LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 6/15 pp. 22-25
  • Ġesù—Il-Ħakkiem li “Għandu l-Bidu Tiegħu mill-Qedem”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġesù—Il-Ħakkiem li “Għandu l-Bidu Tiegħu mill-Qedem”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Mill-​Qedem”
  • Il-​Kelliemi għal Jehovah
  • Sottomissjoni Leali
  • Glorja Qabel u wara li Sar Bniedem
  • Jidher il-​Messija
  • Lealtà mill-​“Qedem”
  • Onora lill-Iben, l-Aġent Ewlieni taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Ġesù għala jissejjaħ l-Iben t’Alla?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Jehovah—Alla li Jgħallem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 6/15 pp. 22-25

Ġesù—Il-​Ħakkiem li “Għandu l-​Bidu Tiegħu mill-​Qedem”

KEMM tħossok eċċitat hekk kif tistenna l-​wasla taʼ xi qarib li ilek ma tarah żmien twil. Fl-​aħħar, tiltaqaʼ miegħu u tagħtih merħba mill-​qalb. Toqgħod tisimgħu b’attenzjoni hekk kif jgħidlek għala missieru bagħtu jżurek. Imbagħad malajr jasal iż-​żmien biex jerġaʼ lura lejn daru. B’sogħba tgħidlu saħħa. It-​telfa li ħassejt meta telaq tibda ttaffi hekk kif tismaʼ l-​aħbar li wasal id-​dar qawwi u sħiħ.

Iktar tard, waqt li tkun qed tqalleb xi karti antiki, tintebaħ b’xi ittri li jsemmu fuq fuq il-​bravuri li għamel il-​qarib tiegħek ħafna qabel ma beda l-​vjaġġ tiegħu biex jiltaqaʼ miegħek. Dak li hemm fl-​ittri joffri tifsir interessanti dwar l-​ambjent tiegħu u jkabbar l-​apprezzament tiegħek kemm għaż-​żjara tiegħu u kemm għax-​xogħol preżenti tiegħu.

“Mill-​Qedem”

Fost id-​dokumenti antiki disponibbli għal-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu kien hemm il-​kitbiet tal-​profeta t’Alla Mikea, iddokumentati bejn wieħed u ieħor sebaʼ mitt sena qabel. Dawn juru preċiżament il-​post tat-​twelid tal-​Messija. “Imma int, Betlehem taʼ Efrata, ċkejkna fost il-​familji taʼ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael; hu għandu l-​bidu tiegħu mill-​qedem, sa minn dejjem taʼ dejjem.” (Mikea 5:1 [Mikea 5:2, NW]) Preċiżament bħalma stqarr dan il-​kliem, Ġesù twieled fir-​raħal Ġudean taʼ Betlehem f’dik li issa tissejjaħ is-​sena 2 Q.E.K. Imma l-​bidu tiegħu kif jistaʼ jkun “mill-​qedem”?

Ġesù kellu eżistenza qabel ma sar bniedem. Fl-​ittra tiegħu lill-​Kristjani f’Kolossi, l-​appostlu Pawlu ddeskriva lil Ġesù bħala “x-​xbieha taʼ Alla li ma jidhir[x], il-​kbir fost il-​ħlejjaq kollha.” (Korsiv tagħna.)—Kolossin 1:15.

Jehovah, is-​Sors taʼ l-​għerf, ħalaq lill-​ewwel Iben tiegħu bħala l-​‘eqdem għemil’ tiegħu, biex nużaw l-​espressjoni mnebbħa ddokumentata mis-​Sultan Salamun fil-​ktieb taʼ Proverbji. Wara l-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art u r-​ritorn tiegħu lejn is-​sema, hu ta xiehda li kien tabilħaqq “[i]l-bidu tal-​Ħolqien taʼ Alla.” Bħala l-​għerf ippersonifikat, Ġesù qabel ma sar bniedem iddikjara: “Meta [Jehovah] ħejja s-​smewwiet jien kont hemm.”—Proverbji 8:22, 23, 27; Apokalissi 3:14.

Sa mill-​bidu, l-​Iben t’Alla rċieva inkarigu uniku, dak li jkun “tfajjel [“mgħallem,” KŻ]” maġenb Missieru. X’ferħ ġablu dan lil Jehovah! “L-​għaxqa tiegħu [taʼ Jehovah], jum wara ieħor,” jinnota Proverbji 8:30, u jżid, “nitliegħeb il-​ħin kollu quddiemu.”

Jehovah iktar tard stieden lill-​ewwel Iben imwieled tiegħu biex jieħu sehem fil-​ħolqien taʼ l-​ispeċi umana. “Ħa nagħmlu l-​bniedem,” hu ddikjara, “fuq is-​sura u x-​xbieha tagħna.” (Ġenesi 1:26) Bħala riżultat, żviluppat għaxqa oħra. “Nitgħaxxaq,” spjega Ġesù qabel ma sar bniedem, “b’ulied il-​bnedmin.” (Proverbji 8:31) Fil-​bidu tal-​Vanġelu tiegħu, l-​appostlu Ġwanni rrikonoxxa l-​irwol li Ġesù kellu qabel ma sar bniedem fil-​ħolqien: “Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru.”—Ġwann 1:3.

Il-​Kelliemi għal Jehovah

Il-​kliem taʼ Ġwanni jiġbed l-​attenzjoni lejn privileġġ ieħor li kellu l-​Iben t’Alla, jiġifieri, dak taʼ kelliemi. Mill-​bidu, hu qeda bħala l-​Verb. B’hekk, meta Jehovah tkellem maʼ Adam, u meta iktar tard indirizza lil Adam flimkien maʼ Eva, x’aktarx li dan għamlu permezz tal-​Verb. U min kien iktar ikkwalifikat biex jgħaddi l-​istruzzjonijiet t’Alla għall-​benesseri tal-​bniedem minn dak li kien jitgħaxxaq bihom?—Ġwann 1:1, 2.

Min jaf kemm ħassu mweġġaʼ l-​Verb, meta ra lil Eva u mbagħad lil Adam ma jobdux lill-​Ħallieq tagħhom! U min jaf kemm ixxennaq biex jirrimedja l-​uġigħ li d-​diżubbidjenza tagħhom ġabet fuq id-​dixxendenti tagħhom! (Ġenesi 2:15-17; 3:6, 8; Rumani 5:12) Waqt li indirizza lil Satana, dak li inkuraġġixxa lil Eva biex tirribella, Jehovah ddikjara: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha.” (Ġenesi 3:15) Billi kien xhud taʼ dak li ġara f’Għeden, il-​Verb irrealizza li bħala l-​parti primarja tan-​“nisel” tal-​mara, hu kien se jsir il-​mira taʼ mibegħda vjolenti. Kien jaf li Satana kien qattiel.—Ġwann 8:44.

Meta Satana iktar tard tafaʼ dubju fuq l-​integrità tal-​leali Ġob, żgur li l-​Verb ħassu rrabjat għall-​akkużi taʼ malafama mmirati kontra Missieru. (Ġob 1:6-10; 2:1-4) Tabilħaqq, fl-​irwol tiegħu bħala l-​arkanġlu, il-​Verb hu magħruf bħala Mikiel, li ismu jfisser “Min Hu Bħal Alla?” u jindika kif hu jaqbeż għal Jehovah kontra dawk kollha li jipprovaw jaħtfu lis-​sovranità t’Alla taħt idejhom.—Danjel 12:1; Apokalissi 12:7-10.

Bħalma kixfet l-​istorja taʼ Iżrael, il-​Verb osserva l-​attentati taʼ Satana biex idawwar lill-​bnedmin ’il bogħod mill-​qima pura. Wara l-​Eżodu mill-​Eġittu, Alla qal lil Iżrael permezz taʼ Mosè: “Arani, se nibgħat anġlu quddiemek biex iħarsek fit-​triq u jwasslek fil-​post li jien ħejjejtlek. Qis li tagħtih wiċċ u tismaʼ kliemu; la tmerihx; għax ma jaħfrilkomx dnubietkom; għax hu jkellimkom f’ismi.” (Eżodu 23:20, 21) Min kien dak l-​anġlu? X’aktarx, Ġesù qabel ma sar bniedem.

Sottomissjoni Leali

Mosè miet fl-​1473 Q.E.K., u ġismu ndifen “fil-​wied f’art Mowab, fuq ir-​riħ taʼ Bet-pegħor.” (Dewteronomju 34:5, 6) Mid-​dehra, Satana ried juża l-​ġisem taʼ Mosè, possibbilment biex jippromwovi l-​idolatrija. Mikiel oppona għal dan imma bis-​sottomissjoni kollha ħalla kollox fl-​awtorità taʼ Missieru, Jehovah. ‘Billi m’ażżardax jikkundanna lil Satana bi kliem taʼ żebliħ,’ Mikiel wissa lil Satana: “Ħa jrażżnek il-​Mulej.”—Ġuda 9.

Imbagħad Iżrael beda l-​konkwista tiegħu taʼ l-​Art Imwiegħda taʼ Kangħan. Ħdejn il-​belt taʼ Ġeriko, Ġożwè rċieva l-​assiguranza dwar l-​indokrar kontinwu tal-​Verb fuq il-​ġens. Hemmhekk iltaqaʼ maʼ raġel li kien qed iġorr xabla misluta. Ġożwè resaq lejn l-​istranġier u staqsieh: “Inti magħna jew maʼ l-​għedewwa tagħna?” Immaġina x’sorpriża ħa Ġożwè meta l-​istranġier irrivelalu l-​identità tiegħu, meta qallu: “Le! Jien kaptan fl-​eżerċtu tal-​Mulej, issa ġejt.” Mhux taʼ b’xejn li Ġożwè nxteħet wiċċu fl-​art quddiem dan ir-​rappreżentant eżaltat taʼ Jehovah, li bla dubju kien Ġesù qabel ma sar bniedem u li iktar tard kellu jsir il-​“Messija, il-​Prinċep.”—Ġożwè 5:13-15; Danjel 9:25, KŻ.

Konfrontazzjoni oħra maʼ Satana seħħet fi żmien il-​profeta t’Alla, Danjel. F’din l-​okkażjoni Mikiel appoġġja lil anġlu ieħor meta d-​demonju prinċep tal-​Persja ‘żamm kontrieh’ għal tliet ġimgħat. L-​anġlu spjega: “Ara, Mikiel, wieħed mill-​prinċpijiet ewlenin, ġie biex jagħtini l-​għajnuna, u jien bqajt hemm ħdejn is-​sultan tal-​Persja.”—Danjel 10:13, 21.

Glorja Qabel u wara li Sar Bniedem

Fis-​sena 778 Q.E.K., is-​sena li fiha miet is-​Sultan Ġudean Għużżija, il-​profeta t’Alla Isaija ra viżjoni taʼ Jehovah fuq it-​tron grandjuż tiegħu. “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?” staqsa Jehovah. (Korsiv tagħna.) Isaija minn rajh offra li jmur hu, imma Jehovah wissieh li sħabu l-​Iżraeliti ma kinux se jwieġbu għad-​dikjarazzjonijiet tiegħu. L-​appostlu Ġwanni qabbel lil-​Lhud li ma emmnux taʼ l-​ewwel seklu man-​nies taʼ żmien Isaija, u nnota: “Dan qalu Isaija, għax ra l-​glorja tiegħu.” Il-​glorja taʼ min? Dik taʼ Jehovah u taʼ Ġesù maġenbu qabel ma sar bniedem fil-​qrati tas-​sema.—Isaija 6:1, 8-10; Ġwann 12:37-41.

Xi sekli wara wasal l-​akbar inkarigu li Ġesù qatt ngħata sa dak iż-​żmien. Jehovah ttrasferixxa l-​forza tal-​ħajja taʼ Ibnu l-​Maħbub mis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ Marija. Disaʼ xhur wara hi welldet tarbija tifel, Ġesù. (Luqa 2:1-7, 21) Fi kliem l-​appostlu Pawlu: “Iżda meta waslet il-​milja taż-​żmien, Alla bagħat lil Ibnu, [i]mwieled minn mara.” (Galatin 4:4) Bl-​istess mod, l-​appostlu Ġwanni għaraf: “U l-​Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-​glorja tiegħu, il-​glorja li għandu mill-​Missier bħala Ibnu l-​waħdieni, mimli bil-​grazzja u l-​verità.”—Ġwann 1:14.

Jidher il-​Messija

Minn taʼ l-​inqas sa l-​età taʼ tnax-il sena, iż-​żagħżugħ Ġesù kien diġà japprezza li kellu jkun medhi f’li jagħmel ix-​xogħol taʼ Missieru tas-​sema. (Luqa 2:48, 49) Xi 18-il sena wara, Ġesù mar għand Ġwanni l-​Battista fix-​Xmara Ġordan u ġie mgħammed. Hekk kif Ġesù kien qed jitlob, is-​smewwiet infetħu, u l-​ispirtu qaddis niżel fuqu. Immaġina kemm ġewh memorji f’moħħu hekk kif ftakar fil-​Millennji bla għadd li kien qeda maġenb Missieru bħala mgħallem, kelliemi, prinċep taʼ l-​eżerċtu t’Alla, u bħala l-​arkanġlu, Mikiel. Imbagħad l-​eċċitament li ħass hekk kif samaʼ l-​vuċi taʼ Missieru tgħid lil Ġwanni l-​Battista: “Dan hu Ibni l-​għażiż: fih sibt l-​għaxqa tiegħi.”—Mattew 3:16, 17; Luqa 3:21, 22.

Ġwanni l-​Battista żgur li ma ddubitax l-​eżistenza taʼ Ġesù qabel ma sar bniedem. Hekk kif Ġesù resaq lejh, Ġwanni ddikjara: “Araw il-​Ħaruf taʼ Alla, li jneħħi d-​dnub tad-​dinja.” U żied: “Dan hu li għalih għedtilkom, ‘Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli.’” (Korsiv tagħna.) (Ġwann 1:15, 29, 30) L-​appostlu Ġwanni wkoll kien jaf dwar l-​eżistenza taʼ qabel taʼ Ġesù. “Dak li hu ġej minn fuq hu fuq kulħadd,” kiteb hu, u: “Dak li hu ġej mis-​sema hu fuq kulħadd u jixhed dak li ra u samaʼ.” (Korsiv tagħna.)—Ġwann 3:31, 32.

Għal ħabta tas-​sena 61 E.K., l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani Lhud biex japprezzaw l-​importanza sħiħa tal-​wasla tal-​Messija fuq l-​art u x-​xogħol tiegħu bħala l-​Qassis il-​Kbir. Billi ġibed l-​attenzjoni għall-​irwol taʼ Ġesù bħala l-​Kelliemi, Pawlu kiteb: ‘Alla f’dan l-​aħħar żmien, kellimna permezz taʼ Ibnu li bih ukoll għamel il-​ħolqien.’ Sew jekk dan jirreferi għall-​irwol taʼ Ġesù bħala “tfajjel [“mgħallem,” KŻ]” fil-​ħolqien u sew jekk għall-​involviment tiegħu fl-​arranġamenti progressivi t’Alla għar-​rikonċiljazzjoni tal-​bniedem, hawnhekk Pawlu qed iżid ix-​xiehda tiegħu għall-​eżistenza taʼ Ġesù qabel ma sar bniedem.—Lhud 1:1-6; 2:9.

Lealtà mill-​“Qedem”

Lill-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu ġewwa Filippi, Pawlu indirizzalhom din it-​twissija: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-​natura taʼ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-​natura taʼ lsir; sar jixbah lill-​bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-​mewt, anzi sal-​mewt tas-​salib [“zokk tat-​tortura,” NW].” (Filippin 2:5-8) Jehovah wieġeb b’imħabba għall-​korsa leali taʼ Ġesù billi rxoxtah u mbagħad laqgħu lura lejn daru fis-​sema. X’eżempju ġenwin taʼ integrità ħallielna Ġesù għal żmien indefinit!—1 Pietru 2:21.

Kemm aħna grati li l-​Bibbja tipprovdi episodji fejn nistgħu nagħtu titwila lejn l-​eżistenza taʼ Ġesù qabel ma sar bniedem! Dawn żgur li jsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex nimitaw l-​eżempju tiegħu taʼ servizz leali, speċjalment issa li qed isaltan bħala Sultan tas-​Saltna Messjanika t’Alla. Ejja nagħtu merħba lill-​“Prinċep tas-​Sliem,” Kristu Ġesù, il-​Gvernatur u l-​Ħakkiem tagħna li “għandu l-​bidu tiegħu mill-​qedem”!—Isaija 9:5 [Isaija 9:6, NW]; Mikea 5:1 [Mikea 5:2, NW].

[Kaxxa f’paġna 24]

Xiehda Dwar l-​Eżistenza taʼ Qabel Ma Sar Bniedem

Il-​kliem taʼ Ġesù nnifsu, bħalma hu mniżżel hawn isfel, jagħti xiehda abbundanti taʼ l-​eżistenza tiegħu qabel ma sar bniedem:

◻ “Ħadd ma telaʼ s-​sema ħlief Bin il-​bniedem, li niżel mis-​sema.”—Ġwann 3:13.

◻ “Mhux Mosè takom il-​ħobż mis-​sema, iżda Missieri jagħtikom il-​ħobż tassew mis-​sema; għaliex il-​ħobż taʼ Alla huwa dak li jinżel mis-​sema u jagħti l-​ħajja lid-​dinja. . . . Jiena nżilt mis-​sema mhux biex nagħmel ir-​rieda tiegħi, imma r-​rieda taʼ min bagħatni.”—Ġwann 6:32, 33, 38.

◻ “Dan hu l-​ħobż nieżel mis-​sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-​ħobż il-​ħaj, li niżel mis-​sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-​ħobż jgħix għal dejjem.”—Ġwann 6:50, 51.

◻ “Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-​bniedem tielaʼ fejn kien qabel?”—Ġwann 6:62.

◻ “Ix-​xhieda tiegħi kienet tgħodd, għax jiena naf minn fejn ġej u fejn sejjer. . . . Intom minn hawn isfel, u jiena ġej minn hemm fuq. Intom nies taʼ din id-​dinja, imma jien m’iniex taʼ din id-​dinja.”—Ġwann 8:14, 23.

◻ “Li kieku Alla kien missierkom, lili kontu tħobbuni, għax jien ħriġt u ġejt mingħand Alla. Għax jien ma ġejtx minn rajja, imma kien hu li bagħatni.”—Ġwann 8:42.

◻ “Tassew tassew ngħidilkom, qabel ma kien Abraham, jiena hu.”—Ġwann 8:58.

◻ “Missier, igglorifika lili għandek, bil-​glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-​dinja. Missier, irrid li dawk li tajtni jkunu huma wkoll miegħi fejn inkun jien, biex jaraw il-​glorja tiegħi, il-​glorja li tajtni int, għaliex int ħabbejtni sa minn qabel il-​ħolqien tad-​dinja.”—Ġwann 17:5, 24.

[Stampa f’paġna 23]

Ġożwè jiltaqaʼ mal-​prinċep taʼ l-​eżerċtu taʼ Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja