Onora lil Oħrajn
“Fittxu li tistmaw [“turu unur,” “NW”] lil xulxin.”—RUMANI 12:10.
1, 2. (a) X’irridu nipprattikaw biex nuru l-umiltà tal-moħħ? (b) Il-Bibbja kif tuża taʼ spiss il-kelma “unur,” u min isibha iktar faċli biex juri unur?
L-ARTIKLU taʼ qabel enfasizza l-parir tal-Kelma t’Alla: “Lkoll kemm intom, mbagħad, ilbsu l-umiltà [“tal-moħħ,” NW] maʼ xulxin għax Alla jeqfilhom lill-kburin, imma lill-umli jagħtihom il-grazzja.” (1 Pietru 5:5) Mod wieħed kif nistgħu nitħażżmu bl-umiltà tal-moħħ hu billi nidraw nuru unur lil oħrajn.
2 Il-kelma “unur” fil-Bibbja spiss hija wżata biex tindika r-rispett, l-istima, u l-konsiderazzjoni li għandna nuru lejn oħrajn. Aħna nkunu qed nonoraw lil oħrajn jekk inkunu qalbna tajba magħhom, nirrispettaw id-dinjità tagħhom, nagħtu widen għall-opinjoni tagħhom, u billi nkunu lesti li nwettqu xi talbiet raġunevoli li jagħmlulna. Dawk li għandhom l-umiltà tal-moħħ dan ġeneralment m’humiex se jsibuh diffiċli. Madankollu, dawk li huma suppervi f’qalbhom għandhom mnejn isibuha diffiċli li juru stima ġenwina u jistgħu minflok jipprovaw jiksbu favuri u vantaġġi billi joqogħdu jneffħu lil dak li jkun.
Jehovah Jonora lill-Bnedmin
3, 4. Jehovah kif onorah lil Abraham, u għala?
3 Jehovah nnifsu jagħtina l-eżempju f’li juri unur. Hu ħalaq lill-bnedmin bir-rieda ħielsa u ma jittrattahomx bħal sempliċi robots. (1 Pietru 2:16) Per eżempju, meta lil Abraham qallu li Sodoma kellha tinqered minħabba l-ħażen kbir taʼ ġo fiha, Abraham staqsa: “Int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha?” Jehovah wieġeb li hu kien jeħlisha lill-belt minħabba 50 tajbin. Abraham imbagħad kompla jitlob bl-umiltà. Xi tgħid jekk hemm biss 45? 40? 30? 20? 10? Jehovah assigura lil Abraham li hu ma kienx se jeqridha lil Sodoma jekk jinstabu biss għaxra tajbin fiha.—Ġenesi 18:20-33.
4 Jehovah kien jaf li ma kienx hemm għaxra min-nies tajbin f’Sodoma, madankollu hu onorah lil Abraham billi ta widen għall-opinjoni tiegħu u ttratta miegħu bir-rispett. Għala? Għaliex Abraham “emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.” Abraham issejjaħ il-“ħabib taʼ Alla.” (Ġenesi 15:6; Ġakbu 2:23) Barra minn hekk, Jehovah ra li Abraham kien jonora lil oħrajn. Meta nqalgħet tilwima rigward it-territorju bejn ir-ragħajja tiegħu u dawk taʼ neputih Lot, Abraham onora lil Lot billi qallu biex jagħżel hu l-ewwel liema naħa ried imur. Lot għażel dak li hu ra li kienet l-aħjar art, u Abraham mar xi mkien ieħor.—Ġenesi 13:5-11.
5. Jehovah kif onorah lil Lot?
5 Jehovah onorah bl-istess mod lit-twajjeb Lot. Qabel Sodoma ġiet meqruda, hu qal lil Lot biex jaħrab lejn l-inħawi muntanjużi. Madankollu, Lot qal li ma xtaqx imur hemmhekk; ipprefera jmur Sogħar, għalkemm il-belt kienet fl-inħawi li kienu se jiġu meqrudin. Jehovah qal lil Lot: “Ara jien se naqtagħlek xewqtek f’din il-ħaġa wkoll; m’iniex se neqred il-belt li għedtli.” Jehovah onorah lil-leali Lot billi għamel dak li talbu.—Ġenesi 19:15-22; 2 Pietru 2:6-9.
6. Jehovah kif onorah lil Mosè?
6 Meta Jehovah bagħat lil Mosè lura lejn l-Eġittu sabiex joħroġ lill-poplu Tiegħu ’l barra mill-jasar u jkellem lill-Fargħun biex iħalli lin-nies Tiegħu jitilqu, Mosè wieġeb: “Jaħasra, Sidi, ma ninqalax biex nitkellem jien.” Jehovah assigura lil Mosè: “Jien inkun maʼ fommok u ngħallmek x’għandek tgħid.” Imma Mosè kien għadu mhux konvint. Jehovah mbagħad assigura mill-ġdid lil Mosè u għamel arranġamenti biex jibgħat lil ħuh, Aron, miegħu bħala kelliemi.—Eżodu 4:10-16.
7. Jehovah għala kien lest li jonora lil oħrajn?
7 F’dawn il-każi kollha, Jehovah wera li hu kien lest li jonora lil oħrajn, speċjalment lil dawk li qdew lilu. Għalkemm dak li talbu setaʼ kien differenti minn dak li Jehovah oriġinalment kellu l-intenzjoni li jagħmel, hu kkunsidra t-talbiet tagħhom u ppermettiehom sakemm dan ma kienx imur kontra l-iskop tiegħu.
Ġesù Onora lil Oħrajn
8. Ġesù kif onoraha lil waħda mara li kienet marida ħafna?
8 Ġesù imita lil Jehovah f’li jonora lil oħrajn. Darba f’nofs il-folla kien hemm mara li kienet ilha tbati minn nixxiegħa taʼ demm għal 12-il sena. It-tobba ma kellhomx il-ħila jfejquha. Skond il-Liġi Mosajka, hi kienet meqjusa bħala mhix nadifa ċerimonjalment u mhux suppost li kellha tkun hemmhekk. Hi marret wara Ġesù, messet il-libsa tiegħu, u fieqet. Ġesù ma qagħadx jinsisti fuq it-teknikalitajiet tal-Liġi, u ma ċanfarhiex għal dak li kienet għamlet. Minflok, billi kien jaf iċ-ċirkustanzi tagħha, onoraha, billi qalilha: “Binti . . . il-fidi tiegħek fejjqitek; mur bis-sliem, u kun imfejjqa mill-marda tiegħek.”—Mark 5:25-34; Levitiku 15:25-27.
9. Ġesù kif onoraha lil waħda mara mill-Ġentili?
9 F’okkażjoni oħra, mara mill-Feniċja qalet lil Ġesù: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David: binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!” Billi kien jaf li kien mibgħut għall-ġens taʼ Iżrael u mhux għand il-Ġentili, Ġesù qalilha: “M’hux sewwa tieħu l-ħobż taʼ l-ulied [taʼ Iżrael] u tixħtu lill-ġriewi [Ġentili].” Il-mara wieġbet: “Iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqaʼ minn fuq il-mejda taʼ sidienhom!” Imbagħad Ġesù qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.” Bintha fieqet. Ġesù onora lil din il-mara mill-Ġentili minħabba l-fidi tagħha. Saħansitra l-fatt li uża l-espressjoni “ġriewi,” minflok ma rrefera għal klieb salvaġġi, taffa l-kwistjoni u wera l-mogħdrija li kellu.—Mattew 15:21-28.
10. Ġesù liema lezzjoni qawwija għallimhom lid-dixxipli tiegħu, u għala kienet meħtieġa?
10 Ġesù baqaʼ jgħallem lid-dixxipli tiegħu dwar il-ħtieġa li juru umiltà tal-moħħ u li jonoraw lil oħrajn, ladarba huma kien għad għandhom il-problema taʼ li jridu jkunu l-ewwel. Darba, wara argument li kellhom, Ġesù staqsihom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom?” Huma baqgħu siekta, għax “kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.” (Mark 9:33, 34) Saħansitra l-lejl taʼ qabel il-mewt taʼ Ġesù, “nqagħlet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed.” (Luqa 22:24) Għalhekk matul l-ikla tal-Qbiż, Ġesù “ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli.” X’lezzjoni qawwija dik! Ġesù kien l-Iben t’Alla, u Jehovah biss kien hemm akbar minnu fl-univers kollu. Madankollu, hu għallem lid-dixxipli tiegħu lezzjoni onorabbli billi ħaslilhom saqajhom. Hu qal: “Jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll.”—Ġwann 13:5-15.
Pawlu Wera Unur
11, 12. Wara li Pawlu sar Kristjan, liema ħaġa tgħallem, u din il-lezzjoni kif applikaha f’konnessjoni maʼ Filemon?
11 Bħala imitatur taʼ Kristu, l-appostlu Pawlu wera unur lil oħrajn. (1 Korintin 11:1) Hu qal: “Ma fittixniex il-glorja tal-bnedmin, . . . imma ġibna ruħna magħkom bil-ħlewwa, bħalma omm traddaʼ tħaddan lil uliedha.” (1 Tessalonikin 2:6, 7) Omm traddaʼ tgħożż liċ-ċkejknin tagħha. Wara li Pawlu sar Kristjan, tgħallem juri umiltà tal-moħħ u wera unur lejn Kristjani sħabu billi ttrattahom bil-ġentilezza. Billi għamel dan, hu rrispetta wkoll ir-rieda ħielsa tagħhom, kif ġie muri minn xi ħaġa li ġrat meta kien priġunier f’Ruma.
12 Ilsir maħrub li kien jismu Oneżimu qagħad jismaʼ lil Pawlu jgħallem. Hu sar Kristjan kif ukoll ħabib taʼ Pawlu. Sid l-ilsir kien Filemon, li kien Kristjan ukoll, u li kien jgħix fl-Asja Minuri. F’ittra lil Filemon, Pawlu kitiblu kemm kien utli għalih Oneżimu, billi qallu: “Xtaqt kieku żammejtu miegħi.” Madankollu, Pawlu rritorna lil Oneżimu għand Filemon, għax kiteb: “Ma ridt nagħmel xejn mingħajr ma nara x’jidhirlek int, biex l-opra tajba tiegħek ma tkunx għamiltha bilfors, imma tkun ħierġa mill-qalb.” Pawlu m’approfittax ruħu mill-fatt li hu kien appostlu, imma wrieh unur lil Filemon billi ma talbux iżomm lil Oneżimu miegħu f’Ruma. Iktar minn hekk, Pawlu wissa lil Filemon biex jonorah lil Oneżimu, billi jittrattah bħala ‘xi ħaġa iktar minn ilsir, bħala ħuh l-għażiż.’—Filemon 13-16.
Nonoraw fi Żmienna
13. Rumani 12:10 x’tgħidilna biex nagħmlu?
13 Il-Kelma t’Alla tagħtina l-parir: “Fittxu li tistmaw [“turu unur,” NW] lil xulxin.” (Rumani 12:10) Dan ifisser li m’għandniex nistennew li ħaddieħor jonora lilna l-ewwel, imma għandna nieħdu l-inizjattiva. “Ħadd ma għandu jqis qjiesu biss, iżda qjies ħaddieħor.” (1 Korintin 10:24; 1 Pietru 3:8, 9) B’hekk, il-qaddejja taʼ Jehovah jfittxu opportunitajiet biex jonoraw lil dawk fiċ-ċirku tal-familja, lil sħabhom il-Kristjani fil-kongregazzjoni, u saħansitra lil dawk barra l-kongregazzjoni.
14. L-unur kif jistaʼ jintwera bejn raġel u martu?
14 Il-Bibbja tistqarr: “[I]r-ras taʼ kull raġel huwa Kristu, u ras il-mara huwa r-raġel.” (1 Korintin 11:3) Jehovah lir-raġel jobbligah li jittratta maʼ martu bħalma Kristu ttratta mal-kongregazzjoni. Fl-1 Pietru 3:7, ir-raġel jingħata direzzjoni biex lil martu jagħtiha ‘l-ġieħ li ħaqqha, għax hija iktar dgħajfa.’ Dan jistaʼ jagħmlu billi juri li b’mod ġenwin ikun lest li jismaʼ s-suġġerimenti tagħha u jikkunsidrahom. (Ġenesi 21:12) Għandu mnejn jagħmel kif tkun trid hi basta ma jkun hemm ebda prinċipju Bibliku involut, u hu jagħmel affarijiet għaliha u jkun qalbu tajba magħha. Min-naħa tagħha, “l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha.” (Efesin 5:33) Hi tagħti widen għal dak li jgħidilha, mhux dejjem trid li tgħaddi tagħha, ma ċċekknux jew tgergirlu. Din turi l-umiltà tal-moħħ billi ma tipprovax tiddominah lil żewġha, avolja jkollha xi abbiltajiet superjuri f’ċerti aspetti.
15. Liema konsiderazzjoni tintwera lejn dawk anzjani fl-età, u huma kif għandhom iwieġbu?
15 Fil-kongregazzjoni Kristjana, hemm dawk li huma partikolarment denji li jintwerew unur, bħal ngħidu aħna dawk anzjani fl-età. “Qum quddiem ix-xiħ [jew, xiħa], b’xagħru abjad, u agħtih qima.” (Levitiku 19:32) Dan jgħodd speċjalment fil-każ taʼ dawk li ilhom jaqdu lil Jehovah fedelment għal ħafna snin għaliex “ix-xagħar abjad kuruna taʼ ġieħ, li tinkiseb b’ħajja tajba.” (Proverbji 16:31) L-indokraturi għandhom jagħtu l-eżempju billi jistmaw kif jixraq lill-Kristjani sħabhom li huma akbar minnhom fl-età. M’għandniex xi ngħidu, dawk anzjani fl-età wkoll għandhom bżonn juru attitudni taʼ rispett lejn uħud iżgħar minnhom, speċjalment lejn dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jirgħu l-merħla.—1 Pietru 5:2, 3.
16. Il-ġenituri u t-tfal kif jonoraw lil xulxin?
16 Iż-żgħażagħ għandhom jonoraw lill-ġenituri tagħhom: “Tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, għax dan hu s-Sewwa. ‘Weġġaħ ’il missierek u ’l ommok,’ dan hu l-ewwel kmandament b’wegħda sabiex ikollok ir-riżq u tul għomrok fuq l-art.” Mill-banda l-oħra, il-ġenituri jonoraw liż-żgħażagħ tagħhom, għax jintqalilhom biex ‘ma jġarrbuhomx iżżejjed lil uliedhom; iżda jrabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.’—Efesin 6:1-4; Eżodu 20:12.
17. Min jixraqlu li jingħata “ġieħ għal darbtejn”?
17 Dawk li jaħdmu iebes f’li jaqdu lill-kongregazzjoni wkoll għandhom jingħataw unur: “Il-presbiteri, li jmexxu sewwa, ikun jistħoqqilhom ġieħ għal darbtejn, l-aktar dawk li jagħmlu x-xogħol tax-xandir tal-kelma u tat-tagħlim.” (1 Timotju 5:17) Mod wieħed kif nistgħu nuruhom unur bħal dan hu billi nagħmlu dak li jistqarr Lhud 13:17: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom.”
18. X’irridu nagħmlu aħna maʼ dawk barra l-kongregazzjoni?
18 Irridu aħna nonoraw lil dawk barra l-kongregazzjoni? Iva. Per eżempju, nitgħallmu li “kull bniedem għandu jobdi lill-awtorità taʼ fuqu.” (Rumani 13:1) Dawn huma l-ħakkiema sekulari li Jehovah jippermetti li jeżerċitaw awtorità sakemm is-Saltna tiegħu tiħdilhom posthom. (Danjel 2:44) Għalhekk aħna nagħtu “lil kulħadd dak li ħaqqu, taxxi lil min imissu t-taxxi, dazju lil min imissu d-dazju, rispett lil min imissu r-rispett, ġieħ lil min imissu l-ġieħ.” (Rumani 13:7) Aħna għandna ‘nagħtu ġieħ lil kulħadd.’—1 Pietru 2:17.
19. Kif nistgħu “nagħmlu l-ġid” lil oħrajn u nuruhom unur?
19 Waqt li huwa minnu li għandna nonoraw saħansitra lil dawk barra l-kongregazzjoni, innota x’tenfasizza l-Kelma t’Alla: “Dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid maʼ kulħadd, l-iktar maʼ qrabatna fil-fidi.” (Galatin 6:10) M’għandniex xi ngħidu, l-aqwa mod li bih nistgħu “nagħmlu l-ġid” lill-oħrajn hu billi nikkultivawlhom u nissodisfawlhom il-ħtiġijiet spiritwali tagħhom. (Mattew 5:3) Dan nistgħu nagħmluh billi nagħtu kas it-tfakkira taʼ l-appostlu Pawlu: “Agħmel mill-aħjar biex iġġib ruħek quddiem Alla, bħala bniedem li għadda mill-prova, bħala ħaddiem li m’għandux mniex jistħi, li jxandar bir-reqqa l-kelma tal-verità.” Meta aħna bit-tattika nużaw kull opportunità biex nagħtu xiehda, ‘billi naqdu sewwa l-ministeru tagħna,’ aħna mhux biss inkunu qed nagħmlu l-ġid lil kulħadd imma wkoll inkunu qed nonorawhom.—2 Timotju 2:15; 4:5.
Nonoraw lil Jehovah
20. Xi ġralhom il-Fargħun u l-eżerċti tiegħu, u għala?
20 Jehovah jonorahom lill-ħlejjaq tiegħu. Huwa raġunevoli li aħna, min-naħa tagħna, nonoraw lilu. (Proverbji 3:9; Apokalissi 4:11) Il-Kelma taʼ Jehovah tistqarr ukoll: “Nweġġaħ lil min iweġġaħni, u nistmerr lil min iżeblaħni.” (1 Samwel 2:30) Meta l-Fargħun taʼ l-Eġittu ntqallu biex iħalli lill-poplu t’Alla jitlaq, hu b’mod arroganti wieġeb: “Min hu l-Mulej, biex jien nismaʼ minn kliemu?” (Eżodu 5:2) X’ħin il-Fargħun bagħat l-eżerċti tiegħu biex jeqirdu lill-Iżraeliti, Jehovah feraq l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar għal Iżrael. Imma malli l-Eġizzjani segwewhom, Jehovah ġiegħel lill-ilmijiet jingħalqu. “L-imriekeb tal-Fargħun u qawwietu [Jehovah] tefagħhom fil-baħar.” (Eżodu 14:26-28; 15:4) Għalhekk il-fatt li l-Fargħun kollu kburija ma riedx jonora lil Jehovah wasslu għal tmiem diżastruż.—Salm 136:15.
21. Jehovah għala kien kontra Beltassar, u x’irriżulta?
21 Is-sultan Beltassar taʼ Babilonja rrifjuta li jonora lil Jehovah. Matul festa fejn kulħadd kien fis-sakra, hu żżuffjetta b’Jehovah billi xorob l-inbid mir-reċipjenti sagri tad-deheb u tal-fidda li ttieħdu mit-tempju taʼ Ġerusalemm. U waqt li kien qed jagħmel dan, hu faħħar lill-allat pagani tiegħu. Imma Danjel, il-qaddej taʼ Jehovah, qallu: “Int ma ċċekkintx f’qalbek . . . Ridt titgħolla fuq Sid is-smewwiet.” F’dak il-lejl stess, Beltassar inqatel, u saltnatu ttieħdet mingħandu.—Danjel 5:22–6:1 [Danjel 5:22-31, NW].
22. (a) Il-korla taʼ Jehovah għala ġiet fuq il-mexxejja taʼ Iżrael u n-nies tagħhom? (b) Jehovah lil min wera favur, u b’liema riżultat?
22 Fl-ewwel seklu taʼ l-E.K., is-Sultan Erodi kien qed jindirizza lill-pubbliku, u huma għajtu: “Dan leħen taʼ alla, mhux taʼ bniedem!” Is-sultan vanituż ma wera ebda sinjal li ma jaqbilx magħhom imma xtaqha dik il-glorja. Minħabba f’hekk, “anġlu tal-Mulej laqtu, għax ma tax il-glorja lil Alla.” (Atti 12:21-23) Erodi onora lilu nnifsu, u mhux lil Jehovah, u dan swielu ħajtu. Il-mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-żmien kienu ddiżonoraw lil Alla billi kkonfoffaw biex joqtlu lil Ibnu, Ġesù. Xi ħakkiema kienu jafu li Ġesù għallem il-verità imma ma ridux isegwuh, għax “għalihom kienet aktar għażiża l-glorja tal-bnedmin mill-glorja taʼ Alla.” (Ġwann 11:47-53; 12:42, 43) Il-ġens in ġenerali m’onorahx lil Jehovah jew lir-Rappreżentant maħtur tiegħu, Ġesù. B’riżultat taʼ dan, Jehovah ma kompliex jonorahom, u abbanduna lilhom u t-tempju tagħhom għall-qerda. Imma hu ppreserva ħajjin lil dawk li onoraw lilu u lil Ibnu.—Mattew 23:38; Luqa 21:20-22.
23. X’irridu nagħmlu jekk irridu ngħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla? (Salm 37:9-11; Mattew 5:5)
23 Dawk kollha li jridu jgħixu fid-dinja l-ġdida t’Alla wara li din is-sistema preżenti tiġi meqruda jridu jonoraw lil Alla u lil Ibnu, Kristu Ġesù, u jobduhom. (Ġwann 5:22, 23; Filippin 2:9-11) Dawk li ma jurux dan l-unur “mill-art jitqaċċtu.” Mill-banda l-oħra, in-nies retti li tassew jonoraw u jobdu lil Alla u lil Kristu “jgħammru fl-art.”—Proverbji 2:21, 22.
Bħala Reviżjoni
◻ X’ifisser li tonora lil ħaddieħor, u Jehovah kif għamlu dan?
◻ Ġesù u Pawlu kif onoraw lil oħrajn?
◻ Min jixraqlu li jiġi onorat fi żmienna?
◻ Għala rridu nonoraw lil Jehovah u lil Ġesù?
[Stampa f’paġna 17]
Jehovah onora lil Abraham billi kkunsidra t-talba tiegħu
[Stampa f’paġna 18]
Fi żwiġijiet taʼ suċċess, ir-raġel u l-mara jonoraw lil xulxin