LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 10/15 pp. 12-16
  • Min Se Jifridna mill-imħabba t’Alla?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min Se Jifridna mill-imħabba t’Alla?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żomm Lilek Innifsek fl-​Imħabba t’Alla
  • Il-​Bidla fiċ-​Ċirkustanzi Ma Teffettwax l-​Imħabba t’Alla
  • Għożż il-​Qalb Tajba bl-​Imħabba t’Alla għal Dejjem
  • Il-​Missier Iħobbok
  • Tħallix imħabbtek tibred
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Issaħħaħ Permezz taʼ l-Imħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Ibqgħu “Imxu fl-Imħabba”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 10/15 pp. 12-16

Min Se Jifridna mill-​imħabba t’Alla?

“Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-​ewwel.”—1 ĠWANN 4:19.

1, 2. (a) Għala huwa importanti li nkunu nafu li aħna maħbubin? (b) Liema mħabba neħtieġu l-​iktar?

KEMM hu importanti għalik li tkun taf li int maħbub? Minn ċkunithom sakemm isiru adulti, il-​bnedmin għandhom bżonn l-​imħabba biex jiffjorixxu. Ġieli osservajt tarbija waqt li ommha tkun qed tħaddanha magħha b’għożża kbira? Jiġri x’jiġri madwarha, taʼ spiss jirriżulta li hekk kif it-​tarbija tħares f’għajnejn ommha, se tħossha rilassata u trankwilla f’dirgħajn ommha li tħobbha. Jew tiftakar int kif kont matul dawk is-​snin imqallbin taʼ l-​adolexxenza? (1 Tessalonikin 2:7) Kienu jiġu mumenti meta forsi ma kontx taf eżatt xi trid jew saħansitra kif kont tħossok, imma kemm kien importanti li tkun taf li ommok u missierek iħobbuk! Ma kienx t’għajnuna li tkun taf li stajt tmur għandhom bi kwalunkwe problema jew mistoqsija? Tabilħaqq, matul ħajjitna kollha, wieħed mill-​akbar bżonnijiet tagħna hu li nkunu maħbubin. Din l-​imħabba ġġagħalna nħossu li aħna stmati.

2 L-imħabba kollha sabar tal-​ġenituri ċertament tgħin biex dak li jkun jikber b’mod korrett u jkun bilanċjat. Madankollu, li jkollna l-​fiduċja li Jehovah, Missierna tas-​sema, iħobbna huwa ferm iktar importanti għall-​iżvilupp spiritwali u emozzjonali tagħna. Xi qarrejja taʼ din ir-​rivista għandhom mnejn ma kellhomx ġenituri li kien jimpurtahom minnhom tassew. Jekk dan huwa minnu fil-​każ tiegħek, taqtax qalbek! Anki jekk l-​imħabba tal-​ġenituri kienet nieqsa jew falliet, l-​imħabba leali t’Alla tpatti għaliha.

3 Permezz tal-​profeta tiegħu Isaija, Jehovah uriena li omm tistaʼ “tinsa” lit-​tarbija tagħha, imma hu qatt ma se jinsa lin-​nies tiegħu. (Isaija 49:15) Bl-​istess mod, David qal b’fiduċja sħiħa: “Jekk missieri u ommi jitilquni, il-​Mulej jiġborni.” (Salm 27:10, Saydon) Kemm iqawwilna qalbna dan! Ikunu x’ikunu ċ-​ċirkustanzi tiegħek, jekk dħalt f’relazzjoni dedikata m’Alla Jehovah, għandek dejjem iżżomm f’moħħok li l-​imħabba li għandu għalik tisboq lil dik taʼ kwalunkwe bniedem!

Żomm Lilek Innifsek fl-​Imħabba t’Alla

4 Meta sirt taf għall-​ewwel darba bl-​imħabba taʼ Jehovah? X’aktarx li l-​esperjenza tiegħek kienet simili għal dik tal-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu. Il-​ħames kapitlu taʼ l-​ittra taʼ Pawlu lir-​Rumani jiddeskrivi b’mod mill-​isbaħ kif il-​midinbin, li darba kienu mbegħdin minn Alla, saru jafu bl-​imħabba taʼ Jehovah. Fil-​vers 5 naqraw: “L-​imħabba taʼ Alla ssawwbet fi qlubna permezz taʼ l-​Ispirtu s-​Santu li kien mogħti lilna.” Fil-​vers 8, Pawlu jżid: “Alla wriena l-​imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.”

5 Bl-istess mod, meta sirt taf bil-​verità mill-​Kelma t’Alla u bdejt turi fidi b’mod attiv, l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah beda jopera f’qalbek. Bdejt tifhem u tapprezza l-​kobor taʼ dak li għamel Jehovah billi bagħat lil Ibnu l-​maħbub biex imut għalik. B’hekk Jehovah għenek tkun konxju taʼ kemm hu jħobb lill-​bnedmin. Ma messlekx qalbek il-​fatt li għalkemm kont imwieled bħala midneb imbiegħed minn Alla, Jehovah kien fetaħ it-​triq biex il-​bnedmin ikunu jistgħu jiġu dikjarati tajbin bil-​prospett taʼ ħajja taʼ dejjem? Ma ħassejtx qalbek tfur b’imħabba għal Jehovah?—Rumani 5:​10.

6 Wara li nġbidt lejn l-​imħabba taʼ Missierek tas-​sema u għamilt l-​aġġustamenti li kellek bżonn biex ħajtek tkun aċċettabbli għalih, int iddedikajt ħajtek lil Alla. Issa int qed tgawdi paċi m’Alla. Madankollu, ġieli jiġuk mumenti meta tħossok li tbegħedt daqsxejn minn Jehovah? Dan jistaʼ jiġri lil kull wieħed u waħda minna. Imma żomm dejjem f’moħħok li Alla ma jinbidilx. L-​imħabba tiegħu hi kostanti u soda bħax-​xemx, li tibqaʼ dejjem titfaʼ d-​dawl u r-​raġġi sħan tagħha lejn l-​art. (Malakija 3:6; Ġakbu 1:​17) Mill-​banda l-​oħra, aħna nistgħu ninbidlu—anki jekk għal ftit żmien. Hekk kif id-​dinja ddur, nofs il-​pjaneta tinsatar fid-​dlam. Bl-​istess mod, jekk aħna nitbiegħdu minn Alla, anki jekk naqra żgħira, nistgħu nħossu li r-​relazzjoni tagħna miegħu birdet. X’nistgħu nagħmlu biex nirranġaw is-​sitwazzjoni?

7 Jekk inħossu li nfridna xi ftit mill-​imħabba t’Alla, għandna nistaqsu lilna nfusna: ‘Bqajt napprezzaha jien l-​imħabba t’Alla? Inħossni li bil-​mod il-​mod inqtajt xi ftit minn dak Alla l-​ħaj u kollu mħabba, billi b’diversi modi wrejt li qed niddgħajjef fil-​fidi? Ħsiebi jien “fil-​ħwejjeġ tal-​ġisem,” minflok “fil-​ħwejjeġ taʼ l-​Ispirtu”?’ (Rumani 8:​5-8; Lhud 3:​12) Jekk tbegħedna minn Jehovah, nistgħu nieħdu passi biex nirranġaw l-​affarijiet, u jerġaʼ jkollna relazzjoni mill-​qrib u tenera miegħu. Ġakbu jħeġġiġna: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Agħti kas il-​kliem taʼ Ġuda: “Intom, għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-​fidi l-​aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-​Ispirtu s-​Santu; żommu rwieħkom fl-​imħabba taʼ Alla.”—Ġuda 20, 21.

Il-​Bidla fiċ-​Ċirkustanzi Ma Teffettwax l-​Imħabba t’Alla

8 Il-ħajja f’din is-​sistema t’affarijiet hija suġġetta għal ħafna bidliet. Is-​Sultan Salamun innota li “ż-​żmien u ċ-​ċirkustanzi” jiġu fuqna lkoll. (Koħèlet 9:11) Jistaʼ jiġri li ħajjitna tinbidel kompletament mil-​lejl għan-​nhar. Jum wieħed nistgħu nkunu nbigħu s-​saħħa, u l-​għada nistgħu nimirdu serjament. Jum wieħed ix-​xogħol sekulari tagħna jistaʼ jkun jidher stabbli, u l-​għada nispiċċaw bla xogħol. Bħal sajjetta fil-​bnazzi, il-​mewt tistaʼ tieħu l-​ħajja taʼ xi ħadd mill-​maħbubin tagħna. Il-​Kristjani f’ċertu pajjiż jistgħu jkunu għaddejjin minn żmien taʼ paċi, imbagħad, f’daqqa waħda, tiżbroffa persekuzzjoni ħarxa. Forsi niġu akkużati b’mod falz, u minħabba f’hekk inbatu xi inġustizzja. Iva, il-​ħajja la hi stabbli u lanqas m’għandha sigurtà dejjiema.—Ġakbu 4:​13-​15.

9 Meta jiġu fuqna affarijiet taʼ niket, nistgħu nibdew inħossuna abbandunati, saħansitra nistgħu nimmaġinaw li l-​imħabba t’Alla għalina naqset. Ladarba aħna lkoll suġġetti għal sitwazzjonijiet bħal dawn, nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw bir-​reqqa l-​kliem taʼ faraġ li l-​appostlu Pawlu kiteb f’Rumani kapitlu 8. Dan il-​kliem kien indirizzat lill-​Kristjani midlukin bl-​ispirtu. Madankollu, fil-​prinċipju japplika wkoll għan-​nagħaġ oħra li ġew dikjarati tajbin bħala ħbieb t’Alla, bħalma kien Abraham fiż-​żmien taʼ qabel il-​Kristjanità.—Rumani 4:20-22; Ġakbu 2:21-23.

10 Aqra Rumani 8:​31-​34. Pawlu jistaqsi: “Jekk Alla hu magħna min jistaʼ jkun kontra tagħna?” Veru, Satana u d-​dinja mill-​agħar tiegħu huma kontrina. L-​għedewwa jistgħu jġibu akkużi foloz kontra tagħna, saħansitra fil-​qrati tal-​pajjiż. Xi ġenituri Kristjani jiġu akkużati li jobogħdu t-​tfal tagħhom għax ma jħalluhomx jaċċettaw proċeduri mediċi li jiksru l-​liġi t’Alla jew jieħdu sehem f’ċelebrazzjonijiet pagani. (Atti 15:28, 29; 2 Korintin 6:​14-​16) Kristjani oħrajn leali jiġu mixlijin b’mod falz b’tixwix għax jirrifjutaw li joqtlu lil sħabhom il-​bnedmin f’xi gwerra jew jindaħlu fil-​politika. (Ġwann 17:16) Xi nies li jopponu jxerrdu gideb malizzjuż fuq il-​mezzi tax-​xandir, saħansitra jakkużaw b’mod falz lix-​Xhieda taʼ Jehovah li huma setta perikoluża.

11 Imma qatt tinsa li fi żmien l-​appostli kienu jgħidu: “Dwar din is-​setta sirna nafu li kullimkien qegħdin jeħduha kontra tagħha.” (Atti 28:22) X’jiswew l-​akkużi foloz? Huwa Alla li jiddikjara jekk il-​Kristjani veri humiex tajbin, u dan jagħmlu fuq il-​bażi tal-​fidi tagħhom fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu. Kif jistaʼ jkun li Jehovah ma jibqax iħobb lill-​adoraturi tiegħu meta tahom l-​iktar rigal prezzjuż li qatt setaʼ jagħtihom—lil Ibnu l-​għażiż? (1 Ġwann 4:10) Issa li Kristu ġie mqajjem mill-​mewt u jinsab fil-​leminija t’Alla, qiegħed il-​ħin kollu jidħol għall-​Kristjani. Hemm xi ħadd li jistaʼ jgħid li Kristu m’huwiex jiddefendi lis-​segwaċi tiegħu jew jgħid li Alla m’għandux stima għolja taʼ dawk leali lejh? Ħadd!—Isaija 50:​8, 9; Lhud 4:​15, 16, KŻ.

12 Aqra Rumani 8:​35-​37. Barra minna, hemm xi ħadd jew xi ħaġa li tistaʼ tifridna mill-​imħabba taʼ Jehovah u taʼ Ibnu, Kristu Ġesù? Satana jistaʼ juża l-​aġenti tiegħu fid-​dinja biex joħloq ħafna inkwiet lill-​Kristjani. Matul is-​seklu li għadda, ħafna minn ħutna l-​Kristjani f’diversi pajjiżi waqgħu vittmi taʼ persekuzzjoni vjolenti. F’xi postijiet illum, ħutna jħabbtu wiċċhom kuljum maʼ problemi ekonomiċi. Xi wħud jesperjenzaw l-​uġigħ minħabba l-​ġuħ jew għax lanqas biss għandhom x’jilbsu. X’inhi l-​mira tax-​Xitan wara dawn il-​kundizzjonijiet ibsin? Minn taʼ l-​inqas, waħda mill-​miri tiegħu hi li jkisser il-​qima vera lejn Jehovah. Satana jrid iġagħalna nemmnu li l-​imħabba t’Alla birdet. Madankollu, huwa tassew hekk?

13 Bħal Pawlu, li kkwota minn Salm 44:23 (44:22, NW), aħna studjajna l-​Kelma miktuba t’Alla. Nifhmu li huwa minħabba l-​isem t’Alla li jiġrulna dawn l-​affarijiet, għax aħna “n-​nagħaġ” tiegħu. Hemm it-​taqdis taʼ l-​isem t’Alla u l-​ivvindikar tas-​sovranità universali tiegħu fin-​nofs. Huwa minħabba kwistjonijiet importanti bħal dawn li Alla jippermetti l-​provi, u mhux għax m’għadux iħobbna. Ikunu x’ikunu ċ-​ċirkustanzi taʼ niket, aħna aċċertati li l-​imħabba t’Alla għan-​nies tiegħu, inkluż kull wieħed u waħda minna, ma nbidlitx. Kwalunkwe telfa li nistgħu nġarrbu se ssir rebħa jekk inżommu l-​integrità tagħna. Il-​fiduċja fl-​imħabba leali t’Alla ssaħħaħna u ssostnina.

14 Aqra Rumani 8:38, 39. X’ikkonvinċa lil Pawlu li xejn ma jistaʼ jifred lill-​Kristjani mill-​imħabba t’Alla? Mingħajr ebda dubju, l-​esperjenzi persunali taʼ Pawlu fil-​ministeru saħħewlu l-​konvinzjoni li t-​tbatijiet ma jistgħux jeffettwaw l-​imħabba t’Alla għalina. (2 Korintin 11:23-​27; Filippin 4:​13) Barra minn hekk, Pawlu kellu għarfien dwar l-​iskop etern taʼ Jehovah u l-​mod kif ittratta man-​nies Tiegħu fl-​imgħoddi. Tistaʼ l-​mewt infisha tirbaħ fuq l-​imħabba li Alla għandu għal dawk li qdewh lealment? Lanqas xejn! Dawn l-​uħud leali li jmutu se jkomplu jgħixu fil-​memorja perfetta t’Alla, u hu se jqajjimhom meta jkun il-​waqt.—Luqa 20:37, 38; 1 Korintin 15:22-​26.

15 Minkejja kwalunkwe għawġ li l-​ħajja taʼ llum tistaʼ ġġib fuqna—sew jekk xi inċident li jħallina bla saħħa, xi marda li m’hemmx fejqan għaliha, jew inkwiet ekonomiku—xejn ma jistaʼ jeqred l-​imħabba t’Alla għan-​nies tiegħu. Anġli b’setgħa kbira, bħall-​anġlu diżubbidjenti li sar Satana, ma jistgħux jinfluwenzaw lil Jehovah biex ma jibqax iħobb lill-​qaddejja devoti tiegħu. (Ġob 2:3) Il-​gvernijiet jistgħu jagħmlu projbizzjonijiet fuq il-​qaddejja t’Alla, jitfgħuhom il-​ħabs, jittrattawhom ħażin, u forsi jittimbrawhom bħala persona non grata. (1 Korintin 4:13) Mibegħda inġusta bħal din mill-​ġnus tistaʼ tpoġġi lin-​nies taħt pressjoni biex iduru kontrina, imma m’hijiex se ġġiegħel lis-​Sovran taʼ l-​univers jabbandunana.

16 Bħala Kristjani, m’għandniex għalfejn nibżgħu li xi waħda mill-​affarijiet t’issa li semma Pawlu—il-​ġrajjiet, il-​kundizzjonijiet, u s-​sitwazzjonijiet f’din is-​sistema preżenti t’affarijiet—jew xi waħda mill-​affarijiet li se jiġru fil-​futur tistaʼ tkisser l-​affezzjoni li Alla għandu għan-​nies tiegħu. Għalkemm il-​qawwiet tas-​sema u taʼ l-​art jagħmlulna gwerra, għandna l-​imħabba leali t’Alla li ssostnina. Bħalma jenfasizza Pawlu, la “l-​għoli u lanqas il-​fond” ma jżommuha l-​imħabba t’Alla. Iva, xejn minn dak li jistaʼ jiskuraġġina, jew li jistaʼ jkollu influwenza kbira fuqna, ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla. Lanqas xi ħolqien ieħor ma jistaʼ jħassar ir-​relazzjoni tal-​Ħallieq mal-​qaddejja leali tiegħu. L-​imħabba t’Alla qatt ma tispiċċa, iżda tibqaʼ għal dejjem.—1 Korintin 13:8.

Għożż il-​Qalb Tajba bl-​Imħabba t’Alla għal Dejjem

17 Kemm hija importanti l-​imħabba t’Alla għalik? Tħossok bħalma ħassu David, li kiteb: “Għax it-​tjieba [“il-​qalb tajba bl-​imħabba,” NW] tiegħek aħjar mill-​ħajja, xufftejja jxandru t-​tifħir tiegħek. Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek”? (Salm 63:4, 5 [63:3, 4, NW]) Tistaʼ l-​ħajja f’din id-​dinja toffrilna xi ħaġa aħjar mill-​imħabba t’Alla u l-​ħbiberija leali tiegħu? Per eżempju, huwa l-​fatt li jkollok karriera sekulari li trendi mhux ħażin aħjar milli jkollok il-​paċi tal-​moħħ u l-​ferħ li jiġu bħala riżultat taʼ relazzjoni mill-​qrib m’Alla? (Luqa 12:15) Xi Kristjani kellhom għażla x’jagħmlu, jew jiċħdu lil Jehovah jew inkella jispiċċaw f’ħalq il-​mewt. Dan ġara lil ħafna Xhieda taʼ Jehovah fil-​kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Ħutna l-​Kristjani, apparti xi ftit eċċezzjonijiet, għażlu li jibqgħu fl-​imħabba t’Alla u saħansitra kienu lesti li jieħdu l-​mewt jekk ikun hemm bżonn. Dawk li jibqgħu lealment fl-​imħabba t’Alla jistgħu jibqgħu ċerti li hu se jagħtihom futur għal dejjem, xi ħaġa li d-​dinja ma tistax tagħtina. (Mark 8:​34-​36) Imma hemm involut saħansitra iktar minn ħajja taʼ dejjem.

18 Għalkemm m’huwiex possibbli li tgħix għal dejjem mingħajr Jehovah, ipprova immaġina kif ikun għomor estremament twil mingħajr il-​Ħallieq tagħna. Ikun vojt, mingħajr skop veru. Jehovah ta lin-​nies tiegħu xogħol sodisfaċenti x’jagħmlu f’dan l-​aħħar żmien. Għalhekk, jistaʼ jkollna l-​fiduċja li meta Jehovah, il-​Wieħed Grandjuż li jwettaq l-​iskopijiet tiegħu, jagħtina l-​ħajja taʼ dejjem, din se tkun mimlija b’affarijiet sbieħ u siewja li nistgħu nitgħallmu u nagħmlu. (Ekkleżjażti 3:11, KŻ) Niskopru kemm niskopru matul il-​millennji li jkollna quddiemna, qatt m’aħna se nifhmu kompletament “kemm huma kbar l-​għana, l-​għerf u l-​għaqal taʼ Alla!”—Rumani 11:33.

Il-​Missier Iħobbok

19 Fl-14 taʼ Nisan, tas-​sena 33 E.K., matul l-​aħħar lejla li għamel mal-​11-il appostlu leali tiegħu, Ġesù qalilhom ħafna affarijiet biex isaħħaħhom għal dak li kien ġej fuqhom. Huma kienu baqgħu maʼ Ġesù matul il-​provi tiegħu, u kienu daquha personalment l-​imħabba tiegħu lejhom. (Luqa 22:28, 30; Ġwann 1:​16; 13:1) Imbagħad Ġesù assigurahom: “Il-​Missier stess iħobbkom.” (Ġwann 16:27) Min jaf kemm għenhom lid-​dixxipli dan il-​kliem biex jagħrfu s-​sentimenti teneri li Missierhom tas-​sema kellu għalihom!

20 Illum ħafna minn dawk li qed jaqdu lealment lil Jehovah ilhom jagħmlu dan għal għaxriet taʼ snin. Bla dubju, qabel it-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar, se niffaċċjaw iktar provi. Qatt tħalli dawn il-​provi jew tbatijiet iġagħluk tiddubita mill-​imħabba leali t’Alla lejk. Ma nistgħux nenfasizzawh biżżejjed dan il-​fatt: Jehovah iħobbok. (Ġakbu 5:11, NW) Ejja lkoll kemm aħna nkomplu nagħmlu l-​parti tagħna u nosservaw lealment il-​kmandamenti t’Alla. (Ġwann 15:8-10) Jalla nużaw kull opportunità biex infaħħru ’l ismu. Għandna nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex inkomplu nersqu qrib Jehovah permezz tat-​talb u l-​istudju tal-​Kelma tiegħu. Jiġri x’jiġri, jekk qed nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nogħġbu lil Jehovah, se jkollna l-​paċi u fiduċja sħiħa li l-​imħabba tiegħu ma tonqosx.—2 Pietru 3:14.

Int Kif Twieġeb?

• Liema mħabba hi meħtieġa b’mod speċjali biex inżommu l-​bilanċ spiritwali u emozzjonali tagħna?

• Liema affarijiet qatt ma jistgħu jżommu lil Jehovah milli jibqaʼ jħobb lill-​qaddejja tiegħu?

• Li tesperjenza l-​imħabba taʼ Jehovah għala huwa “aħjar mill-​ħajja”?

3. Jehovah kif żgura lin-​nies tiegħu minn imħabbtu?

4. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu kif ġew żgurati mill-​imħabba t’Alla?

5. X’għenek tifhem u tapprezza kemm hi kbira l-​imħabba t’Alla?

6. Għala xi kultant nistgħu nħossu li tbegħedna daqsxejn minn Alla?

7. Li neżaminaw lilna nfusna kif jistaʼ jgħinna nibqgħu fl-​imħabba t’Alla?

8. X’bidliet jistgħu jiġu fuqna ħabta u sabta?

9. Għala jkun tajjeb li nikkunsidraw parti minn kapitlu 8 taʼ Rumani?

10, 11. (a) Kultant l-​għedewwa liema akkużi jagħmlu kontra n-​nies t’Alla? (b) Il-​Kristjani għala ma jagħtux kashom dawn l-​akkużi?

12, 13. (a) Liema kundizzjonijiet jew ċirkustanzi ma jistgħux jifirduna mill-​imħabba t’Alla? (b) Liema objettiv irid jilħaq ix-​Xitan billi joħolqilna t-​tbatijiet? (ċ) Il-​Kristjani għala joħorġu rebbiħin għalkollox?

14. Pawlu għala kien konvint mill-​imħabba t’Alla minkejja t-​tbatijiet li jistgħu jgħaddu minnhom il-​Kristjani?

15, 16. Semmi xi affarijiet li qatt ma jistgħu jżommu lil Alla milli jibqaʼ jħobb lill-​qaddejja leali tiegħu.

17. (a) Għala li jkollok l-​imħabba t’Alla huwa “aħjar mill-​ħajja”? (b) Kif nistgħu nuru li ngħożżu l-​qalb tajba bl-​imħabba t’Alla?

18. Għala l-​ħajja taʼ dejjem hija tant mixtieqa?

19. Ġesù Kristu liema assiguranza tahom lid-​dixxipli qabel it-​tluq tiegħu?

20. X’int determinat li tagħmel, u dwar xiex tistaʼ tkun fiduċjuż?

[Stampi f’paġna 13]

Jekk inħossu li nqtajna mill-​imħabba t’Alla, nistgħu naħdmu biex nirranġaw l-​affarijiet

[Stampa f’paġna 15]

Pawlu fehem għala kien persegwitat

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja