Niżirgħu Ż-Żerriegħa tal-Verità tas-Saltna
“Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek [sa] fil-għaxija.”—KOĦÈLET 11:6.
1. Il-Kristjani f’liema sens qed jiżirgħu ż-żerriegħa llum?
L-AGRIKULTURA kellha rwol vitali fis-soċjetà Lhudija tal-qedem. Huwa għalhekk li Ġesù, li bħala bniedem qattaʼ ħajtu fl-Art Imwegħda, kien juża ħafna eżempji dwar l-agrikultura fit-tixbihat tiegħu. Per eżempju, hu xebbah l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla maʼ li wieħed jiżraʼ ż-żerriegħa. (Mattew 13:1-9, 18-23; Luqa 8:5-15) Sal-ġurnata tal-lum, sew jekk ngħixu f’soċjetà agrikola u sew jekk le, l-iktar xogħol importanti tal-Kristjani hu li jiżirgħu ż-żerriegħa spiritwali.
2. Kemm hu importanti x-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar, u x’inhuma xi affarijiet li qed isiru llum biex dan jitwettaq?
2 Huwa privileġġ kbir ferm li nieħdu sehem fix-xogħol taż-żrigħ tal-verità tal-Bibbja f’dan iż-żmien taʼ l-aħħar. Rumani 10:14, 15 jurina l-importanza taʼ dan ix-xogħol: “Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx? Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta? Bħalma hemm miktub: ‘Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid.’” Lanqas qatt daqs illum ma kien daqshekk importanti li nkomplu nistinkaw u nuru attitudni pożittiva f’li nwettqu dan l-inkarigu mogħti lilna minn Alla. Għal din ir-raġuni x-Xhieda taʼ Jehovah qed jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jipproduċu u jqassmu Bibbji u letteratura li huma t’għajnuna għall-istudju tal-Bibbja fi 340 lingwa. Biex jiġi preparat dan il-materjal, jeħtieġ ix-xogħol taʼ iktar minn 18,000 volontier, li jaħdmu fil-kwartieri ġenerali u fil-fergħat f’diversi pajjiżi. U kważi sitt miljun Xhud qed iqassmu din il-letteratura bbażata fuq il-Bibbja madwar id-dinja.
3. X’qed jitwettaq permezz taż-żrigħ tal-Kelma tal-verità?
3 X’inhu l-frott taʼ dan ix-xogħol iebes? Bħalma ġara fis-snin bikrin tal-Kristjanità, illum hemm ħafna li qed iħaddnu l-verità. (Atti 2:41, 46, 47) Però, il-fatt li din ix-xiehda kbira sservi biex jitqaddes l-isem taʼ Jehovah u biex jiġi vendikat bħala l-uniku veru Alla, hu iktar importanti min-numru kbir taʼ pubblikaturi tas-Saltna li jitgħammdu. (Mattew 6:9) Iżjed minn hekk, l-għarfien tal-Kelma t’Alla qed itejjeb il-ħajjiet taʼ ħafna nies u jistaʼ jwassalhom għas-salvazzjoni.—Atti 13:47.
4. L-appostli sa liema punt urew tħassib għan-nies li lilhom kienu jippridkaw?
4 L-appostli kienu konxji għalkollox li l-aħbar tajba kellha importanza vitali, u kienu jħossu ħafna għan-nies li lilhom kienu jippridkaw. Dan jidher ċar mill-kliem li kiteb l-appostlu Pawlu: “Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju taʼ Alla imma wkoll ħajjitna stess, daqskemm ħabbejniekom.” (1 Tessalonikin 2:8) Billi wrew dan it-tħassib ġenwin għan-nies, Pawlu u l-appostli l-oħrajn kienu qed jimitaw lil Ġesù u lill-anġli tas-sema, li huma involuti sew f’dan ix-xogħol li jsalva l-ħajjiet. Ejja naraw x’inhuma l-irwoli importanti li għandhom dawn il-qaddejja ċelestjali t’Alla fiż-żrigħ tal-verità tas-Saltna, u naraw ukoll kif l-eżempju tagħhom jinkuraġġina biex inwettqu l-irwol tagħna.
Ġesù—Il-Wieħed li Jiżraʼ l-Verità tas-Saltna
5. Ġesù f’liema xogħol kien medhi primarjament waqt li kien fuq l-art?
5 Ġesù, bħala bniedem perfett, setaʼ jipprovdi ħafna affarijiet tajbin b’mod materjali għan-nies taʼ żmienu. Per eżempju, kieku ried setaʼ ċċara ħafna mill-ideat żbaljati li kien hemm fi żmienu dwar il-mediċina, jew inkella setaʼ għen lill-bniedem jifhem aħjar xi xjenzi oħrajn. Madankollu, hu għamilha ċara mill-bidu tal-ministeru tiegħu li l-inkarigu tiegħu kien li jippriedka l-aħbar tajba. (Luqa 4:17-21) U meta kien wasal biex itemm il-ministeru tiegħu, hu spjega: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.” (Ġwann 18:37) Għalhekk hu kien iqattaʼ ħafna mill-ħin tiegħu jiżraʼ ż-żerriegħa tal-verità tas-Saltna. Għal Ġesù, kien iktar importanti li jgħallem lin-nies taʼ żmienu dwar Alla u l-iskopijiet tiegħu milli jagħtihom kwalunkwe edukazzjoni oħra.—Rumani 11:33-36.
6, 7. (a) Ġesù liema wegħda taʼ l-għaġeb għamel qabel ma telaʼ s-sema, u kif qed iwettaqha? (b) L-attitudni taʼ Ġesù lejn ix-xogħol taʼ l-ippridkar kif teffettwak personalment?
6 Ġesù rrefera għalih innifsu bħala Dak li jiżraʼ l-verità tas-Saltna. (Ġwann 4:35-38) Hu kien ixerred iż-żerriegħa taʼ l-aħbar tajba f’kull opportunità. Anki meta kien qed imut fuq iz-zokk tat-tortura, hu xandar l-aħbar tajba dwar ġenna futura fuq l-art. (Luqa 23:43, NW) Iktar minn hekk, il-mewt tiegħu fuq iz-zokk tat-tortura ma kinitx tfisser li issa ma kienx għadu jimpurtah daqshekk jekk l-aħbar tajba tiġix imxandra jew le. Qabel ma telaʼ s-sema, hu kkmanda lill-appostli biex ikomplu jiżirgħu ż-żerriegħa tal-verità tas-Saltna u jagħmlu dixxipli. Imbagħad Ġesù għamel wegħda taʼ l-għaġeb. Hu qal: “Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.”—Mattew 28:19, 20.
7 B’dan il-kliem Ġesù għamel wegħda li hu kien se jibqaʼ jappoġġa, jidderieġi, u jħares ix-xogħol taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba “dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.” Sal-ġurnata tal-lum, Ġesù jkompli jieħu interess persunali fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar. Hu l-Mexxej tagħna, u huwa inkarigat miż-żrigħ tal-verità tas-Saltna. (Mattew 23:10) Bħala l-Kap tal-kongregazzjoni Kristjana, hu responsabbli quddiem Jehovah għal dan ix-xogħol madwar id-dinja kollha.—Efesin 1:22, 23; Kolossin 1:18.
L-Anġli Jiddikjaraw Bxajjar Tajba
8, 9. (a) L-anġli kif urew li huma interessati b’mod ġenwin fl-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-bnedmin? (b) F’liema sens jistaʼ jingħad li aħna spettaklu għall-anġli?
8 Meta Jehovah ħalaq l-art, l-anġli bdew ‘jgħannu . . . u jgħajtu bil-ferħ.’ (Ġob 38:4-7) Minn dakinhar ’l hawn, dawn il-ħlejjaq ċelestjali wrew interess speċjali fl-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-bnedmin. Jehovah wżahom biex iwassal dikjarazzjonijiet divini lill-bnedmin. (Salm 103:20) Dan japplika speċjalment għax-xandir taʼ l-aħbar tajba fi żmienna. Fir-rivelazzjoni li ngħatatlu, l-appostlu Ġwanni ra “anġlu . . . jittajjar fl-għoli tas-sema, bl-Evanġelju taʼ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-art, lil kull ġens, tribù, lsien u poplu; u b’leħen qawwi beda jgħid: ‘Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax ġiet is-siegħa tal-ħaqq tiegħu.’”—Apokalissi 14:6, 7.
9 Il-Bibbja tirreferi għall-anġli bħala “spirti qaddejja, mibgħutin biex jaqdu lil dawk li għandhom jiksbu s-salvazzjoni.” (Lhud 1:14) Waqt li dawn l-anġli jwettqu bil-ħeġġa kollha d-dmirijiet li jingħatawlhom, huma jkunu jistgħu josservaw lilna u x-xogħol li nkunu qed nagħmlu. Donnu bħallikieku aħna qegħdin fuq palk enormi li jidher minn kullimkien, u għandna udjenza ċelestjali li qed tosservana nagħmlu x-xogħol. (1 Korintin 4:9) Kemm iġagħalna nibqgħu f’sensina, u kemm inħossuna eċċitati minħabba l-fatt li nafu li m’aħniex waħedna f’dan ix-xogħol taż-żrigħ tal-verità tas-Saltna!
Inwettqu l-Irwol Tagħna bil-Ħeġġa
10. Il-parir prattiku f’Koħèlet 11:6 kif jistaʼ jiġi applikat għax-xogħol tagħna taʼ l-evanġelizzar?
10 Ġesù u l-anġli għala huma daqshekk interessati fix-xogħol tagħna? Ġesù tana raġuni waħda meta qal: “Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli taʼ Alla għal midneb wieħed li jindem.” (Luqa 15:10) Aħna wkoll għandna interess ġenwin fin-nies. Minħabba f’hekk, nagħmlu l-almu tagħna biex inxerrdu ż-żerriegħa tal-verità tas-Saltna maʼ kullimkien. Il-kliem taʼ Koħèlet 11:6 jistaʼ jiġi applikat għax-xogħol tagħna. Hawnhekk il-Bibbja tħeġġiġna: “Iżraʼ fil-għodu ż-żerriegħa tiegħek, u tagħtix mistrieħ lil idek [sa] fil-għaxija, għax ma tafx liema tinbet, hux din jew l-oħra, jew jagħtux it-tnejn frott tajjeb xorta waħda.” Veru li għal kull persuna li taċċetta l-messaġġ tagħna jistaʼ jkun hemm mijiet jew saħansitra eluf li jirrifjutawh. Imma bħall-anġli, aħna nifirħu meta saħansitra “midneb wieħed” jaċċetta l-messaġġ tas-salvazzjoni.
11. Il-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja kemm jistgħu jkunu effettivi?
11 Hemm ħafna involut f’li tixxandar l-aħbar tajba. Għajnuna importanti f’dan ix-xogħol hi l-letteratura stampata bbażata fuq il-Bibbja li tintuża mix-Xhieda taʼ Jehovah. Sa ċertu punt, dawn il-pubblikazzjonijiet ukoll huma bħal żerriegħa li qed tixxerred maʼ kullimkien. Ma nafux fejn se jagħtu l-frott. Xi drabi, pubblikazzjoni għandha mnejn iddum iddur minn id għall-oħra qabel ma jaqraha xi ħadd. F’xi każi Ġesù u l-anġli għandhom mnejn saħansitra jmexxu l-affarijiet biex b’hekk jibbenefika xi ħadd li jkollu qalbu disposta għall-verità. Ikkunsidra xi esperjenzi li juru kif Jehovah jistaʼ jmexxi l-affarijiet b’tali mod li jkun hemm riżultati sorprendenti u taʼ l-għaġeb billi juża l-letteratura li tkun tħalliet man-nies.
Il-Ħidma taʼ Dak Alla Veru
12. Rivista qadima kif kienet għajnuna importanti biex ċerta familja ssir taf lil Jehovah?
12 Fl-1953, Robert, Lila, u wliedhom ma baqgħux joqogħdu fil-belt u marru joqogħdu f’razzett antik u żdingat fil-kampanja, f’Pennsylvania, l-Istati Uniti. Ftit wara li marru joqogħdu hemm, Robert iddeċieda li jagħmel kamra tal-banju taħt it-taraġ. Wara li neħħa ftit strixxi taʼ l-injam, skopra li wara l-ħajt kien hemm biċċiet tal-karti, qxur tal-ġewż, u xi ftit imbarazz ieħor li l-ġrieden kienu ġarrew hemmhekk. F’nofs dan kollu kien hemm kopja tar-rivista The Golden Age. Robert laqtu b’mod partikulari artiklu dwar is-suġġett taʼ kif trabbi t-tfal. Tant baqaʼ impressjonat bil-pariri ċari bbażati fuq il-Bibbja li kien hemm f’din ir-rivista, li qal lil martu Lila li kienu se jingħaqdu mar-“reliġjon taʼ The Golden Age.” F’temp taʼ ftit ġimgħat, ġew iħabbtulhom ix-Xhieda taʼ Jehovah, imma Robert qalilhom li l-familja tiegħu kienet interessata biss fir-“reliġjon taʼ The Golden Age.” Ix-Xhieda spjegawlu li r-rivista The Golden Age issa kellha titlu ġdid, Awake! Robert u Lila bdew jistudjaw il-Bibbja regolarment max-Xhieda, u maż-żmien tgħammdu. Imbagħad, huma bdew jiżirgħu ż-żerriegħa tal-verità f’uliedhom u kellhom ħsad abbundanti. Illum, iktar minn 20 membru tal-familja, inkluż is-sebaʼ wlied taʼ Robert u Lila, huma qaddejja mgħammdin t’Alla Jehovah.
13. X’kien li qanqal lil koppja f’Puerto Rico jinteressaw ruħhom fil-Bibbja?
13 Xi 40 sena ilu, William u Ada, koppja miżżewġa minn Puerto Rico, ma kellhom ebda interess f’li jistudjaw il-Bibbja. Kull darba li kienu jħabbtulhom ix-Xhieda taʼ Jehovah, dawn kienu jagħmlu taʼ bir-ruħhom li m’humiex qegħdin hemm. Darba waħda William mar fi scrapyard biex jara jsibx jixtri l-parti li kellu bżonn għad-dar. Waqt li kien ħiereġ, ra ktieb kulur aħdar jgħajjat ġo tank kbir taʼ l-iskart. Kien jismu Religion, ktieb maħruġ mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-1940. William ħa l-ktieb miegħu d-dar u tgħidx kemm kien eċċitat meta qara dwar id-differenza bejn ir-reliġjon falza u dik vera. Meta x-Xhieda taʼ Jehovah reġgħu marru għandhom, William u Ada ħadu gost ħafna jisimgħuhom u bdew jistudjaw il-Bibbja magħhom. Xi ftit xhur wara, huma tgħammdu fl-Assemblea Internazzjonali Rieda Divina li saret fl-1958. Minn dakinhar ’l hawn għenu lil iktar minn 50 persuna jsiru parti mill-fratellanza Kristjana tagħna.
14. Bħalma turi din l-esperjenza li qrajna, x’potenzjal għandha l-letteratura tagħna bbażata fuq il-Bibbja?
14 Karl kellu biss 11-il sena u kien imqareb mhux ħażin. Dejjem kien jagħmel xi praspura. Missieru, predikatur Metodist Ġermaniż, kien għallmu li n-nies il-ħżiena se jinħarqu fl-infern meta jmutu. Għalhekk Karl kien jibżaʼ ħafna mill-infern. Darba waħda, fl-1917, waqt li kien miexi fit-triq ra biċċa karta u ġabarha. Hekk kif kien qed jaqraha, għajnejh marru fuq il-mistoqsija: “X’inhu l-infern?” Dik il-biċċa karta kienet stedina għal taħdita pubblika u s-suġġett kien l-infern. Din kienet organizzata mill-Istudenti tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah. Wara li kienet għaddiet madwar sena, li matulha Karl kien ħa studju tal-Bibbja, hu tgħammed, u b’hekk sar wieħed mill-Istudenti tal-Bibbja. Fl-1925 hu ġie mistieden biex jaħdem fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah—fejn għadu jaqdi sal-lum. Karriera Kristjana fuq medda taʼ tmenin sena bdiet b’dik il-biċċa karta fit-triq.
15. Jehovah x’jistaʼ jagħmel, skond kif jara li hu l-aħjar?
15 Veru, bħala bnedmin ma nistgħux ngħidu jekk l-anġli kinux involuti direttament f’dawn l-esperjenzi jew sa liema punt kellhom sehem f’dak li ġara. Però, m’għandu jkollna ebda dubju li Ġesù u l-anġli huma attivi ferm fix-xogħol taʼ l-ippridkar u li Jehovah jistaʼ jmexxi l-affarijiet skond kif jara li hu l-aħjar. Dawn l-esperjenzi u ħafna oħrajn simili juru kemm il-letteratura tagħna tistaʼ tagħmel ġid wara li nkunu tajnieha lil xi ħadd.
Ġejna Fdati b’Teżor
16. X’nistgħu nitgħallmu mill-kliem li nsibu fit-2 Korintin 4:7?
16 L-appostlu Pawlu tkellem dwar ‘teżor f’ġarar tal-fuħħar.’ Dan it-teżor hu l-inkarigu li Alla tana biex nippridkaw, u l-ġarar tal-fuħħar huma l-bnedmin li Jehovah fdalhom dan it-teżor. Ladarba dawn il-bnedmin huma imperfetti u għandhom il-limiti tagħhom, Pawlu jkompli jgħid li l-fatt li ġew mogħtijin dan l-inkarigu juri li “l-kobor taʼ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.” (2 Korintin 4:7) Iva, nistgħu nibqgħu ċerti li Jehovah se jagħtina l-qawwa li neħtieġu biex inkunu kapaċi nwettqu x-xogħol li għandna.
17. Maʼ xiex se niltaqgħu hekk kif niżirgħu ż-żerriegħa tal-verità tas-Saltna, u minkejja dan kollu għala għandna nżommu attitudni pożittiva?
17 Taʼ spiss ikollna nagħmlu xi sagrifiċċji. Forsi t-territorju jkun naqra diffiċli jew ma jkunx konvenjenti għalina li naħdmu fih. Hemm xi nħawi fejn il-biċċa l-kbira tan-nies ma juru assolutament ebda interess, u saħansitra jopponu bl-aħrax. Forsi jsir sforz kbir f’dawn il-lokalitajiet iżda jkun jidher li xorta waħda m’hemm ebda riżultat pożittiv. Imma ebda sforz li nagħmlu m’hu għalxejn meta nafu x’hemm involut. Ftakar, iż-żerriegħa li tiżraʼ tistaʼ tgħin lin-nies jiksbu l-hena issa kif ukoll il-ħajja taʼ dejjem fil-futur. Il-kliem taʼ Salm 126:6 twettaq kemm-il darba: “Huma u sejrin, imorru jibku, iġorru ż-żerriegħa għaż-żrigħ. Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana taʼ ferħ, iġorru l-qatet f’idejhom.”
18. Kif nistgħu nagħtu attenzjoni l-ħin kollu għall-mod kif inwettqu l-ministeru tagħna, u għala għandna nagħmlu hekk?
18 Ejja naħtfu kull opportunità tajba biex niżirgħu kemm nistgħu żerriegħa tal-verità tas-Saltna. Jalla qatt ma ninsew li għalkemm aħna niżirgħu u nsaqqu ż-żerriegħa, hu Jehovah li jkabbarha. (1 Korintin 3:6, 7) Madankollu, sewwa sew bħalma Ġesù u l-anġli qed jagħmlu s-sehem tagħhom fix-xogħol, Jehovah jistenna li aħna nwettqu l-ministeru tagħna bl-aħjar mod li nistgħu. (2 Timotju 4:5) Jalla nagħtu attenzjoni l-ħin kollu għall-mod kif ngħallmu, għall-attitudni tagħna, u għall-ħeġġa tagħna fil-ministeru. Għala? Pawlu jwieġeb: “Għax, jekk tagħmel hekk, issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.”—1 Timotju 4:16.
X’Tgħallimna?
• Ix-xogħol tagħna taż-żrigħ b’liema mod qed jipproduċi riżultati tajbin?
• Ġesù Kristu u l-anġli kif inhuma involuti fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar illum?
• Għala għandna nxerrdu kemm nistgħu żerriegħa tal-verità tas-Saltna?
• Meta fil-ministeru tagħna niltaqgħu maʼ nies li ma juru ebda interess jew jopponu, liema ħaġa għandha tqanqalna biex ma naqtgħux qalbna?
[Stampa f’paġna 15]
Bħall-bdiewa f’Iżrael tal-qedem, il-Kristjani llum ixerrdu kemm jistgħu żerriegħa tal-verità tas-Saltna
[Stampa f’paġna 16, 17]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jipproduċu u jqassmu varjetà kbira taʼ letteratura bbażata fuq il-Bibbja fi 340 lingwa