LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 3/1 pp. 26-32
  • Henjin Huma Dawk li Jibqgħu Mqajmin!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Henjin Huma Dawk li Jibqgħu Mqajmin!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġej Bħal Ħalliel
  • Kif Aħna Nistgħu Nibqgħu Mqajmin
  • Iż-​Żmien Dalwaqt Jiskadi
  • Jiġri X’Jiġri, Ibqgħu Mqajmin!
  • “Ishru!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Kunu Lesti għall-Jum taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ibqaʼ Mqajjem fiż-“Żmien tat-Tmiem”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Għala għandna ‘nibqgħu għassa’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 3/1 pp. 26-32

Henjin Huma Dawk li Jibqgħu Mqajmin!

“Arani ġej bħal ħalliel! Hieni min jishar [“jibqaʼ mqajjem,” “NW”]u jieħu ħsieb l-​ilbiesi tiegħu.”—APOKALISSI 16:15.

1. Ladarba l-​jum taʼ Jehovah huwa qrib, x’nistgħu nistennew?

IL-​JUM il-​kbir taʼ Jehovah huwa qrib, u dak ifisser gwerra! Fil-​viżjoni, l-​appostlu Ġwanni ra “spirti taʼ demonji” qishom żrinġijiet ħerġin għal għand is-​“slaten,” jew ħakkiema kollha taʼ l-​art. Biex jagħmlu liema ħaġa? Biex “jiġbruhom għall-​gwerra taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox”! Ġwanni żied: “Jiġbruhom fil-​post li bil-​Lhudi jsejjħulu Ħarmagedon.”—Apokalissi 16:13-16.

2. Min hu Gog taʼ Magog, u x’se jiġri meta jattakka lin-​nies taʼ Jehovah?

2 Dalwaqt, Jehovah se jqanqal lill-​element politiku taʼ din is-​sistema biex jeqred lil Babilonja l-​Kbira, l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 17:1-5, 15-17) Imbagħad Gog taʼ Magog, Satana x-​Xitan imbaxxi lejn il-​viċinanza taʼ l-​art, se jiġmaʼ lill-​qtajjiet tiegħu u se jattakka b’ħiltu kollha lin-​nies paċifiċi taʼ Jehovah li jidhru bla difiża. (Eżekjel 38:1-12) Imma Alla se jaġixxi biex jeħles lin-​nies tiegħu. Dak se jimmarka t-​tifqigħa taʼ “Jum il-​Mulej, kbir u tal-​biżaʼ!”—Ġoel 3:4 [Ġoel 2:31, NW]; Eżekjel 38:18-20.

3. Kif tiddeskrivi l-​iżviluppi mbassrin f’Eżekjel 38:21-23?

3 Iva, Jehovah se jeħles lin-​nies tiegħu u jeqred kull traċċa li jibqaʼ tas-​sistema taʼ Satana meta naslu fis-​sitwazzjoni tad-​dinja msejħa Ħar–​Magedon, jew Armageddon. Aqra l-​kliem profetiku li hemm f’Eżekjel 38:21-23, u immaġina x-​xena quddiem għajnejk. Jehovah jeżerċita l-​qawwa tiegħu biex iġib ħalbiet li jgħarrqu, silġ kbir li jagħmel ħerba, nar li jinfirex f’ħakka t’għajn, pesta qattiela. Il-​paniku jirrenja mad-​dinja kollha hekk kif il-​qtajjiet taʼ Gog jiġu mitfugħin f’konfużjoni, waqt li jiġġieldu kontra xulxin. Kwalunkwe għedewwa t’Alla li jistaʼ kollox li jibqgħu ħajjin jiġu mogħtijin l-​esekuzzjoni hekk kif Jehovah juża mezzi soprannaturali biex isalva lill-​qaddejja tiegħu. Meta t-​“tribulazzjoni kbira” mbassra tkun intemmet, xejn ma se jkun baqaʼ minn din is-​sistema ħażina taʼ Satana. (Mattew 24:21, NW) Saħansitra waqt li jkunu fl-​uġigħ tal-​mewt, madankollu, l-​uħud mill-​agħar se jsiru jafu min hu responsabbli għall-​hemm tagħhom. Dak Alla vittorjuż tagħna nnifsu jgħid: “[I]kunu jafu li jien il-​Mulej.” Dawn il-​ġrajjiet straordinarji se jseħħu fi żmienna, matul il-​preżenza taʼ Ġesù.

Ġej Bħal Ħalliel

4. Ġesù b’liema manjiera se jiġi biex jeqred lil din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar?

4 Il-​Mulej igglorifikat Ġesù Kristu qal: “Arani ġej bħal ħalliel!” Miġja bħal ħalliel tkun għal għarrieda, f’ħin mhux mistenni, meta l-​biċċa l-​kbira tan-​nies ikunu reqdin. Meta Ġesù jiġi bħal ħalliel biex jeqred lil din is-​sistema mill-​agħar, hu se jippreserva lil dawk li huma verament imqajmin. Hu qal lil Ġwanni: “Hieni min jishar [“jibqaʼ mqajjem,” NW] u jieħu ħsieb l-​ilbiesi tiegħu biex ma jimxix għarwien u jarawlu l-​għera tiegħu.” (Apokalissi 16:15) X’inhu s-​sinjifikat taʼ dak il-​kliem? U kif nistgħu aħna nibqgħu mqajmin spiritwalment?

5. Liema arranġament għas-​servizz tat-​tempju eżista meta Ġesù kien fuq l-​art?

5 Ġeneralment, għassies ma jiġix imneżżaʼ għarwien jekk ikun raqad fuq xogħlu. Imma dak ġara fit-​tempju f’Ġerusalemm meta Ġesù kien fuq l-​art u t-​taqsimiet taʼ qassisin u Leviti qdew fit-​tempju f’Ġerusalemm. Kien fis-​seklu 11 Q.E.K. li s-​Sultan David irranġa l-​mijiet taʼ qassisin u l-​eluf t’assistenti Levitiċi tagħhom f’organizzazzjoni magħmula minn 24 taqsima. (1 Kronaki 24:1-18) Kull taqsima taʼ iktar minn elf ħaddiem imħarreġ, skond kif kien imissha kienet tieħu ħsieb l-​aspetti tas-​servizz tat-​tempju minn taʼ l-​inqas darbtejn fis-​sena għal ġimgħa sħiħa kull darba. Fil-​Festa taʼ l-​Għerejjex, iżda, l-​24 taqsima kienu kollha jkunu preżenti fuq xogħlhom. Għajnuna miżjuda kienet meħtieġa wkoll fil-​festi tal-​Qbiż.

6. Ġesù għal xiex għandu mnejn alluda meta qal, “Hieni min jishar [“jibqaʼ mqajjem,” NW] u jieħu ħsieb l-​ilbiesi tiegħu”?

6 Meta Ġesù qal, “Hieni min jishar [“jibqaʼ mqajjem,” NW] u jieħu ħsieb l-​ilbiesi tiegħu,” għandu mnejn kien qiegħed jalludi għal proċedura taʼ dak iż-​żmien li kienet tinvolvi xogħol t’għassa fit-​tempju. Il-​Mixna Lhudija tgħid: “Il-​qassisin kienu joqogħdu għassa fi tliet postijiet fit-​Tempju: fil-​Kamra t’Abtinas, fil-​Kamra tal-​Fjamma, u fil-​Kamra tal-​Fuklar; u l-​leviti f’wieħed u għoxrin post: ħamsa fil-​ħames xatbiet tal-​Muntanja tat-​Tempju, erbgħa fl-​erbaʼ rkejjen tagħha fuq ġewwa, ħamsa fil-​ħames xatbiet tal-​Bitħa tat-​Tempju, erbgħa fl-​erbaʼ rkejjen fuq barra, u wieħed fil-​Kamra taʼ l-​Offerti, u wieħed fil-​Kamra tal-​Purtiera, u wieħed wara l-​post tas-​Siġġu tal-​Ħniena [barra l-​ħajt taʼ wara taʼ l-​Iktar Qaddis]. L-​uffiċjal tal-​Muntanja tat-​Tempju kien idur lil kull għassies b’torċi mixgħulin quddiemu, u jekk xi għassies ma kienx iqum u jgħidlu, ‘O Uffiċjal tal-​Muntanja tat-​Tempju, il-​paċi miegħek!’ u jkun evidenti li hu kien rieqed, kien isawtu bil-​bastun tiegħu, u kellu d-​dritt li jaħraqlu ħwejġu.”​—Il-​Mixna, Middoth (“Qisien”), 1, paragrafi 1-2, tradott minn Herbert Danby.

7. Il-​qassisin u l-​Leviti li kienu jkunu għassa fit-​tempju għala kien jeħtieġ li jibqgħu mqajmin?

7 Il-​partita Leviti u qassisin tat-​taqsima li tkun qiegħda taqdi kienu jibqgħu mqajmin il-​lejl kollu biex joqogħdu għassa u ma jħallu lil ħadd mhux nadif jidħol fil-​btieħi tat-​tempju. Ladarba “l-​uffiċjal tal-​Muntanja tat-​Tempju,” jew “il-​kmandant tat-​tempju,” kien jagħmel ir-​ronda taʼ l-​24 stazzjon kollha kemm huma matul l-​għases taʼ bil-​lejl, kull għassies kellu jibqaʼ mqajjem f’postu jekk ma riedx li jinqabad jiskarta.—Atti 4:1.

8. X’inhu l-​ilbies taʼ fuq figurattiv taʼ Kristjan?

8 Kristjani midlukin u qaddejja sħabhom jeħtieġ li jibqgħu mqajmin spiritwalment u jżommu l-​ilbies taʼ fuq figurattiv tagħhom. Dawn huma l-​evidenzi minn barra tal-​ħatra tagħna għall-​ministeru fit-​tempju spiritwali taʼ Jehovah. B’rikonoxximent taʼ dan, aħna għandna l-​ispirtu qaddis, jew forza attiva, t’Alla biex jgħinna nwettqu d-​dmirijiet tagħna u nattwaw il-​privileġġi tagħna bħala proklamaturi tas-​Saltna. Li norqdu fuq xogħlna bħala ministri t’Alla jpoġġina fil-​periklu taʼ li ninqabdu minn Ġesù Kristu, il-​Kmandant tat-​tempju l-​kbir spiritwali. Jekk inkunu reqdin spiritwalment f’dak iż-​żmien, aħna se niġu mneżżgħin għarwenin b’mod figurattiv u se jkollna l-​ilbies simboliku tagħna maħruq. Mela kif nistgħu nibqgħu mqajmin spiritwalment?

Kif Aħna Nistgħu Nibqgħu Mqajmin

9. Għala huwa tant importanti studju tal-​Bibbja bil-​għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani?

9 Studju diliġenti taʼ l-​Iskrittura bil-​għajnuna taʼ pubblikazzjonijiet Kristjani huwa stimulant għal li nibqgħu mqajmin spiritwalment. Studju bħal dan se jgħammarna għall-​ministeru, se jgħinna niffaċċjaw xi kriżijiet, u se jurina l-​mogħdija għall-​hena etern. (Proverbji 8:34, 35; Ġakbu 1:5-8) L-​istudju tagħna għandu jkun bir-​reqqa u progressiv. (Lhud 5:14–6:3) Ikel tajjeb li jittiekel regolarment jgħinna nibqgħu mqajmin u attenti. Jistaʼ jżomm lura t-​telqa li tistaʼ tkun sinjal taʼ malnutriment. M’għandna ebda raġuni biex inkunu malnutriti u bi ngħas spiritwalment, għax Alla qiegħed jagħmel provvediment abbundanti għal ikel spiritwali permezz taʼ “l-​irsir leali u diskret” midluk. (Mattew 24:45-47, NW) Konsum regulari taʼ ikel spiritwali permezz taʼ studju persunali u tal-​familja huwa mod wieħed biex nibqgħu mqajmin u nkunu ‘sħaħ fil-​fidi.’—Titu 1:13.

10. Il-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet Kristjani kif jgħinuna biex nibqgħu mqajmin spiritwalment?

10 Il-​laqgħat, l-​assembleat, u l-​konvenzjonijiet Kristjani jgħinuna nżommu mqajmin spiritwalment. Dawn jipprovdu inkuraġġiment u opportunitajiet biex “[i]nħajjru lil xulxin għall-​imħabba u għall-​għemil tajjeb.” Speċjalment għandna ninġabru flimkien regolarment hekk kif ‘naraw li qiegħed joqrob il-​Jum.’ Dak il-​jum issa huwa tabilħaqq qrib. Huwa “jum il-​Mulej,” meta hu se jivvindika s-​sovranità tiegħu. Jekk dak il-​jum huwa tassew importanti għalina​—u hekk għandu jkun—​aħna mhux se ‘naqtgħu mil-​laqgħat tagħna flimkien.’—Lhud 10:24, 25; 2 Pietru 3:10.

11. Għala jistaʼ jingħad li l-​ministeru Kristjan huwa essenzjali għal li aħna nżommu mqajmin spiritwalment?

11 Parteċipazzjoni b’qalbna kollha fil-​ministeru Kristjan hija essenzjali biex nibqgħu mqajmin spiritwalment. Sehem regulari u żeluż fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba jżommna attenti. Il-​ministeru tagħna jagħtina ħafna opportunitajiet biex nitkellmu man-​nies dwar il-​Kelma t’Alla, is-​Saltna tiegħu, u l-​iskopijiet tiegħu. Huwa sodisfaċenti li nagħtu xiehda minn dar għal dar, nagħmlu żjajjar lura, u nikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar minn fuq pubblikazzjonijiet bħalma huwa l-​Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem. Anzjani f’Efesu tal-​qedem setgħu jixhdu li Pawlu kien għallimhom “fil-​beraħ u kemm fid-​djar.” (Atti 20:20, 21) M’għandniex xi ngħidu, xi Xhieda leali taʼ Jehovah għandhom problemi serji taʼ saħħa li b’xi mod ifixklu l-​ministeru tagħhom, imma huma jsibu modi biex jgħidu lil oħrajn dwar Jehovah u l-​istat tiegħu taʼ Sultan u jiksbu ferħ kbir f’li jagħmlu dan.—Salm 145:10-14.

12, 13. Għal liema raġunijiet għandna nevitaw li nieklu u nixorbu b’mod eċċessiv?

12 Li nevitaw li nitħanżru se jgħinna biex nibqgħu mqajmin spiritwalment. Meta kien qiegħed jitkellem dwar il-​preżenza tiegħu, Ġesù ħeġġeġ lill-​appostli tiegħu: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-​ikel u x-​xorb żejjed u s-​sokor ma jmewwtulkomx qalbkom, u tħallux li l-​ħafna tħassib għall-​ħtiġiet tal-​ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-​Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqaʼ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-​art kollha.” (Luqa 21:7, 34, 35) Il-​gula u s-​sokor m’humiex f’armonija mal-​prinċipji tal-​Bibbja. (Dewteronomju 21:18-21) Proverbji 23:20, 21 jgħid: “Tagħmilhiex maʼ dawk li jlegilgu l-​inbid, u maʼ dawk li għandhom kilba għal-​laħam; għax l-​ikel u x-​xorb żejjed iwasslu għall-​faqar, u min iħobb l-​irqad iċ-​ċraret jilbes.”—Proverbji 28:7.

13 Anki jekk l-​ikel żejjed u x-​xorb żejjed ma jwasslux sa dak il-​punt, madankollu, dawn jistgħu jagħmlu lil persuna bi ngħas, saħansitra traskurata dwar li tagħmel ir-​rieda t’Alla. Naturalment, se jkun hemm anzjetajiet li jinvolvu l-​ħajja tal-​familja, is-​saħħa, u affarijiet oħrajn. Madankollu, se nkunu ferħanin jekk inpoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel fil-​ħajja u jkollna fiduċja li Missierna tas-​sema se jipprovdilna. (Mattew 6:25-34) Inkella, “dak il-​Jum” se jiġi fuqna bħal “nassa,” forsi bħala nassa moħbija li se taqbadna għal għarrieda jew bħala nassa bil-​lixka bħal dik li tattira u mbagħad taqbad annimali li ma jkunu qegħdin jissuspettaw xejn. Dan mhux se jiġri jekk aħna nibqgħu mqajmin, konxji bis-​sħiħ li qegħdin ngħixu fiż-​“żmien taʼ l-​aħħar.”—Danjel 12:4.

14. Għala għandna nieħdu sehem f’talb bis-​serjetà?

14 Talb bis-​serjetà huwa għajnuna oħra biex wieħed jibqaʼ mqajjem spiritwalment. Fil-​profezija l-​kbira tiegħu Ġesù kompla ħeġġeġ: “Ishru [“Ibqgħu mqajmin,” NW], mela, u itolbu l-​ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kull ma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-​bniedem.” (Luqa 21:36) Iva, ejjew nitolbu sabiex inkunu dejjem fuq in-​naħa taʼ Jehovah u ngawdu waqfa approvata meta Ġesù, Bin il-​bniedem, jiġi biex jeqred lil din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. Għall-​ġid tagħna stess u għall-​ġid taʼ kredenti sħabna li għalihom nitolbu, jeħtieġ li ‘nżommu sħaħ [“imqajmin,” NW] fit-​talb.’—Kolossin 4:2; Efesin 6:18-20.

Iż-​Żmien Dalwaqt Jiskadi

15. X’jitwettaq bis-​servizz tagħna bħala xandâra tat-​tjieba?

15 Hekk kif nistennew il-​jum il-​kbir taʼ Jehovah, bla dubju nixtiequ li nagħmlu dak kollu li nistgħu fis-​servizz tiegħu. Jekk aħna nitolbuh bis-​serjetà dwar dan, ‘bieb kbir fejn naħdmu sewwa’ jistaʼ jinfetaħ għalina. (1 Korintin 16:8, 9) Fiż-​żmien maħtur t’Alla, Ġesù se jagħmel ġudizzju u jissepara lin-​“nagħaġ” twajbin li jixirqilhom ħajja taʼ dejjem mill-​“mogħoż” mill-​agħar li jixirqilhom il-​qerda għal dejjem. (Ġwann 5:22) Mhux aħna li nisseparaw in-​ngħaġ mill-​mogħoż. Imma s-​servizz tagħna bħala xandâra tat-​tjieba qiegħed issa jagħti opportunità lin-​nies biex jagħżlu ħajja taʼ servizz lejn Alla u b’hekk ikollhom it-​tama li jkunu sseparati għall-​ħajja meta Ġesù “jiġi . . . fil-​glorja tiegħu.” Il-​ftit żmien li baqaʼ għal din is-​sistema t’affarijiet jintensifika l-​ħtieġa għal attività b’qalb sħiħa hekk kif infittxu lil dawk “disposti sewwa għall-​ħajja taʼ dejjem.”—Mattew 25:31-46; Atti 13:48, NW.

16. Għala għandna nkunu proklamaturi żelużi tas-​Saltna?

16 Iż-​żmien skada għad-​dinja taʼ żmien Noè, u dalwaqt se jiskadi għal din is-​sistema t’affarijiet. Ejjew għalhekk inkunu proklamaturi żelużi tas-​Saltna. Ix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar miexi ’l quddiem, għax kull sena mijiet t’eluf qegħdin jitgħammdu b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla. Huma qegħdin isiru parti mill-​organizzazzjoni mbierka taʼ Jehovah​—il-​“poplu tiegħu u n-​nagħaġ tal-​mergħa tiegħu.” (Salm 100:3) X’ferħ hemm f’li tieħu sehem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna li jġib tama lil tant nies qabel “Jum il-​Mulej, kbir u tal-​biżaʼ”!

17, 18. (a) Hekk kif nippridkaw, liema reazzjoni għandna nistennew mingħand xi wħud? (b) X’se jiġrilhom żgur dawk li jwaqqgħu għaċ-​ċajt?

17 Bħal Noè, aħna għandna l-​appoġġ u l-​protezzjoni t’Alla. Iva, in-​nies, l-​anġli li mmaterjalizzaw, u n-​Nefilim għandhom mnejn li waqqgħuh għaċ-​ċajt il-​messaġġ taʼ Noè, imma dak lilu ma waqqfux. Illum xi wħud iwaqqgħuna għaċ-​ċajt meta nuruhom l-​evidenza abbundanti dwar li qegħdin ngħixu fl-​“aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:1-5) Irredikolar bħal dan huwa bi twettiq tal-​profezija tal-​Bibbja rigward il-​preżenza taʼ Kristu, għax Pietru kiteb: “Fl-​aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir u jwaqqgħu kollox għaż-​żufjett, nies li jaġixxu skond ix-​xewqat ħżiena tagħhom; u jibdew jgħidu: ‘Fejn hi l-​wegħda tal-​miġja [“preżenza,” NW] tiegħu? Għax sa minn meta mietu missirijietna, kollox baqaʼ miexi kif kien sa mill-​bidu tal-​ħolqien.’” (Korsiv tagħna.)—2 Pietru 1:16; 3:3, 4.

18 Uħud li jwaqqgħu għaċ-​ċajt fi żmienna għandhom mnejn jaħsbu: ‘Xejn ma nbidel mill-​ħolqien ’il hawn. Il-​ħajja għadha sejra, in-​nies jieklu, jixorbu, jiżżewġu, u jrabbu l-​familja. Anki jekk Ġesù hu preżenti, mhux se jesegwixxi ġudizzju fi żmieni.’ Xi żball għandhom! Jekk sadattant ma jmutux minn kawżi oħrajn, il-​jum li jispira l-​biżaʼ taʼ Jehovah żgur li se jiġi fuqhom, sewwa sew bħalma l-​qerda katakliżmika fid-​dilluvju temmet lill-​ġenerazzjoni mill-​agħar fi żmien Noè.—Mattew 24:34.

Jiġri X’Jiġri, Ibqgħu Mqajmin!

19. Kif għandna nqisu l-​attivitajiet tagħna li nagħmlu dixxipli?

19 Jekk aħna ddedikati lil Jehovah, jalla qatt ma nsiru bi ngħas minħabba raġunar mhux xieraq. Dan huwa żmien biex nibqgħu mqajmin, biex neżerċitaw fidi fil-​profezija divina, u biex inwettqu l-​inkarigu tagħna li ‘nagħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha.’ (Mattew 28:19, 20) Hekk kif din is-​sistema tiffaċċja t-​tmiem finali tagħha, ma jistax ikollna privileġġ akbar minn dak li naqdu lil Alla Jehovah taħt it-​tmexxija taʼ Ġesù Kristu u li nieħdu sehem fix-​xogħol madwar id-​dinja taʼ li nippridkaw “l-​Evanġelju tas-​Saltna” qabel ma jiġi t-​tmiem.—Mattew 24:14; Mark 13:10.

20. Kaleb u Ġożwè liema eżempju stabbilew, u l-​korsa tagħhom x’tindikalna?

20 Xi wħud min-​nies taʼ Jehovah ilhom jaqduh għal ħafna għaxriet taʼ snin, forsi għal għomorhom. U anki jekk ħaddanna l-​vera qima fi żmien riċenti, jalla nkunu bħal Kaleb l-​Israelit, li “żamm sħiħ mal-​Mulej.” (Dewteronomju 1:34-36) Hu u Ġożwè kienu ppreparati sewwa biex jidħlu fl-​Art Imwiegħda ftit wara l-​ħelsien taʼ Israel mill-​jasar fl-​Eġittu. L-​Israeliti adulti inġenerali, madankollu, naqsithom il-​fidi u kellhom iqattgħu 40 sena fix-​xagħri, fejn mietu. Kaleb u Ġożwè ssaportew tbatijiet flimkien magħhom tul dak iż-​żmien kollu, imma eventwalment dawk iż-​żewġt irġiel daħlu fl-​art tal-​wegħda. (Numri 14:30-34; Ġożwè 14:6-15) Jekk ‘inżommu bis-​sħiħ mal-​Mulej,’ u nibqgħu mqajmin spiritwalment, se jkollna l-​ferħ li nidħlu fid-​dinja l-​ġdida mwiegħda t’Alla.

21. X’se tkun l-​esperjenza tagħna jekk nibqgħu mqajmin spiritwalment?

21 L-​evidenza turi ċar li qegħdin fiż-​żmien tat-​tmiem u li l-​jum il-​kbir taʼ Jehovah huwa qrib. Dan m’huwiex żmien li nsiru bi ngħas u traskurati f’li nagħmlu r-​rieda divina. Se niġu mberkin biss jekk nibqgħu mqajmin spiritwalment u nżommu l-​ilbies tagħna taʼ identifikazzjoni bħala ministri u qaddejja Kristjani taʼ Jehovah. Jalla d-​determinazzjoni tagħna tkun li ‘nishru [“nibqgħu mqajmin,” NW], inżommu sħaħ fil-​fidi, inkunu qalbiena, insaħħu ruħna.’ (1 Korintin 16:13) Bħala qaddejja taʼ Jehovah, jalla kull wieħed u waħda minna nkunu sodi u kuraġġużi. Imbagħad se nkunu fost dawk li huma lesti meta jiġi l-​jum il-​kbir taʼ Jehovah, billi naqdu fedelment fost dawk il-​henjin li jibqgħu mqajmin.

(w97 3/1)

Kif Twieġeb Int?

◻ Int kif tiddefinih l-​ilbies taʼ fuq figurattiv tagħna, u kif nistgħu nżommuh?

◻ Liema huma xi modi biex tibqaʼ mqajjem spiritwalment?

◻ Għala għandna nistennew li xi wħud iwaqqgħuna għaċ-​ċajt u kif għandna nqisuhom?

◻ Kif għandna nqisuh ix-​xogħol tagħna li nagħmlu dixxipli f’dawn l-​aħħar jiem?

[Kumment f’paġna 28]

Il-​Kristjani għandhom l-​ispirtu qaddis t’Alla biex jgħinhom jibqgħu mqajmin u jwettqu dmirijiethom

[Stampa f’paġna 27]

Determinat int li tibqaʼ mqajjem spiritwalment u żżomm fuqek l-​ilbies taʼ fuq figurattiv tiegħek?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja