Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ġesù x’ried ifisser meta qal lil Nikodemu: “Ebda bniedem ma telaʼ fis-sema ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem”?—Ġwanni 3:13.
Meta qal dan il-kliem Ġesù kien fuq l-art u ma kienx għadu telaʼ, jew irritorna, lejn is-sema. Madankollu, dak li nafu dwar Ġesù u l-kuntest taʼ kliemu jistgħu jgħinuna nifhmu t-tifsir taʼ dak li qal.
Ġesù “niżel mis-sema” fis-sens li qabel kien għex fil-qasam taʼ l-ispirti maʼ Missieru, imma fiż-żmien stabbilit, il-ħajja taʼ l-Iben tpoġġiet f’ġuf Marija, u dan wassal għat-twelid taʼ Ġesù bħala bniedem. (Luqa 1:30-35; Galatin 4:4; Ebrej 2:9, 14, 17) Wara mewtu, Ġesù kien se jiġi rxoxtat bħala ħliqa spirtu u jerġaʼ jingħaqad maʼ Ġeħova. B’hekk, ftit qabel ma ġie maqtul, Ġesù setaʼ jitlob: “Missier, igglorifikani maġenbek bil-glorja li kelli ħdejk qabel ma kienet teżisti d-dinja.”—Ġwanni 17:5; Rumani 6:4, 9; Ebrej 9:24; 1 Pietru 3:18.
Meta Ġesù kellem lil Nikodemu, Fariżew u għalliem f’Iżrael, Ġesù kien għadu ma rritornax fis-sema. M’għandniex xi ngħidu, ebda bniedem ieħor ma kien miet u telaʼ fil-qasam taʼ l-ispirti, fis-sema. Ġesù nnifsu stqarr li ma kien hemm ħadd daqs Ġwanni l-Battista bħala profeta t’Alla, imma fl-istess ħin “min hu fost l-iżgħar fis-saltna tas-smewwiet hu akbar minnu.” (Mattew 11:11) U l-appostlu Pietru spjega li anki s-Sultan leali David kien miet u kien għadu fil-qabar tiegħu; David ma telax fis-sema. (Atti 2:29, 34) Kien hemm raġuni għala dawk li mietu qabel Ġesù, bħal David, Ġwanni l-Battista, u l-irġiel l-oħra taʼ fidi ma telgħux fis-sema. Huma mietu qabel ma Ġesù fetaħ it-triq jew il-possibbiltà biex il-bnedmin jiġu rxoxtati għal ħajja fis-sema. L-appostlu Pawlu kiteb li Ġesù, bħala wieħed li jħejji t-triq, “inawgura . . . triq ġdida u ħajja” fis-sema.—Ebrej 6:19, 20; 9:24; 10:19, 20.
Ladarba Ġesù kien għadu ma mietx u ġie rxoxtat, x’ried ifisser meta qal lil Nikodemu: “Ebda bniedem ma telaʼ fis-sema ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem”? (Ġwanni 3:13) Ikkunsidra l-kuntest, jew dak li Ġesù kien qed jiddiskuti maʼ Nikodemu.
Meta dan il-mexxej Lhudi mar għand Ġesù fis-satra tal-lejl, Ġesù qallu: “Tassew, tassew, ngħidlek, Jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara s-saltna t’Alla.” (Ġwanni 3:3) Bi tweġiba, Nikodemu staqsa: ‘Kif jistaʼ jkun? Bniedem kif jistaʼ jerġaʼ jitwieled?’ Ma fehemx it-tagħlim divin dwar li jkun fis-Saltna t’Alla. Kien hemm xi mod li bih setaʼ jitgħallem dwar dan? Mhux mill-ħarsa tal-bniedem; ebda bniedem ma setaʼ jgħallmu dwar dan għaliex ħadd ma kien telaʼ fis-sema, u b’hekk kien f’pożizzjoni li jispjega xi ħaġa dwar kif tidħol fis-Saltna. L-uniku eċċezzjoni kien Ġesù. Hu setaʼ jgħallem lil Nikodemu u lil oħrajn għaliex Hu kien niżel mis-sema u kien kwalifikat biex jgħallem lin-nies dwar dawn l-affarijiet.
Għalhekk, il-mistoqsija fuq il-vers taʼ hawn fuq turi ċar punt importanti dwar l-istudju tal-Kelma t’Alla. M’huwiex raġunevoli li wieħed ikollu dubji dwar xi vers għaliex jidher li hu diffiċli biex jinftiehem. Dak li tgħid il-Bibbja f’post wieħed għandu jitqies bl-għajnuna taʼ versi oħra li jkunu fi qbil miegħu. Barra minn hekk, spiss il-kuntest—is-sitwazzjoni jew x’kien qed jiġi diskuss—jistaʼ jgħinna nsibu t-tifsir raġunevoli u loġiku taʼ vers li jħawwadna xi ftit.