Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandhom il-Kristjani Jkunu Foqra?
ĠESÙ darba qal lil wieħed mexxej żagħżugħ u għani li kellu jmur ibigħ il-ġid tiegħu kollu u jagħtih lill-foqra. Ir-rakkont jgħid li ż-żagħżugħ tnikket minħabba dak li qal Ġesù u telaq b’qalbu sewda, “għaliex kellu bosta ġid.” Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna taʼ Alla!” Ġesù żied: “Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet!”—Mark 10:21-23; Mattew 19:24.
X’ried ifisser Ġesù? Huma l-qima vera u l-għana inkompatibbli? Għandhom il-Kristjani jħossuhom ħatjin jekk ikollhom il-flus? Qiegħed Alla jistenna li jgħixu ħajja mċaħħda totalment minn kumditajiet jew lussu materjali?
Alla Jilqaʼ “l-Bnedmin Kollha”
Fl-imgħoddi Alla ma stenniex li l-Iżraelin jgħixu fil-faqar. Ikkunsidra: Wara li l-art ġiet imqassma u kulħadd ħa sehmu, in-nies bdew jaħdmu fil-biedja u jinnegozjaw biex jipprovdu għalihom infushom u għall-maħbubin tagħhom. Fatturi bħall-kundizzjonijiet ekonomiċi, it-temp, is-saħħa, jew id-dehen fin-negozju kienu se jeffettwaw is-suċċess taʼ l-isforzi tagħhom. Il-Liġi taʼ Mosè dderiġiet lill-Iżraelin biex juru l-mogħdrija jekk xi wħud ikunu sofrew ekonomikament u ftaqru. (Levitiku 25:35-40) Mill-banda l-oħra, xi wħud saru sinjuri. Bogħaż, raġel taʼ fidi u integrità li sar antenat taʼ Ġesù Kristu, hu deskritt bħala “bniedem għani ħafna.”—Rut 2:1.
Is-sitwazzjoni baqgħet l-istess matul il-ħajja taʼ Ġesù. Meta Ġesù kellem liż-żagħżugħ għani li semmejna fil-bidu, ma kellux l-intenzjoni li jinkuraġġixxi ħajja assolutament mingħajr ebda kumdità. Minflok, kien qed jgħallem lezzjoni importanti. Minn ħarsa umana, forsi jidher impossibbli li individwi għonja juru l-umiltà u jaċċettaw il-mezz tas-salvazzjoni li pprovda Alla. Madankollu, Ġesù qal: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun: għal Alla kollox jistaʼ jkun.”—Mattew 19:26.
Il-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu laqgħet lill-“bnedmin kollha.” (1 Timotju 2:4) Dan inkluda lil xi wħud li kienu għonja, oħrajn li kienu jaqilgħuha biżżejjed biex jgħixu komdi, u ħafna li kienu foqra. Xi individwi setgħu forsi ġemmgħu r-rikkezzi qabel ma saru Kristjani. F’każi oħrajn, ċirkustanzi favorevoli u deċiżjonijiet għaqlin fin-negozju forsi żviluppaw f’ġid iktar tard.
Bl-istess mod illum, il-fratellanza Kristjana tinkludi persuni f’ċirkustanzi ekonomiċi differenti. Ilkoll kemm huma jistinkaw biex isegwu l-gwida tal-Bibbja fuq il-kwistjoni tal-flus, għaliex il-materjaliżmu jistaʼ jeffettwa lil kulħadd. Il-lezzjoni li għallem Ġesù u li tinvolvi lill-mexxej żagħżugħ għani tiftaħ għajnejn kull Kristjan għall-fatt li l-flus u l-affarijiet materjali jistgħu jkollhom kontroll qawwi fuq persuna.—Mark 4:19.
Twissija għall-Għonja
Waqt li l-għana fih innifsu m’huwiex kundannat, l-imħabba għall-flus hija. Pawlu, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, qal: “Ir-regħba għall-flus hi l-għerq taʼ kull ħażen.” Hu nnota li billi ċedew l-interessi spiritwali għax-xewqa li jkunu għonja, “xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir.”—1 Timotju 6:10.
Taʼ interess, Pawlu ta istruzzjonijiet speċifiċi għall-għonja. Hu qal: “Lil dawk li huma għonja bil-ġid taʼ din l-art widdibhom biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-xabaʼ biex ingawdu bih.” (1 Timotju 6:17) B’hekk, il-kliem taʼ Pawlu jindika li hemm periklu li nies għonja jistgħu forsi jsiru kburin u jħossuhom superjuri għal oħrajn. Huma għandhom mnejn ukoll jiġu ttantati jaħsbu li l-ġid jistaʼ joffri sigurtà vera—xi ħaġa li Alla biss jistaʼ jipprovdiha bis-sħiħ.
Kristjani tat-tajjeb jistgħu jgħassu kontra dawn il-perikli billi “jistagħnu b’opri tajba.” Dawn l-opri jinkludu “li jkunu ġenerużi u jaqsmu maʼ oħrajn,” billi jagħtu assistenza ġeneruża lil dawk fil-bżonn. (1 Timotju 6:18) Il-Kristjani—għonja u foqra—jistgħu jużaw ftit mir-riżorsi tagħhom biex jaqsmu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, li hu wieħed mill-interessi ewlenin għall-Kristjani veri llum. Dan l-ispirtu ġeneruż juri attitudni xierqa lejn l-affarijiet materjali u jħabbeb persuna maʼ Alla Jehovah u Ġesù Kristu, li jħobbu lil min jagħti bil-ferħ.—Mattew 24:14; Luqa 16:9; 2 Korintin 9:7.
L-Affarijiet Iktar Importanti
Jidher ċar li l-Kristjani m’humiex mistennijin li jkunu foqra. Lanqas ma għandhom ikunu determinati li jistagħnu. (1 Timotju 6:9) Huma sempliċement jaħdmu iebes biex jaqilgħu l-għajxien raġunevoli tagħhom. Minħabba s-sistema ekonomika li jkunu jgħixu fiha u diversi fatturi oħra, l-isforzi tagħhom se jġibu livelli differenti taʼ suċċess.—Koħèlet 11:6.
Huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi finanzjarji tagħhom, il-Kristjani għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu “żguri mill-affarijiet iktar importanti.” (Filippin 1:10, NW) Billi jpoġġu valuri spiritwali l-ewwel, huma jkunu qed “jaħżnu għalihom infushom teżor sabiħ għal li ġej, biex bih jiksbu l-ħajja, il-ħajja vera.”—1 Timotju 6:19.