LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 5/1 pp. 7-11
  • Tagħlim Mimli Għajnuna għaż-Żminijiet Kritiċi Tagħna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tagħlim Mimli Għajnuna għaż-Żminijiet Kritiċi Tagħna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tagħlima Mill-​Istorja
  • Profezija Dwar Żminijietna
  • Aħsad Benefiċċji Għonja
  • Qegħdin Aħna Verament Ngħixu “fl-Aħħar Jiem”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • L-Iskop t’Alla Dalwaqt Se Jiġi Rrealizzat
    X’Inhu l-Iskop tal-Ħajja? Kif Tista’ Ssibu?
  • Qegħdin Aħna Ngħixu fl-​“Aħħar Jiem”?
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Dan Kollu Xi Jfisser?
    Ibqaʼ Għassa!
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 5/1 pp. 7-11

Tagħlim Mimli Għajnuna għaż-Żminijiet Kritiċi Tagħna

“Kun af dan, li fl-​aħħar jiem żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom se jkunu hawn. . . . Nies mill-​agħar u impusturi se jimxu ’l quddiem mill-​ħażin għall-​agħar, jiżżvijaw u jiġu żvijati.”—2 TIMOTEW 3:1, 13.

1, 2. Għala għandna nkunu interessati f’liema tagħlim insegwu aħna?

QIEGĦED int tiġi mgħejjun, jew qiegħed tiġi mweġġaʼ? Qegħdin il-​problemi tiegħek jiġu solvuti, jew qegħdin jintgħamlu agħar? B’liema ħaġa? Bit-​tagħlim. Iva, it-​tagħlim jistaʼ jeffettwa ferm lil ħajtek, għall-​aħjar jew għall-​agħar.

2 Tliet professuri mseħbin dan l-​aħħar studjaw dwar din il-​kwistjoni u ppreżentaw is-​sejbiet tagħhom fil-​Journal for the Scientific Study of Religion. Veru, jistaʼ jkun li ma studjawx lilek jew lill-​familja tiegħek. Madankollu, dak li sabu juri li hemm konnessjoni definita bejn it-​tagħlim u s-​suċċess, jew il-​falliment, taʼ dak li jkun f’li jkampa maż-​żminijiet kritiċi tagħna. Fl-​artiklu li jmiss, se nagħtu ħarsa lejn dak li skoprew huma.

3, 4. X’inhuma xi evidenzi li aħna ngħixu fi żminijiet kritiċi?

3 L-​ewwel, iżda, ikkunsidra din il-​mistoqsija: Taqbel int li aħna ngħixu fi żminijiet iebes biex issib tarfhom? Jekk inhu hekk, allura żgur se tara li l-​evidenza tagħti prova li dawn huma “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” (2 Timotew 3:1-5) Il-​mod kif in-​nies jiġu effettwati jvarja. Per eżempju, int probabbli taf dwar pajjiżi li eżatt issa qegħdin jiġu mifrudin u mħarbtin hekk kif fazzjonijiet differenti jiġġieldu għal dominanza politika. Fi bnadi oħrajn, il-​qtil jiġi minn differenzi reliġjużi jew etniċi. Is-​suldati m’humiex l-​uniċi nies li qegħdin iweġġgħu. Aħseb ftit dwar in-​nisa u t-​tfajliet bla għadd li ġew attakkati b’mod brutali jew ix-​xjuħ li ġew imċaħħdin minn ikel, sħana, u kenn. Numru bla għadd qegħdin isofru ħafna, u dan qiegħed iwassal għal għadd kbir taʼ refuġjati u ħafna miżerji relatati.

4 Iż-​żminijiet tagħna huma mmarkati wkoll bi problemi ekonomiċi, li jirriżultaw f’qagħad, fabbriki magħluqin, telf taʼ benefiċċji u pensjonijiet, tnaqqis fil-​valur tal-​flus, u ikliet iżgħar jew inqas. Tistaʼ żżid mal-​lista taʼ problemi? X’aktarx li tistaʼ. Miljuni oħrajn madwar il-​globu jsofru minn nuqqas taʼ ikel u mardiet. X’aktarx li int rajt ritratti orribbli mill-​Afrika tal-​Lvant taʼ rġiel, nisa, u tfal għadma u ġilda. Miljuni fl-​Asja jsofru bl-​istess mod.

5, 6. Għala jistaʼ jingħad li l-​mard ukoll huwa aspett qawwi ferm taż-​żminijiet kritiċi tagħna?

5 Ilkoll smajna b’mardiet li jkexkxuk u li issa qegħdin jiżdiedu. Fil-​25 taʼ Jannar, 1993, The New York Times stqarret: “Billi qiegħda tiżdied fost it-​taħlit sesswali, l-​ipokrezija u l-​prevenzjoni taʼ kafkaf, l-​epidemija taʼ l-​AIDS fl-​Amerka Latina se tisboq lil dik taʼ l-​Istati Uniti . . . Il-​biċċa l-​kbira taż-​żjieda tiġi minn rati taʼ infezzjoni li qegħdin jiżdiedu fost . . . in-​nisa.” F’Ottubru taʼ l-​1992, il-​U.S.News & World Report qal: “Kien biss għoxrin sena ilu li l-​kirurgu ġenerali taʼ l-​Istati Uniti, billi ta merħba lil wieħed mill-​akbar trijonfi tas-​saħħa pubblika li qatt kien hawn, ħabbar li kien wasal iż-​żmien biex ‘jingħalaq il-​ktieb tal-​mardiet li jittieħdu.’” Xi ngħidu dwar issa? “L-​isptarijiet qegħdin jerġgħu jimtlew b’vittmi taʼ flaġelli li suppost li ġew megħlubin. . . . Il-​mikrobi qegħdin joħolqu strateġiji ġenetiċi dejjem iktar makakki li qegħdin iħalluhom jiżżviluppaw iktar bil-​għaġla mill-​iżvilupp taʼ antibijotiċi ġodda. . . . ‘Deħlin f’era ġdida taʼ mard li jittieħed.’”

6 Bħala eżempju wieħed, Newsweek tal-​11 taʼ Jannar, 1993, irrapportat: “Parassiti tal-​malarja issa jinfettaw lil bejn wieħed u ieħor 270 miljun ruħ kull sena, billi joqtlu qrib 2 miljun ruħ . . . u billi jikkaġunaw minn taʼ l-​inqas 100 miljun każ taʼ mard akut. . . . Fl-​istess waqt, il-​marda qiegħda ssir dejjem iktar reżistenti għal drogi li darba kienu jfejqu. . . . Xi mardiet dalwaqt ma jkunux jistgħu jiġu kkurati.” Dak iqabbdek il-​bard.

7. Bosta llum kif qegħdin jirreaġixxu għaż-​żminijiet diffiċli?

7 Forsi nnotajt li f’dawn iż-​żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom, ħafna qegħdin ifittxu l-​għajnuna biex isolvu l-​problemi tagħhom. Ikkunsidra, per eżempju, lil dawk li qegħdin iduru lejn kotba li jitkellmu dwar li wieħed ikampa maʼ l-​istress jew maʼ xi marda ġdida. Oħrajn huma ddisprati għal parir dwar xi żwieġ li qiegħed ifalli, dwar l-​indokrar tat-​tfal, dwar inkwiet bl-​alkoħol jew bid-​droga, jew dwar kif jibbilanċjaw l-​impennji taʼ l-​impjieg tagħhom u l-​pressjonijiet li jħossu fid-​dar. Iva, tassew għandhom bżonnha l-​għajnuna! Qiegħed int tissielet maʼ xi problema persunali jew tesperjenza xi ftit mill-​inkwiet ikkaġunat mill-​gwerra, mill-​ġuħ, jew mid-​diżastru? Saħansitra jekk problema li qiegħda tagħfsek tidher li ma tistax tiġi solvuta, għandek raġun tistaqsi, ‘Għala wasalna fi stat kritiku bħal dan?’

8. Għala għandna nduru lejn il-​Bibbja għal dehen u gwida?

8 Qabel ma nkunu nistgħu nkampaw b’mod effettiv maʼ u nsibu sodisfazzjon fil-​ħajja issa u fil-​futur, għandna bżonn inkunu nafu għala niffaċċjaw żminijiet kritiċi bħal dawn. Bla tlaqliq, dak jipprovdi raġuni għal kull wieħed minna biex jikkunsidra l-​Bibbja. Għala nippontaw lejn il-​Bibbja? Għaliex hi biss fiha profezija eżatta, storja miktuba bil-​quddiem, li turi r-​raġunijiet għall-​istat imwiegħer tagħna, fejn qegħdin fil-​medda taż-​żmien, u fejn sejrin.

Tagħlima Mill-​Istorja

9, 10. Il-​profezija taʼ Ġesù f’​Mattew kapitlu 24 kif twettqet fl-​ewwel seklu?

9 It-​Torri Taʼ L-​Għassa taʼ l-​1 taʼ Marzu, 1994, ipprovda ħarsa lura notevoli tal-​profezija ħajja taʼ Ġesù f’​Mattew kapitlu 24. Jekk tiftaħ il-​Bibbja tiegħek f’dak il-​kapitlu, tistaʼ tara fil-​vers 3 li l-​appostli taʼ Ġesù talbu sinjal dwar il-​preżenza futura tiegħu u l-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet. Imbagħad, fil-​versi 5 sa 14, Ġesù bassar Kristijiet foloz, gwerer, nuqqasijiet taʼ ikel, persekuzzjoni taʼ Kristjani, nuqqas taʼ ħarsien tal-​liġi, u ppridkar estensiv dwar is-​Saltna t’Alla.

10 L-​istorja tagħti prova li dawk l-​istess affarijiet tassew ġraw matul il-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet Lhudija. Kieku kont tgħix f’dak iż-​żmien, ma kinux dawk ikunu żminijiet diffiċli? Madankollu, l-​affarijiet kienu mexjin lejn quċċata, tribulazzjoni li ma kienx hemm bħalha qabel fuq Ġerusalemm u s-​sistema Lhudija. Fil-​vers 15 nibdew naqraw dwar xi żviluppa wara li r-​Rumani attakkaw lil Ġerusalemm fis-​sena 66 E.K. Dawk il-​ġrajjiet laħqu l-​quċċata fit-​tribulazzjoni li Ġesù semma fil-​vers 21​—il-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K., l-​agħar tribulazzjoni li qatt ġiet fuq dik il-​belt. Xorta waħda, int taf li l-​istorja ma waqfitx f’dak iż-​żmien, lanqas ma qal Ġesù li kellu jsir hekk. Fil-​versi 23 sa 28, hu wera li wara t-​tribulazzjoni tas-​sena 70 E.K., affarijiet oħrajn kellhom jiġru.

11. It-​twettieq taʼ l-​ewwel seklu taʼ Mattew kapitlu 24 kif inhu relatat maʼ żmienna?

11 Xi wħud illum jistgħu jkunu inklinati li kwistjonijiet bħal dawn mill-​passat jeħduhom ħafif ħafif b’xi espressjoni bħal ‘allura?’ Dak ikun żball. It-​twettieq tal-​profezija lura f’dak iż-​żmien huwa importanti b’mod vitali. Għala? Sewwa, il-​gwerer, il-​ġuħ, it-​terremoti, il-​pesti, u l-​persekuzzjoni matul il-​konklużjoni tas-​sistema Lhudija kellhom jiġu riflessi fi twettieq akbar wara li “ż-​żminijiet maħturin tal-​ġnus” intemmu fl-​1914. (Luqa 21:24) Bosta li huma ħajjin issa raw b’għajnejhom l-​I Gwerra Dinjija meta dan it-​twettieq modern beda. Imma saħansitra jekk twelidt wara l-​1914, rajt il-​profezija taʼ Ġesù tiġi mwettqa. Il-​ġrajjiet taʼ dan is-​seklu 20 jagħtu prova abbundanti li aħna issa qegħdin ngħixu fil-​konklużjoni taʼ din is-​sistema preżenti mill-​agħar.

12. Skond Ġesù, x’għad nistgħu nistennew li naraw?

12 Dan ifisser li “t-​tribulazzjoni” taʼ Mattew 24:29 qiegħda quddiemna. Se tinvolvi fenomeni ċelestjali li forsi ma nistgħux nimmaġinaw. Vers 30 juri li n-​nies imbagħad se jaraw sinjal differenti​—sinjal li jagħti prova li l-​qerda hi fil-​qrib. Skond ir-​rakkont parallel f’​Luqa 21:25-28, f’dak iż-​żmien fil-​futur, ‘irġiel se jħosshom ħażin bil-​biżaʼ u bl-​istennija taʼ l-​affarijiet li ġejjin fuq l-​art.’ Ir-​rakkont taʼ Luqa jgħid ukoll li l-​Kristjani f’dak iż-​żmien se jerfgħu rjushom ’il fuq għaliex il-​ħelsien tagħhom se jkun qrib ferm.

13. Liema żewġ punti kruċjali jimmeritaw l-​attenzjoni tagħna?

13 ‘Kollox sew,’ tistaʼ tgħid int, ‘imma jien ħsibt li l-​kwistjoni kienet kif nistaʼ jien nifhem u niffaċċja ż-​żminijiet ibsin tagħna?’ Għandek raġun. L-​ewwel punt tagħna hu li nidentifikaw il-​problemi kruċjali u li naraw kif nistgħu nevitawhom. Marbut maʼ dak hemm it-​tieni punt, kif it-​tagħlim Skritturali jistaʼ jgħinna biex ingawdu ħajja aħjar issa. F’konnessjoni maʼ dan, iftaħ il-​Bibbja tiegħek fit-​2 Timotew kapitlu 3, u ara kif il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu jistaʼ jgħinek biex tittratta maż-​żminijiet ibsin.

Profezija Dwar Żminijietna

14. Għala hemm raġuni li nemmnu li konsiderazzjoni tat-2 Timotew 3:1-5 tistaʼ tibbenefikana?

14 Alla nebbaħ lil Pawlu biex jikteb lill-​Kristjan leali Timotew ħafna pariri mill-​aħjar li għenuh biex jgħaddi ħajja iktar taʼ suċċess u iktar hienja. Parti minn dak li kiteb Pawlu kellu jkollu l-​applikar prinċipali tiegħu fi żmienna. Saħansitra jekk tħoss li tafhom sewwa, segwi mill-​qrib issa l-​kelmiet profetiċi fit-​2 Timotew 3:1-5. Pawlu kiteb: “Kun af dan, li fl-​aħħar jiem se jkun hawn żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom. Għax il-​bnedmin se jkunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-​flus, faħħarin, kburin, midgħajja, ma jobdux lill-​ġenituri, ma jroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali, m’humiex lesti li jiftehmu, kalunnjaturi, mingħajr kontroll fuqhom infushom, feroċi, mingħajr imħabba lejn it-​tjubija, tradituri, rashom iebsa, minfuħin bil-​kburija, iħobbu l-​pjaċiri minflok ma jħobbu ’l Alla, għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma jagħtu prova li huma foloz għall-​qawwa tagħha.”

15. It-​2 Timotew 3:1 għala għandu jkun taʼ interess speċjali għalina issa?

15 Jekk jogħġbok innota, kien hemm 19-il ħaġa mniżżlin. Qabel ma neżaminawhom u niġu f’pożizzjoni biex nibbenefikaw, ejjew nieqfu ftit biex nifhmu l-​profezija bħala ħaġa sħiħa. Ħares lejn vers 1. Pawlu bassar: “Fl-​aħħar jiem żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom se jkunu hawn.” Liema “l-​aħħar jiem”? Kien hawn ħafna l-​aħħar jiem, bħal per eżempju l-​aħħar jiem taʼ Pompej tal-​qedem jew l-​aħħar jiem taʼ sultan jew familja li taħkem. Il-​Bibbja wkoll issemmi għadd taʼ l-​aħħar jiem, bħal per eżempju l-​aħħar jiem tas-​sistema Lhudija. (Atti 2:16, 17) Ġesù, iżda, poġġa l-​bażi għalina biex nifhmu li “l-​aħħar jiem” li semma Pawlu jirreferu għal żmienna.

16. Il-​parabbola tal-​qamħ u l-​ħaxix ħażin liema sitwazzjoni bassret għal żmienna?

16 Ġesù għamel dan permezz taʼ parabbola dwar qamħ u ħaxix ħażin. Dawn kienu miżrugħin f’għalqa u tħallew jikbru. Hu qal li l-​qamħ u l-​ħaxix ħażin jirrappreżentaw lil nies​—Kristjani veri u wħud foloz. Qegħdin insemmu din il-​parabbola għaliex din tistabbilixxi li perijodu twil taʼ żmien kellu jgħaddi qabel il-​konklużjoni tas-​sistema mill-​agħar kollha kemm hi. Meta dik waslet, xi ħaġa kellha tkun fl-​aqwa tagħha. Liema ħaġa? L-​apostasija, jew id-​dawrien fil-​ġenb mill-​Kristjanità vera, li rriżultat fi ħsad kbir ħafna taʼ ħażen. Profeziji oħrajn tal-​Bibbja jikkonfermaw li dan kellu jiġri matul l-​aħħar jiem tas-​sistema mill-​agħar. Hemmhekk hu fejn aħna qegħdin, fil-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet.—Mattew 13:24-30, 36-43.

17. It-​2 Timotew 3:1-5 liema tagħrif parallel jipprovdi dwar il-​konklużjoni tas-​sistema taʼ affarijiet?

17 Tarah int is-​sinjifikat? It-​tieni Timotew 3:1-5 jagħtina indikazzjoni parallela li matul il-​konklużjoni tas-​sistema, jew l-​aħħar jiem, il-​frott li jiċċirkonda lill-​Kristjani kellu jkun ħażin. Pawlu ma kienx qiegħed jgħid li d-​19-il ħaġa mniżżlin kellhom ikunu l-​mod primarju li bih nagħtu prova li l-​aħħar jiem kienu waslu. Minflok, kien qiegħed iwissi dwar dak li kellna nitqabdu miegħu matul l-​aħħar jiem. L-​ewwel vers jitkellem dwar “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” Dik l-​espressjoni ġejja mill-​Grieg, u tfisser litteralment “żminijiet maħturin feroċi.” (Kingdom Interlinear) Ma taqbilx int li l-​kelma “feroċi” b’mod xieraq tiddeskrivi dak li qegħdin niffaċċjaw illum? Dan il-​passaġġ imnebbaħ jissokta jagħti dehen divin għal ġo żmienna.

18. Fuq liema ħaġa għandna niffokaw hekk kif nistudjaw il-​kliem profetiku taʼ Pawlu?

18 L-​interess tagħna f’din il-​profezija għandu jippermettilna nidentifikaw eżempji traġiċi taʼ kemm huwa kritiku, jew feroċi, il-​perijodu tagħna. Ftakar iż-​żewġ punti kruċjali tagħna: (1) li nidentifikaw problemi li jagħmlu liż-​żminijiet tagħna ibsin u li naraw kif se nevitawhom; (2) li nsegwu tagħlim li hu verament prattiku u li jistaʼ jgħinna biex ingawdu ħajja aħjar. Mela minflok ma nenfasizzaw affarijiet negattivi, se niffokaw fuq tagħlim li jistaʼ jgħin lilna u lill-​familji tagħna f’dawn iż-​żminijiet li iebes biex issib tarfhom.

Aħsad Benefiċċji Għonja

19. Liema evidenza rajt li l-​bnedmin iħobbu lilhom infushom?

19 Pawlu jibda l-​lista tiegħu billi jbassar li fl-​aħħar jiem, “il-​bnedmin se jkunu jħobbu lilhom infushom.” (2 Timotew 3:2) X’ried ifisser? Tagħmel sewwa jekk tgħid li matul l-​istorja kien hawn irġiel u nisa li kellhom opinjoni esaġerata tagħhom infushom u li qdew lilhom infushom. Madankollu, m’hemm l-​ebda dubju li dan id-​difett huwa komuni ħafna illum. Huwa estrem f’ħafna nies. Huwa kważi l-​ħaġa normali fid-​dinja politika u kummerċjali. Irġiel u nisa jiġru wara l-​poter u l-​fama akkost taʼ kollox. Ġeneralment dan ikun akkost taʼ kollox għal oħrajn, għax dawn li jħobbu lilhom infushom ma jimpurtahomx kif jagħmlu ħsara lil nies oħrajn. Huma ħfief biex iħarrku lil jew iqarrqu b’oħrajn. Tistaʼ tifhem għala ħafna nies isejħu lil din il-​“ġenerazzjoni taʼ l-​ewwel jien.” Irġiel u nisa egoisti huma kotrana.

20. Il-​parir Bibliku kif inhu f’kuntrast maʼ l-​ispirtu prevalenti taʼ li wieħed iħobb lilu nnifsu?

20 M’għandniex għalfejn niġu mfakkrin dwar esperjenzi taʼ mrar li kellna f’li nittrattaw maʼ nies li “jħobbu lilhom infushom.” Huwa madankollu veru li billi tidentifika b’mod ċar lil din il-​problema, il-​Bibbja qiegħda tgħinna, għax qiegħda tgħallimna kif se nevitaw din in-​nasba. Dan hu dak li tgħid: “Tagħmlu xejn minn ambizzjoni egoistika jew minn xewqa baxxa biex tiftaħru, imma kunu umlin lejn xulxin, billi dejjem tikkunsidraw lil oħrajn aħjar minnkom. U fittxu l-​interessi taʼ xulxin, mhux biss tagħkom stess.” “Taħsibx dwarek iktar milli għandek taħseb. Minflok, kun modest fil-​ħsieb tiegħek.” Dak il-​parir eċċellenti jinstab ġo Filippin 2:3, 4 u f’​Rumani 12:3, kif tradotti fit-​Today’s English Version.

21, 22. (a) Liema evidenza kbira ħafna hemm li parir bħal dan jistaʼ jagħti prova li hu mimli għajnuna llum? (b) Il-​parir t’Alla liema effett kellu fuq individwi normali?

21 Xi ħadd jistaʼ jipprotesta, ‘Dak jidher li hu tajjeb, imma m’huwiex prattiku.’ O, iva, huwa prattiku. Jistaʼ jirnexxi, u hekk jagħmel, maʼ bnedmin normali llum. Fl-​1990 il-​pubblikatur għall-​Università taʼ Oxford stampa The Social Dimensions of Sectarianism. Kapitlu 8 kien intitolat “Jehovah’s Witnesses in a Catholic Country” (“Ix-​Xhieda taʼ Jehovah f’Pajjiż Kattoliku”), u ddeskriva riċerka li saret fil-​Belġju. Naqraw: “Billi daru lejn il-​ġibda pożittiva taʼ li wieħed isir Xhud, apparti mill-​ġibda tal-​‘Verità’ nfisha, dawk li rrispondew semmew mill-​ġdid kultant iktar minn karatteristika waħda. . . . Il-​kordjalità, il-​ħbiberija, l-​imħabba, u l-​unità kienu l-​kwalitajiet imsemmijin l-​iktar regulari, imma l-​onestà, u l-​komportament persunali f’li ‘jwettqu l-​prinċipji tal-​Bibbja’ kienu wkoll kwalitajiet li x-​Xhieda għożżew.”

22 Nistgħu nxebbhu din id-​deskrizzjoni ġenerali maʼ ritratt meħud b’lenti wide-angle; kieku, minflok, użajt lenti li tkabbar kont tkun tistaʼ tara lil uħud mill-​qrib, ħafna esperjenzi veri. Dawn kienu jinkludu lil irġiel li kienu arroganti, dominanti, jew b’mod ovvju egoisti imma li huma issa rġiel miżżewġin u missirijiet iktar ġwejdin u mill-​aħjar, li juru iktar affezzjoni tenera u qalb tajba lejn l-​imseħbin tagħhom, it-​tfal tagħhom, u lejn oħrajn. Dan kien jinkludi wkoll lil nisa li kienu dominanti jew m’humiex simpatiċi u li issa jgħinu lil oħrajn biex jitgħallmu l-​mogħdija tal-​Kristjanità vera. Hemm mijiet taʼ eluf taʼ eżempji bħal dawn. Issa, jekk jogħġbok kun sinċier. Ma ssibx li huwa ferm aħjar li tkun maʼ nies bħal dawk milli dejjem tħabbat wiċċek maʼ rġiel u nisa li jħobbu lilhom infushom l-​ewwel u qabel kollox? Ma jagħmilhiex dak iktar faċli biex inkampaw maż-​żminijiet kritiċi tagħna? Mela li ssegwi tagħlim Bibliku bħal dan ma jagħmlikx iktar hieni?

23. Għala se tkun ħaġa siewja li nagħtu iktar attenzjoni lit-​2 Timotew 3:2-5?

23 Ikkunsidrajna, iżda, l-​ewwel ħaġa biss fil-​lista taʼ Pawlu mniżżla fit-​2 Timotew 3:2-5. Xi ngħidu dwar l-​oħrajn? Li teżaminahom bir-​reqqa se jgħinek ukoll biex tidentifika problemi kruċjali taʼ żmienna sabiex tevitahom u tkun kapaċi tifhem liema korsa se ġġib hena akbar lilek u lill-​familja tiegħek? L-​artiklu li jmiss se jgħinek biex twieġeb dawk il-​mistoqsijiet u biex tikseb barka għanja. (w94 4/15)

Punti Taʼ Min Jiftakarhom

◻ X’inhuma xi evidenzi li aħna ngħixu fi żminijiet kritiċi?

◻ Għala nistgħu nkunu żguri li aħna ngħixu fl-​aħħar jiem?

◻ Liema żewġ punti kruċjali nistgħu nieħdu minn studju tat-2 Timotew 3:1-5?

◻ Matul dan iż-​żmien meta tant nies iħobbu lilhom infushom, it-​tagħlim tal-​Bibbja kif għen lin-​nies taʼ Jehovah?

[Sors taʼ l-​Istampi f’paġna 7]

Ritratt fuq xellug: Andy Hernandez/Sipa Press; ritratt isfel lemin: Jose Nicolas/Sipa Press

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja