mit-​II Gwerra Dinjija, fejn ġew maqtulin madwar 50 miljun ruħ. Xi żmien li jheżheż lid-​dinja qiegħed joqrob bil-​għaġla!

4. Il-​ġudizzju t’Alla għala jiġi fuq “Babilonja l-​Kbira”?

4 It-​“tribulazzjoni kbira” se tiġi b’ħeffa taʼ l-​għaġeb, “f’siegħa waħda.” (Apokalissi 18:10) Il-​waqt meta din tfaqqaʼ se jkun immarkat milli Alla jesegwixxi ġudizzju fuq ir-​reliġjon falza kollha, li l-​Kelma t’Alla ssejħilha “Babilonja l-​Kbira.” (Apokalissi 17:1-6, 15) Il-​karatteristika dominanti taʼ Babilonja tal-​qedem kienet ir-​reliġjon falza. Babilonja moderna hija bħall-​pariġġ tagħha tal-​qedem u tirrappreżenta l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Din imxiet taʼ mara żienja billi għamlet kompromessi maʼ l-​elementi politiċi. Appoġġjat il-​gwerer tagħhom u bierket l-​armati taż-​żewġ naħat, bir-​riżultat li nies taʼ l-​istess reliġjon biċċru lil xulxin. (Mattew 26:51, 52; 1 Ġwann 4:20, 21) Hija għalqet għajn waħda għall-​prattiċi korrotti taʼ dawk imseħbin magħha u ppersegwitat lill-​veri Kristjani.—Apokalissi 18:5, 24.

5. It-​“tribulazzjoni kbira” kif tibda?

5 It-​“tribulazzjoni kbira” tibda meta l-​elementi politiċi jduru għal għarrieda fuq “Babilonja l-​Kbira.” Huma se “[j]kollhom mibegħda għall-​Mara żienja, jagħmluha bħal deżert u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha bin-​nar.” (Apokalissi 17:16) Wara dan, dawk li qabel kienu jappoġġjawha “jibdew jibku u jagħtu fuq sidirhom minħabba fiha.” (Apokalissi 18:9-19) Imma l-​qaddejja taʼ Jehovah ilhom jistennewh dan, u se jesklamaw: “Ħallelujah! . . . għax għamel ħaqq miż-​Żienja l-​Kbira, dik li ħassret l-​art biż-​żina tagħha, u tħallas minnha tad-​demm tal-​qaddejja tiegħu.”—Apokalissi 19:1, 2.

Il-​Qaddejja T’Alla Attakkati

6, 7. Il-​qaddejja taʼ Jehovah għala jistgħu jkunu fiduċjużi meta jiġu attakkati matul it-​“tribulazzjoni kbira”?

6 Wara li jkunu qerdu r-​reliġjon falza, l-​elementi politiċi jduru għall-​qaddejja taʼ Jehovah. Satana, ‘Gog taʼ l-​art taʼ Magog’ fil-​profezija, jgħid: “Ħa nintefaʼ fuq nies kwieti, li jgħammru b’moħħhom mistrieħ.” Billi jaħseb li huma xi priża faċli, jattakkahom b’“eżerċtu qawwi . . . bħalma sħaba tgħatti l-​art.” (Eżekjel 38:2, 10-16) In-​nies taʼ Jehovah jafu li dan l-​attakk se jfalli għaliex huma jafdaw f’Jehovah.

7 Meta Farawni u l-​eżerċti tiegħu ħassew li kienu qabdu lill-​qaddejja taʼ Jehovah f’nasba ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar, Jehovah b’mod mirakoluż ħeles lin-​nies tiegħu u qered l-​eżerċti taʼ l-​Eġittu. (Eżodu 14:26-28) Matul it-​“tribulazzjoni kbira,” meta l-​ġnus jaħsbu li jkunu qabdu lin-​nies taʼ Jehovah f’nasba, hu għal darb’oħra b’mod mirakoluż se jiġi biex jeħlishom: “Dakinhar, . . . għadbi jitlaʼ fi mnifsejja. Fis-​saħna taʼ l-​għira u n-​nar tad-​dagħdigħa tiegħi jien għedt [“se jkolli nitkellem,” NW].” (Eżekjel 38:18, 19) Il-​quċċata tat-​“tribulazzjoni kbira” dak inhar se tkun imminenti!

8. Liema ġrajjiet soprannaturali jseħħu qabel ma Jehovah jgħaddi esekuzzjoni fuq l-​uħud mill-​agħar, u b’liema effett?

8 F’xi ħin wara li tibda t-​“tribulazzjoni kbira,” imma qabel ma Jehovah jesegwixxi l-​ġudizzju tiegħu fuq il-​bqija taʼ din id-​dinja, se jseħħu ġrajjiet soprannaturali. Innota x’effett se jkollhom. “Mbagħad jidher fis-​sema s-​sinjal taʼ Bin il-​bniedem [Kristu], il-​popli kollha taʼ l-​art jibdew jagħtu fuq sidirhom, u jaraw lil Bin il-​bniedem ġej fuq is-​sħab tas-​sema b’qawwa u glorja kbira.” (Mattew 24:29, 30) [Se] “jkun hemm sinjali fix-​xemx u l-​qamar u l-​kwiekeb . . . in-​nies ruħhom ħierġa bil-​biżaʼ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-​dinja.”—Luqa 21:25, 26.

“Il-​Ħelsien Tagħkom Qiegħed Joqrob”

9. Il-​qaddejja taʼ Jehovah għala jistgħu ‘jerfgħu rjushom ’il fuq’ meta jseħħu ġrajjiet soprannaturali?

9 F’dak iż-​żmien partikulari, tibda tgħodd il-​profezija taʼ Luqa 21:28 [NW]. Ġesù qal: “Malli jibdew iseħħu dawn l-​affarijiet, qumu dritti u erfgħu rjuskom ’il fuq, għaliex il-​ħelsien tagħkom qiegħed joqrob.” L-​għedewwa t’Alla se jkunu qegħdin jitriegħdu bil-​biżaʼ minħabba li jkunu jafu li l-​ġrajjiet soprannaturali li jkunu qegħdin iseħħu jkunu ġejjin minn Jehovah. Imma l-​qaddejja taʼ Jehovah se jifirħu għaliex se jkunu jafu li l-​ħelsien tagħhom ikun qiegħed joqrob.

10. Il-​Kelma t’Alla kif tiddeskrivi l-​quċċata tat-​“tribulazzjoni kbira”?

10 Jehovah imbagħad jagħti d-​daqqa tal-​mewt lis-​sistema taʼ Satana: “U jien nivvendika ruħi minnu [minn Gog] bil-​pesta u bid-​demm; nibgħatlu xita bil-​qliel, silġ daqs iċ-​ċagħak, nar u kubrit, fuq il-​qtajjaʼ tiegħu . . . U jkunu jafu li jien il-​Mulej.” (Eżekjel 38:22, 23) Kull traċċa tas-​sistema taʼ Satana tiġi meqruda. Is-​soċjetà umana kollha kemm hi taʼ nies li jinjoraw lil Alla se tiġi meqruda. Dik hija l-​quċċata Armageddon tat-​“tribulazzjoni kbira.”—Ġeremija 25:31-33; 2 Tessalonikin 1:6-8; Apokalissi 16:14, 16; 19:11-21.

11. Il-​qaddejja taʼ Jehovah għala jiġu meħlusin matul it-​“tribulazzjoni kbira”?

11 Miljuni t’adoraturi taʼ Jehovah madwar id-​dinja se jiġu meħlusin matul it-​“tribulazzjoni kbira.” Dawn jifformaw il-​“kotra kbira” li ħarġu minn “kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Għala jiġu meħlusin b’dan il-​mod li tant jispira biżaʼ? Għaliex qegħdin ‘lejl u nhar jaqdu’ lil Jehovah. Għalhekk isalvaw mit-​tmiem taʼ din id-​dinja u jiġu mdaħħlin f’dinja ġdida taʼ tjieba. (Apokalissi 7:9-15) B’hekk, huma jkunu xhieda tat-​twettiq tal-​wegħda taʼ Jehovah: “Ittama fil-​Mulej u ħares triqtu, hu jerfgħek biex tikseb l-​art; mbagħad tara l-​ħżiena meqruda.”—Salm 37:34.

Id-​Dinja L-​Ġdida

12. Dawk li jsalvaw minn Armageddon lejn xiex jistgħu jħarsu ’l quddiem?

12 Xi żmien eċċitanti se jkun dak​—it-​tneħħija tal-​ħażen u ż-​żerniq taʼ l-​iktar era glorjuża fl-​istorja umana kollha! (Apokalissi 20:1-4) Kemm se jkunu grati lejn Jehovah dawk li jsalvaw minn Armageddon talli jkunu daħlu f’ċiviltà sabiħa u nadifa magħmula minn Alla, dinja ġdida, fuq art li se tiġi ttrasformata f’ġenna! (Luqa 23:43) U qatt ma jkollhom għalfejn imutu iktar! (Ġwann 11:26) Tabilħaqq, minn dak inhar ’il quddiem, se jkollhom il-​prospett taʼ l-​għaġeb u meraviljuż li jgħixu daqskemm jgħix Jehovah!

13. Ġesù kif se jissokta bix-​xogħol taʼ fejqan li beda fuq l-​art?

13 Ġesù, il-​wieħed maħtur minn Jehovah bħala Sultan tas-​sema, se jieħu ħsieb il-​barkiet mirakolużi li se jgawdu dawk il-​meħlusin. Meta kien fuq l-​art, fetaħ għajnejn għomja u widnejn torox u fejjaq “kull xorta taʼ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.” (Mattew 9:35; 15:30, 31) Fid-​dinja l-​ġdida, se jissokta b’dak ix-​xogħol taʼ fejqan imma fuq skala globali. Bħala l-​Aġent t’Alla, se jwettaq il-​wegħda: “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-​ħwejjeġ taʼ qabel.” (Apokalissi 21:4) Qatt iktar ma se jkun hemm bżonn taʼ tobba jew taʼ dawk li jorganizzaw il-​funerali!—Isaija 25:8; 33:24.

14. Liema ħelsien se jiġi għall-​qaddejja taʼ Jehovah li jkunu diġà mietu?

14 Se jiġu meħlusin ukoll dawk il-​qaddejja leali kollha t’Alla li mietu fil-​passat. Fid-​dinja l-​ġdida, se jiġu meħlusin minn taħt difrejn il-​qabar. Jehovah jiggarantixxi: “Kemm it-​tajbin u kemm il-​ħżiena għad iqumu minn bejn l-​imwiet.” (Atti 24:15) X’aktarx, “it-​tajbin” se jiġu rxoxtati qabel u se jikkontribwixxu f’li jespandu l-​Ġenna. Kemm se tkun ħaġa affaxxinanti għal dawk li jsalvaw minn Armageddon li jisimgħu l-​esperjenzi taʼ dawk leali li mietu żmien twil ilu, u li issa jkunu reġgħu ħadu l-​ħajja!—Ġwann 5:28, 29.

15. Iddeskrivi xi wħud mill-​kundizzjonijiet li se jiġu esperjenzati fid-​dinja l-​ġdida.

15 Dawk kollha li jkunu ħajjin imbagħad se jesperjenzaw dak li s-​salmista qal dwar Jehovah: “Int tiftaħ idek, u xxabbaʼ ’l kulħadd bil-​ġid.” (Salm 145:16) Qatt iktar ġuħ: L-​art se tiġi rrestawrata għal bilanċ ekoloġiku u tipproduċi bl-​abbundanza. (Salm 72:16) Qatt iktar nies bla dar: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom,” u kull individwu se jpoġġi “taħt id-​dielja tiegħu, u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom.” (Isaija 65:21, 22; Mikea 4:4) Qatt iktar biżaʼ: Mhux se jkun hemm iktar gwerra, vjolenza, jew kriminalità. (Salm 46:9, 10 [Salm 46:8, 9, NW]; Proverbji 2:22) “Issa li strieħet u kkwitat l-​art kollha, [“in-​nies,” NW] nfexxew f’għajat taʼ ferħ.”—Isaija 14:7.

16. It-​tjieba għala se timla lid-​dinja l-​ġdida?

16 Fid-​dinja l-​ġdida, il-​mezzi taʼ propaganda taʼ Satana se jkunu ġew imneħħijin. Minflok, “in-​nies tad-​dinja jitgħallmu l-​ġustizzja.” (Isaija 26:9; 54:13) B’istruzzjoni spiritwali bnina sena wara l-​oħra, “mimlija hi l-​art bl-​għarfien tal-​Mulej bħalma l-​baħar hu miksi bl-​ilmijiet.” (Isaija 11:9) Ħsibijiet u azzjonijiet li jibnu se jimlew lill-​umanità. (Filippin 4:8) Immaġina, soċjetà taʼ nies mad-​dinja kollha ħielsa mill-​kriminalità, mill-​egotiżmu, u mill-​għira​—fratellanza internazzjonali fejn kulħadd jipproduċi l-​frott taʼ l-​ispirtu t’Alla. Tabilħaqq, saħansitra issa kwalitajiet bħal dawn qegħdin jiġu kkultivati mill-​folla l-​kbira.—Galatin 5:22, 23.

Għala Dam Daqshekk?

17. Jehovah għala dam daqshekk qabel ma jtemm il-​ħażen?

17 Madankollu, Jehovah għala dam daqshekk biex ineħħi l-​ħażen u jeħles lin-​nies tiegħu għal ġod-​dinja l-​ġdida? Ikkunsidra x’kellu jitwettaq. L-​iktar importanti huwa l-​ivvindikar tas-​sovranità taʼ Jehovah, id-​dritt tiegħu li jaħkem. Billi ħalla li jgħaddi żmien biżżejjed, hu wera bla ebda dubju taʼ xejn, li l-​ħakma umana apparti mis-​sovranità tiegħu spiċċat biex kienet falliment kolossali. (Ġeremija 10:23) Għalhekk issa Jehovah hu ġġustifikat bis-​sħiħ li jissostitwixxi l-​ħakma umana bil-​ħakma tas-​Saltna tiegħu tas-​sema taħt Kristu.—Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10.

18. Id-​dixxendenti t’Abraham meta kellhom jirtuha l-​art taʼ Kangħan?

18 Dak li seħħ matul dawn is-​sekli kollha huwa simili għal dak li ġara fi żmien Abraham. Jehovah qal lil Abraham li d-​dixxendenti tiegħu kellhom jirtu l-​art taʼ Kangħan​—imma mhux qabel erbaʼ mitt sena oħra “għax il-​ħażen taʼ l-​Amurrin s’issa [kien] għadu ma laħaqx l-​aqwa tiegħu.” (Ġenesi 12:1-5; 15:13-16) Hawnhekk it-​terminu “Amurrin” (tribù dominanti) x’aktarx li jirrappreżenta lin-​nies taʼ Kangħan inġenerali. Għalhekk kellhom jgħaddu madwar erbaʼ sekli qabel ma Jehovah kellu jgħin lin-​nies tiegħu biex jieħdu lil Kangħan taħt idejhom. Sadattant Jehovah ħalla lill-​ġnus f’Kangħan jiżviluppaw is-​soċjetajiet tagħhom. B’liema riżultat?

19, 20. Il-​Kangħaniti liema tip taʼ soċjetajiet żviluppaw?

19 Il-​Bible Handbook, taʼ Henry H. Halley, jinnota li f’Megiddo, xi arkeoloġisti sabu l-​fdalijiet taʼ tempju t’Astoret, alla u mart Bagħal. Hu jikteb: “Ftit passi biss ’il bogħod minn dan it-​tempju kien hemm ċimiterju, fejn instabu ħafna buqari, li kien fihom fdalijiet taʼ trabi li kienu ġew issagrifikati f’dan it-​tempju . . . Il-​profeti taʼ Bagħal u Astoret kienu assassini uffiċċjali taʼ tfal ċkejknin.” “Drawwa orribbli oħra kienet [dik] li kienu jsejħulha ‘sagrifiċċji tal-​pedament.’ Meta kienet se tinbena xi dar, kienu jissagrifikaw tifel jew tifla u jidfnu ġisimhom fil-​ħajt.”

20 Halley jikkummenta: “Il-​qima taʼ Bagħal, Astoret, u xi allat Kangħaniti oħrajn kienet tikkonsisti f’orġji mill-​iktar stravaganti; it-​tempji tagħhom kienu ċentri għall-​vizzju . . . Il-​Kangħaniti qiemu, permezz taʼ kondotta immorali eċċessiva, . . . u mbagħad, billi joqtlu lil uliedhom li jitwieldu l-​ewwel, bħala sagrifiċċju lil dawn l-​istess allat. Jidher li, fil-​biċċa l-​kbira, l-​art taʼ Kangħan kienet saret speċi taʼ Sodom u Gomorra fuq skala nazzjonali. . . . Kellha ċivilizzazzjoni b’daqshekk ħmieġ u kefrija mistmerrin, xi dritt li tibqaʼ teżisti? . . . Arkeoloġisti li jħaffru fir-​rovini taʼ bliet Kangħaniti jistagħġbu kif Alla ma qeridhomx qabel.”—Qabbel 1 Slaten 21:25, 26.

21. Liema xebh hemm bejn is-​sitwazzjoni tal-​Kangħaniti u dik taʼ żmienna?

21 Il-​ħażen taʼ l-​Amurrin kien ‘laħaq l-​aqwa tiegħu.’ Għalhekk Jehovah kien issa ġġustifikat bis-​sħiħ li jeqridhom darba għal dejjem. L-​istess jgħodd għal-​lum. Din id-​dinja hija mimlija bi vjolenza, immoralità, u stmerrija għal-​liġijiet t’Alla. U ladarba aħna b’mod xieraq ninsabu ddiżgustati minħabba l-​issagrifikar waħxi tat-​tfal f’Kangħan tal-​qedem, xi ngħidu dwar is-​sagrifiċċji t’għaxriet taʼ miljuni taʼ żgħażagħ fil-​gwerer taʼ din id-​dinja, bil-​wisq agħar minn kwalunkwe ħaġa f’Kangħan? Ċertament li Jehovah hu issa ġġustifikat bis-​sħiħ f’li jtemm lil din is-​sistema mill-​agħar.

Twettaq Xi Ħaġa Oħra

22. Il-​paċenzja taʼ Jehovah x’qiegħda twettaq fi żmienna?

22 Il-​paċenzja taʼ Jehovah f’dawn l-​aħħar jiem qiegħda twettaq xi ħaġa oħra. Hu qiegħed iħalli żmien biex jiġbor u jeduka lill-​folla l-​kbira, li diġà tgħodd iktar minn ħames miljuni. Taħt id-​direzzjoni taʼ Jehovah, huma ġew ifformati f’organizzazzjoni li dejjem miexja ’l quddiem. Irġiel, nisa, u żgħażagħ jiġu mħarrġin biex jgħallmu veritajiet tal-​Bibbja lil oħrajn. Permezz tal-​laqgħat tagħhom u taʼ pubblikazzjonijiet dwar il-​Bibbja, huma jitgħallmu l-​mogħdijiet t’Alla kollhom imħabba. (Ġwann 13:34, 35; Kolossin 3:14; Lhud 10:24, 25) Barra minn hekk, qegħdin jiżviluppaw abbiltajiet fil-​bini, fl-​elettronika, fl-​istampar, u oqsma oħrajn sabiex jappoġġjaw l-​ippridkar taʼ l-​“Evanġelju.” (Mattew 24:14) X’aktarx li abbiltajiet bħal dawn taʼ tagħlim u taʼ bini, se jiġu wżati bis-​sħiħ fid-​dinja l-​ġdida.

23. Għala huwa privileġġ li nkunu ħajjin f’dan iż-​żmien?

23 Iva, Jehovah illum qiegħed jipprepara lill-​qaddejja tiegħu biex jgħaddu mit-​“tribulazzjoni kbira” għal ġo dinja ġdida taʼ tjieba. Ma se jkun hemm ebda Satana u d-​dinja mill-​agħar tiegħu biex iħabbtu wiċċhom magħha, ebda mard, niket, u mewt. B’ħafna entużjażmu u ferħ in-​nies t’Alla se jkomplu bl-​inkarigu hieni li jibnu ġenna, fejn kull ġurnata se tkun ‘għaxqa.’ Kemm aħna privileġġati li qegħdin ngħixu fil-​quċċata taż-​żminijiet, li nafu u naqdu lil Jehovah, u li nirrealizzaw li dalwaqt se ‘nerfgħu rasna, għax il-​fidwa tagħna hi fil-​qrib’!—Luqa 21:28; Salm 146:5.

(w97 4/1)

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni

◻ X’inhi t-​“tribulazzjoni kbira,” u kif tibda?

◻ L-​attakk taʼ Gog fuq il-​qaddejja taʼ Jehovah għala se jfalli?

◻ It-​“tribulazzjoni kbira” kif se tintemm?

◻ Id-​dinja l-​ġdida liema benefiċċji meraviljużi se tipprovdi?

◻ Jehovah għala dam daqshekk qabel ma jġib it-​tmiem taʼ din is-​sistema?

[Stampa f’paġna 30]

L-​art kollha kemm hi se tiġi ttrasformata f’ġenna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja