LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 7/1 pp. 21-27
  • It-Tempju Spiritwali Kbir taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tempju Spiritwali Kbir taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Iktar Qaddis Tas-​Sema
  • Karatteristiċi Oħrajn Tat-​Tempju Spiritwali T’Alla
  • Il-​Qaddis
  • Il-​Glorja Akbar Tat-​Tempju Spiritwali T’Alla
  • Apprezza l-Privileġġ li Taqdi lil Ġeħova fit-Tempju Spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2023
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Dar it-Talb għall-Ġnus Kollha”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Napprezzaw Għala l-Messija Kellu jiġi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 7/1 pp. 21-27

It-​Tempju Spiritwali Kbir taʼ Jehovah

“Aħna għandna qassis hekk kbir, . . . ministru tas-​smewwiet u tat-​tabernaklu veru li hu magħmul mill-​Mulej u mhux mill-​bnedmin.”—LHUD 8:1, 2.

1. Alla liema provvediment taʼ mħabba għamel għall-​bnedmin midinbin?

ALLA JEHOVAH, sforz l-​imħabba kbira tiegħu għall-​bnedmin, ipprovda sagrifiċċju biex ineħħi d-​dnubiet tad-​dinja. (Ġwann 1:29; 3:16) Dan kien jirrikjedi li jittrasferixxi l-​ħajja taʼ Ibnu, l-​ewwel imwieled, mis-​sema għal ġol-​ġuf taʼ verġni Lhudija jisimha Marija. L-​anġlu taʼ Jehovah spjega b’mod ċar lil Marija li t-​tifel li kellha tikkonċepixxi kellu “jkun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.” (Luqa 1:34, 35) Lil Ġużeppi, li kien għarus lil Marija, intqallu dwar in-​natura mirakoluża tal-​konċepiment taʼ Ġesù u sar jaf li dan il-​wieħed kellu “jsalva l-​poplu tiegħu minn dnubiethom.”—Mattew 1:20, 21.

2. X’għamel Ġesù meta kellu madwar 30 sena, u għala?

2 Hekk kif Ġesù kiber, hu żgur li fehem xi ftit minn dawn il-​fatti dwar it-​twelid mirakoluż tiegħu. Kien jaf li Missieru tas-​sema kellu xogħol għalih li jsalva l-​ħajja x’jagħmel fuq l-​art. Għalhekk, bħala raġel taʼ madwar 30 sena u fl-​aqwa tiegħu, Ġesù ġie għand Ġwanni l-​profeta t’Alla biex jitgħammed fix-​Xmara Ġordan.—Mark 1:9; Luqa 3:23.

3. (a) Ġesù x’ried ifisser bil-​kliem: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx”? (b) Ġesù liema eżempju li jispikka ħalla għal dawk kollha li jridu jsiru dixxipli tiegħu?

3 Ġesù kien qiegħed jitlob waqt il-​magħmudija tiegħu. (Luqa 3:21) Evidentement, minn dan il-​waqt ’il quddiem f’ħajtu, hu wettaq il-​kliem taʼ Salm 40:7-9 [Salm 6-8, NW] kif kien indikat iktar tard mill-​appostlu Pawlu: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int hejjejt għalija.” (Lhud 10:5) B’hekk Ġesù wera kemm kien konxju li Alla ‘ma riedx’ sagrifiċċji t’annimali li jkomplu jiġu offruti fit-​tempju taʼ Ġerusalemm. Minflok, hu rrealizza li Alla kien ħejja ġisem uman perfett għalih, għal Ġesù, biex joffrih bħala sagrifiċċju. Dan kellu jneħħi kwalunkwe bżonn ieħor taʼ sagrifiċċji taʼ l-​annimali. Billi wera x-​xewqa tiegħu mill-​qalb li jissottometti ruħu għar-​rieda t’Alla, Ġesù ssokta jitlob: “Hawn jien, ġejt, biex nagħmel ir-​rieda tiegħek, O Alla,​—kif fil-​ktieb hemm miktub fuqi.” (Lhud 10:7) X’eżempju eċċellenti taʼ kuraġġ u devozzjoni bla egoiżmu ħalla Ġesù dak in-​nhar għal dawk kollha li iktar tard kellhom isiru dixxipli tiegħu!—Mark 8:34.

4. Alla kif wera l-​approvazzjoni tiegħu taʼ l-​offerta li Ġesù għamel tiegħu nnifsu?

4 Wera Alla approvazzjoni għat-​talba li Ġesù għamel fil-​magħmudija tiegħu? Ħalli jagħtina t-​tweġiba wieħed mill-​appostli magħżulin taʼ Ġesù: “Ġesù, wara li tgħammed, minnufih telaʼ mill-​ilma; u ara, is-​smewwiet infetħu, u ra l-​Ispirtu taʼ Alla nieżel qisu ħamiema u jieqaf fuqu. U mis-​smewwiet instemaʼ leħen igħid: ‘Dan hu Ibni l-​għażiż; fih sibt il-​għaxqa tiegħi.’”—Mattew 3:16, 17; Luqa 3:21, 22.

5. X’kien iffigurat mill-​artal tat-​tempju litterali?

5 Li Alla aċċetta l-​preżentazzjoni tal-​ġisem taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju kien ifisser li, f’sens spiritwali, artal akbar minn dak fit-​tempju taʼ Ġerusalemm kien sar prominenti. L-​artal litterali fejn annimali kienu ppreżentati għal sagrifiċċju ta stampa bil-​quddiem taʼ dak l-​artal spiritwali, li fil-​fatt kien ir-​“rieda” jew l-​arranġament t’Alla biex jaċċetta l-​ħajja umana taʼ Ġesù bħala sagrifiċċju. (Lhud 10:10) Kien għalhekk li l-​appostlu Pawlu setaʼ jikteb lil Kristjani sħabu: “Aħna għandna artal li minnu ma jistgħux jieklu l-​qassisin tas-​Santwarju l-​qadim.” (Lhud 13:10) Fi kliem ieħor, Kristjani veri jibbenefikaw minn sagrifiċċju superjuri li jpatti għad-​dnub, li l-​biċċa l-​kbira mill-​qassisin Lhud irrifjutaw.

6. (a) X’sar prominenti fil-​mument tal-​magħmudija taʼ Ġesù? (b) It-​titlu Messija, jew Kristu, xi jfisser?

6 Id-​dlik taʼ Ġesù bl-​ispirtu qaddis kien ifisser li Alla kien issa introduċa l-​arranġament kollu tat-​tempju spiritwali tiegħu, b’Ġesù jaqdi bħala Qassis il-​Kbir. (Atti 10:38; Lhud 5:5) Id-​dixxiplu Luqa kien ispirat biex jindika bl-​eżatt is-​sena taʼ dan l-​avveniment taʼ importanza kbira bħala li kienet “is-​sena ħmistax tal-​ħakma taʼ Tiberju Ċesari.” (Luqa 3:1-3) Dak jikkorrispondi mas-​sena 29 E.K.​—eżattament 69 ġimgħa taʼ snin, jew 483 sena, miż-​żmien meta s-​Sultan Artaxerxes kien ta l-​kmand biex il-​ħitan taʼ Ġerusalemm jerġgħu jinbnew mill-​ġdid. (Neħemija 2:1, 5-8) Skond il-​profezija, il-​“wieħed ikkonsagrat bħala prinċep” kellu jidher f’dik is-​sena mmarkata. (Danjel 9:25) Ħafna Lhud kienu evidentement konxji taʼ dan. Luqa jirrapporta li l-​“poplu kien qiegħed jistenna ħerqan” id-​dehra tal-​Messija, jew Kristu, titli li ġejjin minn kliem bl-​Ebrajk u bil-​Grieg li għandhom l-​istess tifsira, “wieħed midluk.”—Luqa 3:15.

7. (a) Alla meta dilek “il-​Qaddis tal-​Qaddisin,” u dan x’kien ifisser? (b) X’ġara iżjed lil Ġesù fil-​mument tal-​magħmudija tiegħu?

7 Waqt il-​magħmudija taʼ Ġesù, l-​għamara t’Alla tas-​sema ġiet midluka, jew imqiegħda apparti, bħala “l-​Qaddis tal-​Qaddisin” fl-​arranġament tat-​tempju spiritwali l-​kbir. (Danjel 9:24, NW) It-​“tabernaklu [jew, tempju] veru li hu magħmul mill-​Mulej u mhux mill-​bnedmin” kien beda jopera. (Lhud 8:2) Ukoll, permezz tal-​magħmudija tiegħu bl-​ilma u bl-​ispirtu qaddis, ir-​raġel Ġesù Kristu kien twieled mill-​ġdid bħala Iben spiritwali t’Alla. (Qabbel Ġwann 3:3.) Dan kien ifisser li meta jasal il-​waqt Alla kellu jerġaʼ jsejjaħ lil Ibnu għall-​ħajja tas-​sema, fejn kellu jaqdi fuq l-​id il-​leminija taʼ Missieru bħala Sultan u Qassis il-​Kbir “skond l-​ordni taʼ Melkisedek” għal dejjem.—Lhud 6:20; Salm 110:1, 4.

L-​Iktar Qaddis Tas-​Sema

8. It-​tron t’Alla fis-​sema liema fatturi ġodda kien issa assuma?

8 Fil-​jum tal-​magħmudija taʼ Ġesù, it-​tron t’Alla fis-​sema kien ħa aspetti ġodda. L-​identifikar taʼ sagrifiċċju uman perfett biex ipatti għad-​dnubiet tad-​dinja enfasizza l-​qdusija t’Alla f’kuntrast maʼ l-​istat midneb tal-​bniedem. Il-​ħniena t’Alla kienet ukoll enfasizzata minħabba l-​fatt li hu issa wera li kien lest li jiġi kkwietat, jew ippaċifikat. B’hekk it-​tron t’Alla fis-​sema kien sar bħall-​kompartiment taʼ ġewwanett tat-​tempju, fejn il-​qassis il-​kbir kien jidħol darba f’sena bid-​demm taʼ l-​annimali biex ipatti għad-​dnub b’mod illustrattiv.

9. (a) Il-​purtiera bejn il-​Qaddis u l-​Iktar Qaddis x’kienet tiffigura? (b) Ġesù kif daħal ’il ġewwa mill-​purtiera tat-​tempju spiritwali t’Alla?

9 Il-​purtiera li kienet tissepara l-​Qaddis mill-​Iktar Qaddis tat stampa tal-​ġisem tal-​laħam taʼ Ġesù. (Lhud 10:19, 20) Dan kien l-​ostaklu li żamm lil Ġesù milli jidħol fil-​preżenza taʼ Missieru waqt li kien raġel fuq l-​art. (1 Korintin 15:50) Fil-​mument tal-​mewt taʼ Ġesù, “il-​purtiera tas-​santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel.” (Mattew 27:51) Dan indika b’mod drammatiku li l-​ostaklu li kien ifixkel id-​dħul taʼ Ġesù fis-​sema kien issa ġie mneħħi. Tlett ijiem wara, Alla Jehovah wettaq miraklu formidabbli. Hu qajjem lil Ġesù mill-​mewt, mhux bħala bniedem mortali tad-​demm u l-​laħam, imma bħala ħlejqa spirtu glorjuż li ‘jibqaʼ ħaj għal dejjem.’ (Lhud 7:24) Erbgħin jum wara, Ġesù telaʼ s-​sema u daħal fil-​“Qaddis tal-​Qaddisin” reali, “biex issa jidher għalina quddiem Alla.”—Lhud 9:24.

10. (a) X’ġara wara li Ġesù ppreżenta l-​valur tas-​sagrifiċċju tiegħu lil Missieru tas-​sema? (b) Id-​dlik bl-​ispirtu qaddis x’kien ifisser għad-​dixxipli taʼ Kristu?

10 Aċċettah Alla l-​valur tad-​demm imxerred taʼ Ġesù bħala tpattija għad-​dnubiet tad-​dinja? Iva aċċettah. Prova taʼ dan ġiet eżattament 50 jum wara l-​irxoxt taʼ Ġesù, f’jum il-​festa taʼ Pentekoste. L-​ispirtu qaddis t’Alla kien ġie mferraʼ fuq 120 dixxiplu taʼ Ġesù miġburin flimkien f’Ġerusalemm. (Atti 2:1, 4, 33) Bħall-​Qassis il-​Kbir tagħhom, Ġesù Kristu, issa kienu ġew midlukin biex jaqdu bħala ‘saċerdozju qaddis, biex joffru sagrifiċċji spiritwali’ taħt l-​arranġament tat-​tempju spiritwali l-​kbir t’Alla. (1 Pietru 2:5) Iktar minn hekk, dawn l-​uħud midlukin kienu jifformaw ġens ġdid, in-​“nazzjon qaddis” t’Alla taʼ Israel spiritwali. Minn dak iż-​żmien ’il quddiem, il-​profeziji kollha t’affarijiet tajbin dwar Israel, bħalma hi l-​wegħda taʼ “patt ġdid” imniżżla f’Ġeremija 31:31, kellhom japplikaw għall-​kongregazzjoni Kristjana midluka, l-​“Israel taʼ Alla” reali.—1 Pietru 2:9; Galatin 6:16.

Karatteristiċi Oħrajn Tat-​Tempju Spiritwali T’Alla

11, 12. (a) X’kien iffigurat mill-​bitħa tal-​qassisin fil-​każ taʼ Ġesù, u x’ifisser dan fil-​każ tas-​segwaċi midlukin tiegħu? (b) Il-​banju taʼ l-​ilma x’jiffigura, u kif qiegħed jintuża?

11 Għalkemm l-​Iktar Qaddis ta stampa tas-​“sema stess,” fejn Alla qiegħed fuq it-​tron, il-​fatturi l-​oħrajn kollha tat-​tempju spiritwali t’Alla huma relatati m’affarijiet fuq l-​art. (Lhud 9:24) Fit-​tempju f’Ġerusalemm, kien hemm bitħa interna tal-​qassisin li kien fiha artal għas-​sagrifiċċju u banju kbir bl-​ilma, li l-​qassisin kienu jużaw biex jitnaddfu qabel iwettqu servizz sagru. X’jiffiguraw dawn l-​affarijiet fl-​arranġament tat-​tempju spiritwali t’Alla?

12 Fil-​każ taʼ Ġesù Kristu, il-​bitħa interna tal-​qassisin tat stampa tal-​kundizzjoni tiegħu bla dnub bħala Iben uman perfett t’Alla. Billi jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù, segwaċi midlukin taʼ Kristu jiġu mislufin it-​tjieba. B’hekk, Alla jistaʼ bix-​xieraq jittratta magħhom bħal li kieku kienu bla dnub. (Rumani 5:1; 8:1, 33) Għaldaqstant, din il-​bitħa tiffigura wkoll il-​kundizzjoni umana taʼ tjieba attribwita li membri individwali tas-​saċerdozju qaddis igawdu quddiem Alla. Fl-​istess ħin, Kristjani midlukin għadhom imperfetti u suġġetti għal li jikkommettu d-​dnub. Il-​banju taʼ l-​ilma fil-​bitħa jagħti stampa tal-​Kelma t’Alla, li l-​Qassis il-​Kbir juża biex inaddaf lis-​saċerdozju qaddis b’mod progressiv. Billi ssottomettew ruħhom għal dan il-​proċess taʼ tindif, huma kisbu dehra splendida li tonora lil Alla u tiġbed lil taʼ barra lejn il-​qima pura tiegħu.—Efesin 5:25, 26; qabbel Malakija 3:1-3.

Il-​Qaddis

13, 14. (a) Il-​Qaddis tat-​tempju x’jiffigura fil-​każ taʼ Ġesù u s-​segwaċi midlukin tiegħu? (b) Il-​gandlier tad-​deheb x’jiffigura?

13 L-​ewwel kompartiment tat-​tempju jagħti stampa taʼ kundizzjoni superjuri minn dik tal-​bitħa. Fil-​każ tal-​bniedem perfett Ġesù Kristu, dan jiffigura t-​twelid tiegħu mill-​ġdid bħala Iben spiritwali t’Alla ddestinat li jirritorna għall-​ħajja fis-​sema. Wara li jiġu ddikjarati twajbin fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fid-​demm imxerred taʼ Kristu, dawn is-​segwaċi midlukin jesperjenzaw ukoll din il-​ħidma speċjali taʼ l-​ispirtu t’Alla. (Rumani 8:14-17) Permezz taʼ ‘l-​ilma [jiġifieri, il-​magħmudija tagħhom] u l-​ispirtu,’ huma ‘jitwieldu mill-​ġdid’ bħala wlied spiritwali t’Alla. Bħala talin, huma għandhom it-​tama li jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema bħala wlied spirti t’Alla, dment li jibqgħu leali sal-​mewt.—Ġwann 3:5, 7; Apokalissi 2:10.

14 Qassisin li kienu jaqdu ġol-​Qaddis tat-​tempju taʼ l-​art ma kinux jidhru minn adoraturi li kienu fuq barra. Bl-​istess mod, Kristjani midlukin jesperjenzaw kundizzjoni spiritwali li m’hijiex esperjenzata jew mifhuma għal kollox mill-​maġġoranza t’adoraturi t’Alla, li t-​tama tagħhom hi li jgħixu għal dejjem fuq l-​art magħmula ġenna. Il-​gandlier tad-​deheb tat-​tabernaklu jiffigura l-​kundizzjoni mdawla taʼ Kristjani midlukin. Il-​ħidma taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, bħaż-​żejt fil-​lampi, titfaʼ dawl fuq il-​Bibbja. Il-​fehma li Kristjani jiksbu bħala riżultat, ma jżommuhiex għalihom infushom. Minflok, huma jobdu lil Ġesù, li qal: “Intom id-​dawl tad-​dinja. . . . Hekk għandu jiddi d-​dawl tagħkom quddiem il-​bnedmin, biex jaraw l-​egħmejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-​smewwiet.”—Mattew 5:14, 16.

15. X’inhu ffigurat mill-​ħobż taʼ fuq il-​mejda taʼ ħobż esponut?

15 Biex jibqgħu f’din il-​kundizzjoni mdawla, Kristjani midlukin iridu regolarment jieklu minn dak li hu ffigurat mill-​ħobż taʼ fuq il-​mejda taʼ ħobż esponut. Is-​sors primarju tagħhom taʼ ikel spiritwali huwa l-​Kelma t’Alla, li huma jipprovaw jaqraw u jimmeditaw fuqha kuljum. Ġesù wiegħed ukoll li jipprovdilhom “ikel fiż-​żmien xieraq” permezz taʼ “l-​irsir leali u diskret” tiegħu. (Mattew 24:45, NW) Dan “l-​irsir” hu l-​ġemgħa kollha kemm hi taʼ Kristjani midlukin fuq l-​art fi kwalunkwe żmien partikulari. Kristu uża lil din il-​ġemgħa midluka biex tippubblika informazzjoni dwar it-​twettiq taʼ profeziji tal-​Bibbja u biex tagħti direzzjoni f’waqtha fuq l-​applikar taʼ prinċipji Bibliċi fil-​ħajja moderna taʼ kuljum. Għalhekk, Kristjani midlukin b’apprezzament jieklu minn provvedimenti spiritwali bħal dawn kollha. Imma s-​sosteniment tal-​ħajjiet spiritwali tagħhom ma jiddependix biss fuq li jieħdu għarfien dwar Alla fi mħuħhom u qlubhom. Ġesù qal: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ min bagħatni u li nwassal fit-​tmiem l-​opra tiegħu.” (Ġwann 4:34) Bl-​istess mod, Kristjani midlukin jesperjenzaw sodisfazzjon billi japplikaw lilhom infushom kuljum f’li jagħmlu r-​rieda rrivelata t’Alla.

16. X’inhu ffigurat minn servizz fuq l-​artal taʼ l-​inċens?

16 Fil-​għodu u fil-​għaxija, qassis kien joffri inċens lil Alla fuq l-​artal taʼ l-​inċens fil-​Qaddis. Fl-​istess ħin, adoraturi li ma kinux qassisin kienu jitolbu lil Alla waqt li jkunu weqfin fil-​btieħi taʼ barra tat-​tempju tiegħu. (Luqa 1:8-10) ‘L-​inċens,’ tispjega l-​Bibbja, ‘huwa t-​talb tal-​qaddisin.’ (Apokalissi 5:8) “Ikun it-​talb tiegħi bħal inċens quddiemek,” kiteb is-​salmista David. (Salm 141:2) Kristjani midlukin ukoll jgħożżu l-​privileġġ tagħhom taʼ li javviċinaw lil Jehovah bit-​talb permezz taʼ Ġesù Kristu. Talb ferventi li joħroġ mill-​qalb hu bħal inċens ifuħ. Kristjani midlukin ifaħħru lil Alla f’modi oħrajn ukoll, billi jużaw xofftejhom biex jgħallmu lil oħrajn. L-​issaportar tagħhom meta jkunu ffaċċjati minn tbatijiet u l-​integrità tagħhom taħt prova jogħġbu b’mod speċjali lil Alla.—1 Pietru 2:20, 21.

17. X’kien involut fit-​twettiq taʼ l-​istampa profetika pprovduta mill-​ewwel daħla tal-​qassis il-​kbir fl-​Iktar Qaddis f’Jum it-​Tpattija?

17 F’Jum it-​Tpattija, il-​qassis il-​kbir taʼ Israel ried jidħol fl-​Iktar Qaddis u jaħraq inċens f’inċensier tad-​deheb li kien fih faħam jaqbad. Dan ried isir qabel ma kien iġib id-​demm taʼ l-​offerti għad-​dnub. Bi twettiq taʼ din l-​istampa profetika, ir-​raġel Ġesù żamm integrità assoluta lejn Alla Jehovah qabel ma offra ħajtu bħala s-​sagrifiċċju wieħed dejjiemi għal dnubietna. B’hekk hu wera li raġel perfett setaʼ jżomm l-​integrità tiegħu lejn Alla minkejja kwalunkwe pressjoni li Satana ġab fuqu. (Proverbji 27:11) Meta ġie mġarrab, Ġesù għamel użu mit-​talb “u suppliki b’leħen għoli u bid-​dmugħ. . . . U kien mismugħ minħabba fil-​qima tiegħu lejn Alla.” (Lhud 5:7) B’dan il-​mod hu gglorifika lil Jehovah bħala s-​Sovran taʼ tjieba u bi dritt taʼ l-​univers. Alla ppremja lil Ġesù billi rxoxtah mill-​mewt għall-​ħajja immortali fis-​sema. F’din il-​pożizzjoni għolja, Ġesù jagħti attenzjoni lir-​raġuni sekondarja li għaliha ġie fuq l-​art, jiġifieri, biex jirrikonċilja lil midinbin umani niedma m’Alla.—Lhud 4:14-16.

Il-​Glorja Akbar Tat-​Tempju Spiritwali T’Alla

18. Jehovah kif ġab glorja li tispikka lit-​tempju spiritwali tiegħu?

18 “Il-​glorja taʼ l-​aħħar taʼ dan it-​tempju tkun akbar minn taʼ qabel,” bassar Jehovah. (Ħaggaj 2:9) Billi rxoxta lil Ġesù bħala Sultan u Qassis il-​Kbir immortali, Jehovah ġab glorja li tispikka lit-​tempju spiritwali tiegħu. Ġesù issa qiegħed f’pożizzjoni li jġib “salvazzjoni taʼ dejjem għal kull min jismaʼ minnu.” (Lhud 5:9) L-​ewwel li wrew ubbidjenza bħal din kienu l-​120 dixxiplu li rċevew spirtu qaddis f’Pentekoste fis-​sena 33 E.K. Il-​ktieb taʼ l-​Apokalissi bassar li dawn l-​ulied spiritwali taʼ Israel kellhom finalment jgħoddu 144,000. (Apokalissi 7:4) Wara l-​mewt, ħafna minnhom kellhom jistrieħu bla ħajja fil-​qabar komuni tal-​bnedmin, jistennew iż-​żmien tal-​preżenza taʼ Ġesù b’qawwa taʼ sultan. Il-​kronoloġija profetika misjuba f’Danjel 4:7-14, 17-24 [Danjel 10-17, 20-27, NW] tipponta lejn is-​sena 1914 bħala ż-​żmien meta Ġesù kellu jibda jsaltan f’nofs l-​għedewwa tiegħu. (Salm 110:2) Għal għexieren taʼ snin bil-​quddiem, Kristjani midlukin stennew bil-​ħerqa dik is-​sena. L-​ewwel gwerra dinjija u gwajijiet li ġabet magħha fuq l-​umanità fornew prova li Ġesù kien tassew fuq it-​tron bħala Sultan fis-​sena 1914. (Mattew 24:3, 7, 8) Ftit wara dan, billi kien wasal iż-​żmien “tal-​ġudizzju, li jibda mid-​dar taʼ Alla,” Ġesù kellu jwettaq il-​wegħda lid-​dixxipli midlukin tiegħu li kienu raqdu fil-​mewt: “Nerġaʼ niġi biex neħodkom miegħi.”—1 Pietru 4:17; Ġwann 14:3.

19. Il-​fdal tal-​144,000 kif se jiksbu aċċess għall-​Iktar Qaddis fis-​sema?

19 Mhux il-​mija u erbgħa u erbgħin elf membru tas-​saċerdozju qaddis kollha ġew finalment issiġillati u miġburin fid-​dar tagħhom tas-​sema. Fdal minnhom għadhom jgħixu fuq l-​art fil-​kundizzjoni spiritwali ffigurata mill-​Qaddis, isseparati mill-​preżenza qaddisa t’Alla mill-​“purtiera,” jew ostaklu, taʼ l-​iġsma tagħhom tal-​laħam. Hekk kif dawn imutu leali, huma jiġu rxoxtati mill-​ewwel bħala ħlejjaq spirti immortali biex jingħaqdu maʼ dawk mill-​144,000 li diġà qegħdin fis-​sema.—1 Korintin 15:51-53.

20. L-​uħud li baqaʼ mis-​saċerdozju qaddis liema xogħol vitali qegħdin iwettqu f’dan iż-​żmien, u b’liema riżultati?

20 B’tant u tant qassisin jaqdu flimkien maʼ l-​aqwa Qassis il-​Kbir fis-​sema, it-​tempju spiritwali t’Alla rċieva iżjed glorja. Sadattant, l-​uħud li baqaʼ mis-​saċerdozju qaddis qegħdin iwettqu xogħol taʼ valur fuq l-​art. Permezz taʼ l-​ippridkar tagħhom, Alla qiegħed ‘iqanqal il-​ġnus kollha’ b’espressjonijiet tal-​ġudizzju tiegħu, bħalma huwa mbassar f’Ħaggaj 2:7. Fl-​istess ħin, miljuni t’adoraturi deskritti bħala “l-​ġid kollu tal-​popli” qegħdin jiffollaw għal ġol-​btieħi taʼ l-​art tat-​tempju taʼ Jehovah. Fejn hu posthom dawn l-​uħud fl-​arranġament t’Alla għal qima, u liema glorja futura nistgħu nistennew għat-​tempju spiritwali kbir tiegħu? Dawn il-​mistoqsijiet se jiġu eżaminati fl-​artiklu li jmiss. (w96 7/1)

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni

◻ Ġesù liema eżempju li jispikka ħallielna fis-​sena 29 E.K.?

◻ Liema arranġament beda jopera fis-​sena 29 E.K.?

◻ X’inhu ffigurat mill-​Qaddis u l-​Iktar Qaddis?

◻ It-​tempju spiritwali il-​kbir kif ġie gglorifikat?

[Stampa f’paġna 24]

Meta Ġesù ġie midluk bl-​ispirtu qaddis fis-​sena 29 E.K., it-​tempju spiritwali kbir t’Alla beda jopera

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja