Il-Maħbubin Mejtin Tiegħek—Se Terġaʼ Tarahom?
JOHN kellu biss disaʼ snin meta mietet ommu. Iktar tard, ftakar x’kien ġara fil-kamra mortwarja: “Pinġejtilha stampa u ktibt nota żgħira fuqha fejn tlabtha biex tistenniena lkoll fis-sema. Tajtha lid-daddy biex ipoġġiha fit-tebut magħha, u saħansitra għalkemm kienet mejta, nixtieq naħseb li ħadet dak l-aħħar messaġġ minn għandi.”—How it Feels When a Parent Dies, minn Jill Krementz.
Ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju li John kien iħobbha ħafna lil ommu. Wara li ddeskriva l-kwalitajiet tajbin tagħha, qal: “Forsi huwa sempliċement għax ma rridx niftakar l-affarijiet ħżiena, imma ma nistaʼ naħseb li kellha xejn ħażin. Kienet l-isbaħ mara li qatt rajt f’ħajti kollha.”
Bħal John, ħafna għandhom memorji għeżież tal-maħbubin mejtin tagħhom u jammettu li għandhom il-bżonn emozzjonali li jerġgħu jarawhom. Edith, li mietilha tifel taʼ 26 sena bil-kanċer, qalet: “Għandi l-bżonn li nemmen li ibni jeżisti x’imkien imma ma nafx fejn. Se nerġaʼ narah? Ma nafx imma nittama li iva.”
Ċertament, il-Ħallieq kollu mħabba tal-bniedem m’huwiex mingħajr sentimenti dwar din ix-xewqa umana normali. Huwa għalhekk li wiegħed li se jasal iż-żmien meta miljuni se jingħaqdu mill-ġdid mal-maħbubin mejtin tagħhom. Il-Kelma t’Alla fiha referenzi bla għadd għal din il-wegħda taʼ rxoxt tal-mejtin fil-futur.—Isaija 26:19; Danjel 12:2, 13; Ħosea 13:14; Ġwann 5:28, 29; Rivelazzjoni 20:12, 13.
Min Jiġi Rxoxtat Għas-Sema?
Ejjew nikkunsidraw it-tama taʼ John li ommu l-għażiża qiegħda tistennieh fis-sema. Ħafna nies li jmorru l-knisja għandhom din it-tama jew twemmin. Fi sforz biex jappoġġjaw opinjonijiet bħal dawn, il-membri tal-kleru u xi ħaddiema soċjali japplikaw ħażin testi mill-Bibbja.
Per eżempju, Dr. Elisabeth Kübler-Ross, esperta f’li tgħin lill-imnikktin, qalet fil-ktieb tagħha On Children and Death: “Li mmutu jfisser biss li narmu l-ġisem tagħna bħalma nistgħu nwarrbu fil-ġenb xi kowt qadim li ilu għandna, jew li mmorru minn kamra għal oħra. F’Ekkleżjasti 12:7, naqraw: ‘Imbagħad it-trab se jerġaʼ lura lejn l-art bħalma kien; u l-ispirtu se jerġaʼ lura għand Alla li tah.’ Ġesù qal: ‘Jien sejjer inħejji post għalikom biex fejn inkun jien hemm tistgħu tkunu intom ukoll.’ U lill-ħalliel fuq is-salib: ‘Illum int se tkun miegħi fil-ġenna.’”
Juru verament dawn il-versi t’hawn fuq li l-maħbubin mejtin tagħna issa huma ħajjin u qegħdin jistennewna fis-sema? Ejjew nikkunsidraw il-versi iktar bir-reqqa, billi nibdew b’Ekkleżjasti 12:7. Ovvjament, ir-raġel għaref li kiteb dawn il-kelmiet ma kellux l-intenzjoni li jikkontradixxi dak li hu kien diġà stqarr fl-istess ktieb Bibliku: “Il-ħajjin huma konxji li se jmutu; imma inkwantu għall-mejtin, m’huma konxji taʼ xejn affattu.” (Ekkleżjasti 9:5) Hu kien qiegħed jiddiskuti l-mewt taʼ l-umanità inġenerali. Huwa raġonevoli li temmen li dawk kollha li bil-miftuħ jgħidu li huma atei u l-kriminali stabbiliti jerġgħu lura għand Alla mal-mewt tagħhom? Bil-kemm. Fil-fatt, dak ma jistaʼ jingħad għall-ebda wieħed minna, minkejja jekk inqisux lilna nfusna tajbin jew ħżiena. Ladarba ħadd minna ma kien fis-sema m’Alla, kif jistaʼ jingħad li nerġgħu lura għandu?
X’ried ifisser, allura, il-kittieb tal-Bibbja meta qal li mal-mewt ‘l-ispirtu jmur lura lejn dak Alla veru’? Billi uża l-kelma Ebrajka tradotta “spirtu,” hu ma kienx qiegħed jirreferi għal xi ħaġa unika li tiddistingwi bniedem minn ieħor. Minflok, f’Ekkleżjasti 3:19, l-istess kittieb imnebbaħ tal-Bibbja jispjega li l-bniedem u l-annimali “lkoll għandhom biss spirtu wieħed.” B’mod evidenti hu ried ifisser li l-“[i]spirtu” huwa l-forza tal-ħajja fiċ-ċelloli li jifformaw l-iġsma fiżiċi tal-bniedem u taʼ l-annimali. Ma rċevejniex dan l-ispirtu direttament mingħand Alla. Ġie mgħoddi lilna mill-ġenituri umani tagħna fil-konċepiment u iktar tard fit-twelid tagħna. Iktar minn hekk, dan l-ispirtu ma jivvjaġġax litteralment fl-ispazju u jerġaʼ lura għand Alla mal-mewt. L-espressjoni, ‘l-ispirtu jmur lura lejn dak Alla veru,’ hija mod tal-kelma li tfisser li l-prospetti taʼ ħajja futura taʼ xi ħadd mejjet issa qegħdin f’idejn Alla. Qiegħda f’idejh id-deċiżjoni taʼ lil min se jiftakar u eventwalment jirxoxta. Innota għalik innifsek kemm il-Bibbja turi dan b’mod ċar f’Salm 104:29, 30.
Alla Jehovah għandu l-iskop li numru limitat taʼ segwaċi leali taʼ Kristu, li jgħoddu biss 144,000, se jiġu rxoxtati għal ħajja fis-sema bħala wlied spirti t’Alla. (Rivelazzjoni 14:1, 3) Dawn jifformaw gvern tas-sema maʼ Kristu għall-barka taʼ l-umanità fuq l-art.
L-ewwel uħud li saru jafu dwar dan kienu l-appostli leali taʼ Ġesù, li lilhom qalilhom: “F’dar Missieri hemm bosta għamajjar. Inkella, kont ngħidilkom, għaliex jien sejjer fi triqti biex inħejji post għalikom. Ukoll, jekk immur fi triqti u nħejji post għalikom, nerġaʼ niġi u se nilqagħkom id-dar għandi, biex fejn inkun jien tistgħu tkunu intom ukoll.” (Ġwann 14:2, 3) Dawk l-appostli u Kristjani bikrin oħrajn mietu u kellhom jistennew bla ma kienu jafu xejn fil-mewt sal-miġja taʼ Ġesù biex jippremjahom b’irxoxt għas-sema. Dak hu għala naqraw li l-ewwel martri Kristjan, Stiefnu, “raqad fil-mewt.”—Atti 7:60; 1 Tessalonkin 4:13.
L-Irxoxt Għal Ħajja Fuq L-Art
Imma xi ngħidu dwar il-wegħda taʼ Ġesù lill-kriminal li miet maġenbu? Bħal ħafna Lhud taʼ dak iż-żmien, dan ir-raġel emmen li Alla kellu jibgħat Messija li kien se jwaqqaf saltna u jirrestawra l-paċi u s-sigurtà lill-ġens Lhudi fuq l-art. (Qabbel 1 Slaten 4:20-25 maʼ Luqa 19:11; 24:21 u Atti 1:6.) Barra minn hekk, dak ir-raġel ħażin esprima fidi li Ġesù kien dak il-Wieħed stess magħżul minn Alla biex ikun is-Sultan. Madankollu, f’dak il-mument, il-mewt imminenti taʼ Ġesù bħala bniedem ikkundannat għamlet dan jidher li ma kienx probabbli. Dak hu għala Ġesù żgura lill-kriminal billi introduċa l-wegħda Tiegħu b’dawn il-kelmiet: “Verament ngħidlek illum, Int se tkun miegħi fil-Ġenna.”—Luqa 23:42, 43.
Traduzzjonijiet tal-Bibbja li jdaħħlu comma qabel il-kelma “illum” joħolqu problema għan-nies li jridu jifhmu l-kliem taʼ Ġesù. Ġesù ma mar f’ebda ġenna f’dak il-jum stess. Minflok, hu kien mimdud bla ma jaf xejn fil-mewt għal tlett ijiem sakemm Alla rxoxtah. Saħansitra wara l-irxoxt taʼ Ġesù u t-tlugħ tiegħu fis-sema, hu kellu jistenna f’id il-leminija taʼ Missieru sakemm wasal iż-żmien għalih biex jaħkem bħala Sultan fuq l-umanità. (Ebrej 10:12, 13) Dalwaqt, il-ħakma tas-Saltna taʼ Ġesù se ġġib serħan lill-umanità u tbiddel l-art kollha kemm hi f’ġenna. (Luqa 21:10, 11, 25-31) Imbagħad hu se jwettaq il-wegħda tiegħu lil dak il-kriminal billi jirxoxtah għall-ħajja fuq l-art. U Ġesù se jkun mar-raġel fis-sens li Hu se jgħin lir-raġel fil-ħtiġijiet tiegħu kollha, inkluża l-ħtieġa biex iġib il-mod taʼ ħajja tiegħu f’armonija mal-liġijiet taʼ tjieba t’Alla.
L-Irxoxt Taʼ Ħafna
Bħal fil-każ taʼ dak il-kriminal niedem, l-irxoxt tal-biċċa l-kbira tal-bnedmin se jseħħ hawn fuq l-art. Dan hu f’armonija maʼ l-iskop t’Alla f’li ħalaq lill-bniedem. L-ewwel raġel u mara ġew impoġġijin fi ġnien ġenna u ntqalilhom biex irażżnu l-art. Li kieku baqgħu ubbidjenti lejn Alla, qatt ma kienu jixjieħu u jmutu. Fiż-żmien xieraq t’Alla, l-art kollha kienet se tkun imrażżna, magħmula ġenna globali minn Adam u d-dixxendenti perfetti tiegħu.—Ġenesi 1;28; 2:8, 9.
Madankollu, minħabba li Adam u Eva dinbu minn jeddhom, ġabu l-mewt fuqhom infushom u fuq in-nisel futur tagħhom. (Ġenesi 2:16, 17; 3:17-19) Dak hu għala l-Bibbja tistqarr: “Permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja u l-mewt permezz tad-dnub, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għaliex kollha kienu dinbu.”—Rumani 5:12.
Kien hemm biss bniedem wieħed li twieled meħlus mid-dnub tan-nisel. Dak kien l-Iben perfett t’Alla, Ġesù Kristu, li ħajtu ġiet ittrasferita mis-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni Lhudija, Marija. Ġesù baqaʼ bla dnub u ma kienx jixraqlu li jiġi mogħti l-mewt. Għalhekk, il-mewt tiegħu għandha valur taʼ rahan għan-nom tad-“dnub tad-dinja.” (Ġwann 1:29; Mattew 20:28) Dak hu għala Ġesù setaʼ jgħid: “Jien hu l-irxoxt u l-ħajja. Dak li jeżerċita fidi fija, avolja jmut, se jiġi għall-ħajja.”—Ġwann 11:25.
Mela, iva, int tistaʼ żżomm f’moħħok il-prospett li tingħaqad mill-ġdid mal-maħbubin mejtin tiegħek, imma dan jirrikjedi li teżerċita fidi f’Ġesù bħala l-Feddej tiegħek u tobdih bħala s-Sultan maħtur t’Alla. Dalwaqt is-Saltna t’Alla se tiknes għalkollox il-ħażen kollu minn fuq din l-art. Il-bnedmin kollha li jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għall-ħakma tagħha se jiġu meqrudin. Madankollu, is-sudditi tas-Saltna t’Alla se jsalvaw u se jkunu mehdijin fix-xogħol taʼ li jbiddlu din l-art f’ġenna.—Salm 37:10, 11; Rivelazzjoni 21:3-5.
Imbagħad iż-żmien eċċitanti se jasal biex jibda l-irxoxt. Se tkun hemm int biex tilqaʼ lura l-mejtin? Dan kollu jiddependi fuq dak li tagħmel issa. Barkiet taʼ l-għaġeb jistennew lil dawk kollha li issa jissottomettu ruħhom għall-ħakma tas-Saltna taʼ Jehovah permezz taʼ Ibnu, Ġesù Kristu. (w94 6/15)