LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 1/1 pp. 7-12
  • Żomm mal-Mudell li Ħalla Ġesù

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm mal-Mudell li Ħalla Ġesù
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Bżonn taʼ l-​Umiltà
  • Umli Fost Ħutna
  • Ħarsa Xierqa Lejn it-​Tajjeb u l-​Ħażin
  • Kif Tikkultiva l-​Ħarsa taʼ Ġesù Lejn it-​Tajjeb u l-​Ħażin
  • Meta Niffaċċjaw il-​Persekuzzjoni
  • “Ilbsu l-​Mulej Ġesù Kristu”
  • Ġesù Ħallielna l-Mudell tal-Umiltà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
  • Ikkultiva Umiltà Ġenwina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Jien . . . Umli f’Qalbi”
    “Ejja Kun Segwaċi Tiegħi”
  • ‘Ilbsu l-Umiltà’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 1/1 pp. 7-12

Żomm mal-​Mudell li Ħalla Ġesù

“Ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.”​—ĠWANNI 13:15.

1. Ġesù għala huwa mudell li l-​Kristjani għandhom jimitaw?

MATUL l-​istorja kollha taʼ l-​umanità, individwu wieħed biss għex ħajtu kollha mingħajr ma dineb. Dan kien Ġesù. Minbarra Ġesù, “ma hemmx bniedem li ma jidnibx.” (1 Slaten 8:​46; Rumani 3:​23) Għal din ir-​raġuni, il-​Kristjani ġenwini jqisu lil Ġesù bħala mudell perfett għalihom biex jimitawh. Tabilħaqq, fl-​14 taʼ Nisan, 33 E.K., ftit qabel mewtu, Ġesù stess qal lis-​segwaċi tiegħu biex jimitawh. Hu qal: “Ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.” (Ġwanni 13:15) Matul dak l-​aħħar lejl, Ġesù semma diversi affarijiet li l-​Kristjani għandhom jistinkaw biex jimitawh fihom. F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw xi ftit minnhom.

Il-​Bżonn taʼ l-​Umiltà

2, 3. Ġesù kif kien mudell perfett t’umiltà?

2 Meta Ġesù ħeġġeġ lid-​dixxipli tiegħu biex isegwu l-​mudell li ħalla, hu kien qed jitkellem b’mod speċifiku dwar l-​umiltà. F’iktar minn okkażjoni waħda, hu ta l-​parir lis-​segwaċi tiegħu biex ikunu umli, u fil-​lejl taʼ l-​14 taʼ Nisan, hu wera l-​umiltà tiegħu stess billi ħasel saqajn l-​appostli tiegħu. Imbagħad, Ġesù qal: “Jekk jien, għalkemm Mulej u Għalliem, ħsiltilkom saqajkom, intom ukoll għandkom taħslu saqajn xulxin.” (Ġwanni 13:14) Imbagħad, hu qal lill-​appostli tiegħu biex isegwu l-​mudell li ħalla. U x’mudell mill-​aqwa t’umiltà kien dan!

3 L-​appostlu Pawlu jgħidilna li qabel ġie fuq l-​art, Ġesù kien “jeżisti fis-​sura t’Alla.” Madankollu, hu xejjen lilu nnifsu u sar sempliċi bniedem. Iktar minn hekk, hu “umilja ruħu u sar ubbidjenti sal-​mewt, iva, sal-​mewt fuq zokk tat-​tortura.” (Filippin 2:​6-8) Aħseb ftit dwar dan. Ġesù, it-​tieni l-​akbar persuna fl-​univers, qabel li jiċċekken iktar mill-​anġli, jitwieled bħala tarbija li ma tistaʼ tagħmel xejn, jitrabba sottomess lejn ġenituri imperfetti, u fl-​aħħar imut bħal kriminal mibgħud. (Kolossin 1:​15, 16; Ebrej 2:​6, 7) X’umiltà dik! Nistgħu nimitaw dik “l-​attitudni mentali” u nikkultivaw “umiltà” bħal din? (Filippin 2:​3-5) Iva, imma m’huwiex faċli.

4. B’liema affarijiet jitkabbru l-​bnedmin, imma l-​kburija għala hija perikoluża?

4 L-​oppost taʼ l-​umiltà huwa l-​kburija. (Proverbji 6:​16-​19) Il-​kburija wasslet għar-​rovina taʼ Satana. (1 Timotju 3:6) Din malajr tistaʼ tiżviluppa fil-​qlub tal-​bnedmin, u ladarba tkun hemm, diffiċli biex tinqalaʼ. In-​nies ikunu kburin minħabba pajjiżhom, ir-​razza tagħhom, l-​affarijiet li jkollhom, l-​edukazzjoni tagħhom, l-​affarijiet sekulari li jkunu wettqu, il-​qagħda soċjali tagħhom, id-​dehra, l-​abbiltajiet tagħhom fl-​isports, u ħafna affarijiet oħrajn. Madankollu, xejn minn dan m’hu importanti għal Ġeħova. (1 Korintin 4:7) U jekk iġagħluna nitkabbru, dawn iħassrulna r-​relazzjoni tagħna miegħu. “Għalkemm fil-​għoli l-​Mulej, hu jħares lejn min hu umli: iżda lill-​imkabbrin jagħrafhom mill-​bogħod.”​—Salm 138:​6, Karm Żammit; Proverbji 8:​13.

Umli Fost Ħutna

5. Għala huwa vitali li l-​anzjani jkunu umli?

5 Lanqas dak li nagħtu u nwettqu fis-​servizz taʼ Ġeħova m’għandu jagħtina raġuni biex nitkabbru, u lanqas m’għandhom ir-​responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. (1 Kronaki 29:14; 1 Timotju 6:​17, 18) Fil-​fatt, iktar ma jkollna responsabbiltajiet kbar, iktar għandna bżonn inkunu umli. L-​appostlu Pietru ħeġġeġ lill-​anzjani biex ma ‘jiddominawx fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla imma jsiru eżempji għall-​merħla.’ (1 Pietru 5:3) L-​anzjani jinħatru biex ikunu qaddejja u eżempji, mhux biex ikunu wħud li jiddominaw u sidien.​—Luqa 22:​24-​26; 2 Korintin 1:​24.

6. F’liema aspetti tal-​ħajja Kristjana għandna bżonn l-​umiltà?

6 Mhux l-​anzjani biss għandhom bżonn l-​umiltà. Lill-​irġiel iżgħar fl-​età, li forsi jkunu kburin li moħħhom jgħaġġel iktar u ġisimhom hu iżjed b’saħħtu minn taʼ wħud akbar, Pietru kiteb: “Tħażżmu bl-​umiltà lejn xulxin, għax Alla jopponi lis-​suppervi, imma juri qalb tajba mhix mistħoqqa maʼ l-​umli.” (1 Pietru 5:5) Iva, l-​umiltà bħal taʼ Kristu hija vitali għal kulħadd. Hemm bżonn l-​umiltà biex nippridkaw l-​aħbar tajba, speċjalment meta niffaċċjaw indifferenza jew mibegħda. Neħtieġu l-​umiltà biex naċċettaw parir jew nissimplifikaw ħajjitna ħalli nżidu s-​sehem tagħna fil-​ministeru. Iktar minn hekk, għandna bżonn l-​umiltà kif ukoll fidi kuraġġuża meta nkunu qed nissaportu rapporti negattivi dwarna, attakki legali, jew persekuzzjoni vjolenti.​—1 Pietru 5:6.

7, 8. X’inhuma xi modi kif nistgħu nikkultivaw l-​umiltà?

7 Wieħed kif jistaʼ jegħleb il-​kburija u jġib ruħu ‘b’umiltà u jqis lill-​oħrajn superjuri għalih’? (Filippin 2:3) Irid iqis lilu nnifsu bħalma jqisu Ġeħova. Ġesù spjega l-​attitudni xierqa meta qal: “Intom, ukoll, meta tkunu għamiltu kulma ġejtu mqabbdin tagħmlu, għidu, ‘Aħna lsiera li m’aħna tajbin għalxejn. Għamilna dak li kellna nagħmlu.’” (Luqa 17:10) Tinsiex, Ġesù għamel bil-​wisq iktar minn dak li qatt nistgħu nagħmlu aħna. Minkejja dan, Ġesù kien umli.

8 Iktar minn hekk, nistgħu nitolbu għall-​għajnuna taʼ Ġeħova biex nikkultivaw il-​ħarsa xierqa lejna nfusna. Bħas-​salmista, nistgħu nitolbu: “Fehma tajba u għerf għallimni, għax jien nemmen fil-​kmandamenti tiegħek.” (Salm 119:66) Ġeħova se jgħinna niżviluppaw ħarsa sensibbli u bilanċjata lejna nfusna, u hu se jberikna għall-​attitudni umli tagħna. (Proverbji 18:12) Ġesù qal: “Kulmin jitgħolla jiġi umiljat, u kulmin jumilja ruħu jitgħolla.”​—Mattew 23:12.

Ħarsa Xierqa Lejn it-​Tajjeb u l-​Ħażin

9. Ġesù kif kien iqis it-​tajjeb u l-​ħażin?

9 Minkejja li għex 33 sena fost nies imperfetti, Ġesù baqaʼ “mingħajr dnub.” (Ebrej 4:​15) Fil-​fatt, meta kien qed jipprofetizza dwar il-​Messija, is-​salmista qal: “Int tħobb il-​ġustizzja u tobgħod il-​ħażen.” (Salm 45:8 [45:​7, NW]; Ebrej 1:9) F’dan ukoll il-​Kristjani jistinkaw biex jimitaw lil Ġesù. Mhux biss jagħrfu t-​tajjeb mill-​ħażin; huma jobogħdu l-​ħażin u jħobbu t-​tajjeb. (Għamos 5:​15) Dan jgħinhom jiġġieldu kontra l-​inklinazzjonijiet midinbin li twieldu bihom.​—Ġenesi 8:​21; Rumani 7:​21-​25.

10. Jekk bla ndiema nipprattikaw “affarijiet vili,” x’attitudni nkunu qed nuru li għandna?

10 Ġesù qal lil Nikodemu l-​Fariżew: “Min jipprattika affarijiet vili jobgħod id-​dawl u ma jiġix għad-​dawl, sabiex l-​għemejjel tiegħu ma jinkixfux. Imma min jagħmel dak li hu veru jiġi għad-​dawl, sabiex l-​għemejjel tiegħu jidhru li saru fi qbil mar-​rieda t’Alla.” (Ġwanni 3:​20, 21) Aħseb ftit: Ġwanni identifika lil Ġesù bħala “d-​dawl veru li jdawwal lil kull xorta taʼ bnedmin.” (Ġwanni 1:​9, 10) Madankollu, Ġesù qal li jekk nipprattikaw “affarijiet vili”​—affarijiet li huma ħżiena u li Alla ma jaċċettahomx​—inkunu nobogħdu d-​dawl. Tistaʼ timmaġina li tobgħod lil Ġesù u dak li jirrappreżenta? Madankollu, hekk ikunu qed jagħmlu dawk li jipprattikaw id-​dnub bla ndiema. Forsi ma jħarsux lejn il-​kwistjoni b’dan il-​mod, imma Ġesù hekk iħares lejha.

Kif Tikkultiva l-​Ħarsa taʼ Ġesù Lejn it-​Tajjeb u l-​Ħażin

11. Jekk irridu nikkultivaw il-​ħarsa taʼ Ġesù lejn it-​tajjeb u l-​ħażin, x’inhu vitali għalina?

11 Għandna bżonn fehma ċara taʼ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin mill-​ħarsa taʼ Ġeħova. Din il-​fehma niksbuha biss minn studju tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Hekk kif insegwu studju bħal dan, irridu nitolbu bħalma talab is-​salmista: “Triqatek, Mulej, għarrafni, il-​mogħdijiet tiegħek għallimni.” (Salm 25:4) Madankollu, tinsiex li Satana huwa qarrieq. (2 Korintin 11:14) Jistaʼ jaħbi l-​ħażin u jagħmlu jidher aċċettabbli għal Kristjan li ma jkunx għassa. Għaldaqstant, irridu nimmeditaw fil-​fond fuq dak li nitgħallmu u nimxu mill-​qrib fuq il-​pariri taʼ l-​“ilsir leali u għaqli.” (Mattew 24:​45-​47) L-​istudju, it-​talb, u l-​meditazzjoni fuq dak li nitgħallmu se jgħinuna nikbru lejn il-​maturità u nkunu fost dawk li “bl-​użu għandhom is-​sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:​14) Imbagħad, se nkunu inklinati li nobogħdu l-​ħażin u nħobbu t-​tajjeb.

12. Liema parir Bibliku jgħinna biex ma nipprattikawx il-​ħażen?

12 Jekk nobogħdu l-​ħażin, m’aħniex se nħallu x-​xewqa għall-​affarijiet ħżiena tikber f’qalbna. Bosta snin wara li miet Ġesù, l-​appostlu Ġwanni kiteb: “Tħobbux id-​dinja u lanqas dak li hemm fid-​dinja. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier mhix fih; għax kulma hemm fid-​dinja​—ix-​xewqa tal-​laħam u xxewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja​—ma joriġinax mill-​Missier, imma mid-​dinja.”​—1 Ġwanni 2:​15, 16.

13, 14. (a) Għala huwa perikoluż għall-​Kristjani li jħobbu l-​affarijiet tad-​dinja? (b) Kif nistgħu nevitaw li nikkultivaw imħabba għall-​affarijiet fid-​dinja?

13 Xi wħud jistgħu jirraġunaw li mhux kulma hemm fid-​dinja hu ħażin. Xorta waħda, id-​dinja u lġibdiet tagħha jistgħu jaljenawna faċilment milli naqdu lil Ġeħova. U xejn minn dak li tipprovdi d-​dinja m’għandu l-​iskop li jressaqna eqreb lejn Alla. Għaldaqstant, jekk insiru nħobbu l-​affarijiet tad-​dinja, anki affarijiet li fihom infushom m’humiex ħżiena, inkunu qbadna triq perikoluża. (1 Timotju 6:​9, 10) Barra minn hekk, ħafna minn dak li hemm fid-​dinja huwa tassew ħażin u jistaʼ jikkorrompina. Jekk naraw films jew programmi televiżivi li jenfasizzaw il-​vjolenza, il-​materjaliżmu, jew l-​immoralità sesswali, dawn l-​affarijiet jistgħu jsiru aċċettabbli għalina​—imbagħad jibdew iħajruna. Jekk nitħalltu maʼ nies li l-​iktar li jinteressahom hu li jtejbu l-​istil taʼ ħajja tagħhom jew li jiżviluppaw opportunitajiet tan-​negozju, dawk l-​affarijiet jistgħu jsiru l-​iktar importanti għalina wkoll.​—Mattew 6:​24; 1 Korintin 15:33.

14 Mill-​banda l-​oħra, jekk nitgħaxxqu bil-​Kelma taʼ Ġeħova, “ix-​xewqa tal-​laħam u x-​xewqa taʼ l-​għajnejn u l-​iffanfrar bil-​mezzi tal-​ħajja” m’humiex se jibqgħu jħajruna daqstant. Iktar minn hekk, jekk nissieħbu maʼ dawk li jpoġġu l-​interessi tas-​Saltna t’Alla l-​ewwel, se nsiru bħalhom, inħobbu dak li jħobbu huma u nevitaw dak li jevitaw huma.​—Salm 15:4; Proverbji 13:20.

15. Bħal fil-​każ taʼ Ġesù, l-​imħabba għal dak li hu sewwa u l-​mibegħda għall-​ħażen kif jistgħu jsaħħuna?

15 Il-​mibegħda għall-​ħażen u l-​imħabba għal dak li hu sewwa għenu lil Ġesù biex iżomm għajnejh fuq “il-​ferħ li tqiegħed quddiemu.” (Ebrej 12:2) Dan jistaʼ japplika fil-​każ tagħna wkoll. Nafu li “d-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll.” Kwalunkwe tgawdija li toffri din id-​dinja hija biss temporanja. Madankollu, “min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:​17) Peress li Ġesù għamel ir-​rieda t’Alla, hu fetaħ it-​triq biex il-​bnedmin jiksbu l-​ħajja taʼ dejjem. (1 Ġwanni 5:13) Jalla lkoll kemm aħna nimitawh u nibbenefikaw mill-​integrità tiegħu.

Meta Niffaċċjaw il-​Persekuzzjoni

16. Ġesù għala ħeġġeġ lis-​segwaċi tiegħu biex iħobbu lil xulxin?

16 Ġesù indika mod ieħor kif id-​dixxipli tiegħu kienu se jimitawh, meta qal: “Dan hu l-​kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.” (Ġwanni 15:​12, 13, 17) Hemm ħafna raġunijiet għala l-​Kristjani jħobbu lil ħuthom. F’din l-​okkażjoni, Ġesù fuq kollox kellu f’moħħu l-​mibegħda li kellhom jiffaċċjaw mid-​dinja. Hu qal: “Jekk id-​dinja tobgħodkom, tafu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom. . . . Ilsir mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, jippersegwitaw lilkom ukoll.” (Ġwanni 15:​18, 20) Iva, anki meta jiġu persegwitati, il-​Kristjani jkunu bħal Ġesù. Jeħtieġ li jiżviluppaw rabta b’saħħitha u taʼ mħabba bejniethom li tgħinhom jifilħu għal dik il-​mibegħda.

17. Id-​dinja għala tobgħodhom lill-​Kristjani veri?

17 Id-​dinja għala tobgħodhom lill-​Kristjani? Għaliex, bħal Ġesù, huma “m’humiex parti mid-​dinja.” (Ġwanni 17:​14, 16) Huma newtrali fi kwistjonijiet militari u politiċi, u jżommu mal-​prinċipji Bibliċi billi jirrispettaw il-​qdusija tal-​ħajja u jgħixu skond livelli morali għoljin. (Atti 15:​28, 29; 1 Korintin 6:​9-​11) Il-​miri ewlenin tagħhom huma spiritwali, mhux materjali. Huma jgħixu fid-​dinja, imma bħalma kiteb Pawlu, “ma jużawhiex bis-​sħiħ.” (1 Korintin 7:​31) Veru, xi wħud esprimew l-​ammirazzjoni tagħhom lejn il-​livelli għoljin tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova ma jagħmlux kompromessi biex oħrajn jammirawhom jew jaċċettawhom. Minħabba f’hekk, il-​biċċa l-​kbira min-​nies fid-​dinja ma jifhmuhomx, u ħafna jobogħduhom.

18, 19. Billi jsegwu l-​mudell taʼ Ġesù, il-​Kristjani kif jirreaġixxu għall-​oppożizzjoni u l-​persekuzzjoni?

18 L-​appostli taʼ Ġesù setgħu jinnotaw il-​mibegħda qawwija tad-​dinja meta Ġesù ġie arrestat u maqtul, u raw kif Ġesù rreaġixxa għal dik il-​mibegħda. Fil-​ġnien tal-​Ġetsemani, l-​għedewwa reliġjużi taʼ Ġesù marru biex jarrestawh. Pietru pprova jipproteġih b’sejf, imma Ġesù qal lil Pietru: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mattew 26:52; Luqa 22:​50, 51) Fiż-​żminijiet taʼ qabel, l-​Iżraelin kienu jiġġieldu bis-​sjuf kontra l-​għedewwa tagħhom. Iżda issa l-​affarijiet kienu differenti. Is-​Saltna t’Alla ma kinitx “parti minn din id-​dinja” u ma kellha l-​ebda fruntieri nazzjonali x’tipproteġi. (Ġwanni 18:36) Pietru dalwaqt kien se jkun parti minn ġens spiritwali, li l-​membri tiegħu kienu se jkunu ċittadini tas-​sema. (Galatin 6:​16; Filippin 3:​20, 21) Għalhekk, minn dakinhar ’il quddiem is-​segwaċi taʼ Ġesù kienu se jirreaġixxu għall-​mibegħda u l-​persekuzzjoni bħalma rreaġixxa Ġesù​—bla biżaʼ imma bil-​paċi. Bil-​fiduċja kienu se jħallu r-​riżultat taʼ l-​affarijiet f’idejn Ġeħova u jistrieħu fuqu biex jagħtihom is-​saħħa ħalli jissaportu.​—Luqa 22:42.

19 Snin wara, Pietru kiteb: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu. . . . Meta kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-​ġustizzja.” (1 Pietru 2:​21-​23) Eżatt bħalma kien wissa Ġesù, il-​Kristjani ġarrbu persekuzzjoni ħarxa matul is-​snin. Kemm fl-​ewwel seklu u kemm fi żmienna, huma segwew l-​eżempju taʼ Ġesù u stabbilew reputazzjoni mill-​aqwa taʼ sabar bil-​fedeltà, u b’hekk urew li huma jżommu l-​integrità kif ukoll il-​paċi. (Rivelazzjoni 2:​9, 10) Jalla lkoll kemm aħna b’mod individwali nagħmlu l-​istess meta niffaċċjaw ċirkustanzi simili.​—2 Timotju 3:​12.

“Ilbsu l-​Mulej Ġesù Kristu”

20-22. Il-​Kristjani b’liema mod ‘jilbsu l-​Mulej Ġesù Kristu’?

20 Pawlu kiteb lill-​kongregazzjoni f’Ruma: “Ilbsu l-​Mulej Ġesù Kristu, u tippjanawx bil-​quddiem għax-​xewqat tal-​laħam.” (Rumani 13:14) Il-​Kristjani bħallikieku jilbsu lil Ġesù bħal libsa. Huma jħabirku biex jimitaw il-​kwalitajiet u l-​azzjonijiet tiegħu sal-​punt li jsiru riflessjoni​—avolja imperfetta​—taʼ Sidhom.​—1 Tessalonikin 1:6.

21 Se jirnexxilna ‘nilbsu l-​Mulej Ġesù Kristu’ jekk insiru midħla tal-​ħajja tas-​Sid u nistinkaw biex ngħixu kif għex hu. Aħna nimitaw l-​umiltà tiegħu, imħabbtu għal dak li hu sewwa, il-​mibegħda tiegħu għall-​ħażen, l-​imħabba tiegħu għal ħutu, il-​fatt li ma kien ebda parti mid-​dinja, u l-​fatt li bil-​paċenzja ssaporta t-​tbatija. Aħna ‘ma nippjanawx bil-​quddiem għax-​xewqat tal-​laħam’​—jiġifieri, li l-​iskop prinċipali f’ħajjitna ma jkunx li nilħqu miri sekulari jew li nissodisfaw xewqat tal-​laħam. Minflok, meta nieħdu deċiżjoni jew nittrattaw problema, nistaqsu: ‘Kieku Ġesù x’kien jagħmel f’din is-​sitwazzjoni? Xi jkun iridni nagħmel?’

22 Fl-​aħħar, nimitaw lil Ġesù billi nżommu ruħna okkupati ‘fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba.’ (Mattew 4:​23; 1 Korintin 15:58) B’dan il-​mod ukoll, il-​Kristjani jsegwu l-​mudell li ħalla Ġesù, u l-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif.

Tistaʼ Tispjega?

• Għala huwa vitali li Kristjan ikun umli?

• Kif nistgħu nikkultivaw ħarsa xierqa lejn it-​tajjeb u l-​ħażin?

• Il-Kristjani b’liema mod jimitaw lil Ġesù meta jiffaċċjaw oppożizzjoni u persekuzzjoni?

• Kif nistgħu ‘nilbsu l-​Mulej Ġesù Kristu’?

[Stampa f’paġna 7]

Ġesù ħalla mudell perfett t’umiltà

[Stampa f’paġna 8]

Kull aspett tal-​ħajja Kristjana, inkluż l-​ippridkar, jeħtieġ l-​umiltà

[Stampa f’paġna 9]

Satana jistaʼ jagħmel divertiment mhux xieraq jidher aċċettabbli għal Kristjan

[Stampa f’paġna 10]

L-​imħabba għal ħutna se ssaħħaħna kontra l-​oppożizzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja