Tifridx Dak li Alla Għaqqad Flimkien
“M’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.”—MATTEW 19:6.
1, 2. Għala hu kemm Skritturali u kemm realistiku li tistenna li l-koppji miżżewġin kultant ikollhom il-problemi?
IMMAĠINA li se tibda vjaġġ twil bil-karozza. Se ssib ostakli fil-vjaġġ tiegħek? Ma tkunx realistiku jekk tassumi li le! Per eżempju, forsi tiltaqaʼ maʼ temp estrem, li jġagħlek issuq bil-mod u b’attenzjoni. F’xi ħin jew ieħor, forsi tinqalagħlek problema fil-karozza li ma tkunx tistaʼ ssolviha waħdek, u għalhekk ikollok tieqaf fil-ġenb tat-triq u tfittex l-għajnuna. Għandhom dawn is-sitwazzjonijiet iġagħluk tikkonkludi li għamilt ħażin li bdejt il-vjaġġ u li għandek tabbanduna l-karozza? Le. Meta tkun qed tivvjaġġa fit-tul, tistenna li jinqalgħu xi problemi u b’mod għaqli tfittex soluzzjonijiet biex issolvihom.
2 L-istess hu minnu dwar iż-żwieġ. Il-problemi ma tistax tevitahom, u koppja li qed taħseb għaż-żwieġ ma tkunx realistika jekk tistenna li jkollha ħajja mimlija hena biss. Fl-1 Korintin 7:28, il-Bibbja tgħid ċar u tond li l-irġiel u n-nisa miżżewġin kien se jkollhom “tribulazzjoni f’laħamhom.” Dan għala? Fi ftit kliem, dan hu għaliex l-irġiel u n-nisa miżżewġin huma imperfetti, u aħna qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1; Rumani 3:23) Għalhekk, anki koppja li tkun kompatibbli u li tħobb tikkunsidra l-affarijiet mill-ħarsa t’Alla kultant se tiffaċċja l-problemi.
3. (a) Ħafna fid-dinja kif iħarsu lejn iż-żwieġ? (b) Il-Kristjani għala jistinkaw biex iżommu l-għaqda taż-żwieġ tagħhom?
3 F’din id-dinja moderna, meta xi koppji jiffaċċjaw il-problemi, l-ewwel reazzjoni tagħhom tkun li jtemmu ż-żwieġ. F’ħafna pajjiżi, ir-rati tad-divorzju qed jogħlew m’għola s-smewwiet. Madankollu, il-Kristjani veri jittrattaw il-problemi minflok ma jaħarbu minnhom. Għala? Għaliex huma jħarsu lejn iż-żwieġ bħala għotja prezzjuża mingħand Ġeħova. Ġesù qal dwar il-koppji miżżewġin: “Dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:6) Huwa minnu li m’huwiex dejjem faċli li tgħix skond dan il-livell. Per eżempju, il-qraba u oħrajn—inkluż xi wħud li jagħtu l-pariri dwar iż-żwieġ—li ma jirrikonoxxux il-prinċipji tal-Bibbja spiss jinkuraġġixxu lill-koppji biex jisseparaw jew jiddivorzjaw fuq bażi li ma tkunx Skritturali.a Imma l-Kristjani jafu li jkun ħafna aħjar li tirranġa jew iżżomm l-għaqda taż-żwieġ minflok ma tkun ħafif biex tħoll ir-rabta malajr malajr. Tabilħaqq, huwa vitali li mill-bidunett inkunu determinati li nagħmlu l-affarijiet kif irid Ġeħova—mhux skond il-pariri li jagħtuna oħrajn.—Proverbji 14:12.
Jingħelbu d-Diffikultajiet
4, 5. (a) Liema sfidi jridu jiġu ffaċċjati fiż-żwieġ? (b) Il-prinċipji li jinsabu fil-Kelma t’Alla għala huma tassew effettivi, anki meta jinqalgħu l-problemi fiż-żwieġ?
4 Il-fatt hu li kull żwieġ jeħtieġ l-attenzjoni minn żmien għal żmien. F’ħafna każi, dan se jinvolvi li jiġi solvut kull nuqqas taʼ ftehim żgħir. Però, f’xi żwiġijiet jistaʼ jkun hemm sfidi iktar serji li jheddu l-pedament tar-relazzjoni. Kultant, forsi jkollok bżonn titlob l-għajnuna mingħand xi anzjan Kristjan miżżewweġ li jkun taʼ l-esperjenza. Madankollu, dawn is-sitwazzjonijiet ma jfissrux li ż-żwieġ tiegħek hu fallut. Dawn sempliċement jenfasizzaw kemm hu importanti li dak li jkun iżomm mill-qrib mal-pariri tal-Bibbja meta jsolvi l-problemi.
5 Bħala l-Ħallieq tar-razza umana u l-Oriġinatur taʼ l-arranġament taż-żwieġ, Ġeħova jaf iktar minn kulħadd x’għandna bżonn sabiex ikollna relazzjoni taʼ suċċess fiż-żwieġ. Il-mistoqsija hi, Se nisimgħu aħna mill-pariri li nsibu fil-Kelma tiegħu u nobduhom? Żgur li se nibbenefikaw jekk nagħmlu hekk. Ġeħova qal lill-poplu tiegħu tal-qedem: “Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.” (Isaija 48:18) Min iżomm mal-gwida misjuba fil-Bibbja jistaʼ jkollu żwieġ li jirnexxi. L-ewwel ejja nikkunsidraw il-pariri li tagħti l-Bibbja lill-irġiel miżżewġin.
“Komplu Ħobbu lin-Nisa Tagħkom”
6. X’inhu l-parir Skritturali għall-irġiel miżżewġin?
6 L-ittra taʼ l-appostlu Pawlu lill-Efesin fiha gwida ċara għall-irġiel miżżewġin. Pawlu kiteb: “Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha. L-irġiel b’dan il-mod għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-Kristu jagħmel ukoll lill-kongregazzjoni. Minkejja dan, bl-istess mod, kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu.”—Efesin 5:25, 28, 29, 33.
7. (a) X’għandu jkun parti importanti mill-pedament taʼ żwieġ Kristjan? (b) L-irġiel miżżewġin kif ikomplu jħobbu lin-nisa tagħhom?
7 Pawlu ma jiddiskutix kull problema immaġinabbli li tistaʼ tinqalaʼ bejn raġel u mara miżżewġin. Minflok, hu jmur fil-qalba tal-kwistjoni billi jidentifika dak li għandu jkun l-iktar importanti fil-pedament taʼ kull żwieġ Kristjan—l-imħabba. Fil-fatt, l-imħabba hija msemmija sitt darbiet fil-versi li għadna kif semmejna. Innota wkoll li Pawlu jgħid lill-irġiel miżżewġin: “Komplu ħobbu lin-nisa tagħkom.” Żgur li Pawlu rrikonoxxa li l-attrazzjoni romantika x’aktarx li hija iktar faċli fil-bidu tar-relazzjoni milli wara ż-żwieġ. Dan hu speċjalment minnu matul dawn “l-aħħar jiem,” meta ħafna saru “jħobbu lilhom infushom” u “ma jkunux iridu jiftiehmu.” (2 Timotju 3:1-3) Dawn il-kwalitajiet negattivi qed jeqirdu lil ħafna żwiġijiet illum, imma raġel li jħobb mhux se jippermetti li l-karatteristiki egoistiċi tad-dinja jinfluwenzaw il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu.—Rumani 12:2.
Kif Tistaʼ Tipprovdi għal Martek?
8, 9. Raġel Kristjan miżżewweġ b’liema modi jipprovdi għal martu?
8 Jekk int raġel Kristjan miżżewweġ, kif tistaʼ tirreżisti t-tendenzi egoistiċi u turi mħabba ġenwina lejn martek? Fil-kliem tiegħu lill-Efesin li kkwotajna qabel, Pawlu identifika żewġ affarijiet li għandek bżonn tagħmel—tipprovdi lil martek, u tgħożżha sewwasew bħalma tgħożż lil ġismek stess. Kif tistaʼ tipprovdilha? Mod wieħed hu materjalment—billi tieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi tagħha. Pawlu kiteb lil Timotju: “Ċertament li jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-membri taʼ daru, ikun ċaħad il-fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.”—1 Timotju 5:8.
9 Madankollu, hemm iktar involut milli sempliċement tipprovdi l-ikel, il-ħwejjeġ, u l-kenn. Għala? Għaliex raġel miżżewweġ jistaʼ jkun tassew kapaċi jipprovdi l-bżonnijiet materjali taʼ martu, imma jonqos milli jissodisfa l-bżonnijiet emozzjonali u spiritwali tagħha. Huwa essenzjali li jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħha b’dawn il-modi li għadna kif semmejna. Huwa minnu li ħafna rġiel Kristjani jinsabu mħabbtin jieħdu ħsieb affarijiet konnessi mal-kongregazzjoni. Imma l-fatt li jkollu responsabbiltajiet kbar fil-kongregazzjoni ma jfissirx li raġel miżżewweġ għandu jittraskura l-obbligi tiegħu mingħand Alla bħala kap tal-familja. (1 Timotju 3:5, 12) Meta kienet qed tikkummenta dwar din il-kwistjoni, xi snin ilu din ir-rivista qalet dan li ġej: “Fi qbil maʼ ħtiġijiet Bibliċi, jistaʼ jingħad li ‘xogħol pastorali jibda mid-dar.’ Jekk anzjan jittraskura lill-familja tiegħu, hu jistaʼ jipperikola l-ħatra tiegħu.”b Jidher ċar li huwa importanti ferm li int tipprovdi għal martek—fiżikament, emozzjonalment u, fuq kollox, spiritwalment.
Xi Jfisser li Tgħożż lil Martek?
10. Kif jistaʼ raġel jgħożż lil martu?
10 Jekk tgħożż lil martek, int se tieħu ħsiebha sew għaliex tħobbha. Hemm diversi modi kif tistaʼ tagħmel dan. L-ewwelnett, qattaʼ biżżejjed ħin magħha. Jekk tittraskura lil martek f’dan ir-rigward, l-imħabba tagħha għalik tistaʼ tibred. Ikkunsidra wkoll li l-ammont taʼ ħin u attenzjoni li int taħseb li martek għandha bżonn għandu mnejn m’huwiex l-istess bħal dak li tħoss li għandha bżonn hi. Hemm involut iktar milli sempliċement tgħid lil martek li tgħożżha. Martek għandha tħoss li int tgħożżha. Pawlu kiteb: “Ħalli ħadd ma jibqaʼ jfittex dak li jaqbel lilu, imma dak li jaqbel lil ħaddieħor.” (1 Korintin 10:24) Bħala raġel miżżewweġ li turi mħabba, int trid tkun ċert li tifhem il-bżonnijiet veri taʼ martek.—Filippin 2:4.
11. Ir-relazzjoni li raġel miżżewweġ għandu m’Alla u mal-kongregazzjoni kif tiġi effettwata mill-mod kif jittratta lil martu?
11 Mod ieħor kif turi li tgħożż lil martek hu billi tittrattaha bit-tenerezza, kemm bil-kliem kif ukoll bl-azzjoni. (Proverbji 12:18) Pawlu kiteb lill-Kolossin: “Intom irġiel miżżewġin, ibqgħu ħobbu lin-nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” (Kolossin 3:19) Skond xogħol wieħed taʼ referenza, l-aħħar parti taʼ l-istqarrija taʼ Pawlu tistaʼ tiġi tradotta b’mod idjomatiku “tittrattahiex bħala seftura” jew “tagħmilhiex skjava.” Raġel miżżewweġ li jkun tirann—fil-privat jew fil-pubbliku—żgur li m’huwiex juri li jgħożż lil martu. Jekk jittratta lil martu b’mod aħrax, hu jistaʼ jeffettwa r-relazzjoni tiegħu m’Alla. L-appostlu Pietru kiteb lill-irġiel miżżewġin: “Komplu għammru man-nisa tagħkom skond l-għarfien, billi tonoraw lill-mara bħala reċipjent iktar dgħajjef, ladarba intom ukoll werrieta magħhom tal-favur mhux mistħoqq tal-ħajja, sabiex ma jkunx hemm tfixkil għat-talb tagħkom.”c—1 Pietru 3:7.
12. X’jistaʼ jitgħallem raġel Kristjan miżżewweġ mill-mod kif Ġesù ttratta lill-kongregazzjoni Kristjana?
12 Qatt m’għandek taħseb li l-imħabba taʼ martek għalik hija awtomatika. Żguraha li int dejjem tibqaʼ tħobbha. Ġesù ħalla eżempju għall-irġiel Kristjani miżżewġin bil-mod kif ittratta lill-kongregazzjoni Kristjana. Hu kien ġentili, qalbu tajba, u lest li jaħfer—anki meta s-segwaċi tiegħu wrew kwalitajiet negattivi għal darba wara l-oħra. Għalhekk, Ġesù setaʼ jgħid lil oħrajn: “Ejjew għandi, . . . għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom.” (Mattew 11:28, 29) Biex jimita lil Ġesù, raġel Kristjan jittratta lil martu bl-istess mod li Ġesù ttratta lill-kongregazzjoni. Raġel li tassew jgħożż lil martu, billi juriha dan bi kliemu u bl-azzjonijiet tiegħu, se jkun sors taʼ serħan għaliha.
Nisa Miżżewġin li Jgħixu Skond il-Prinċipji Bibliċi
13. Liema prinċipji fiha l-Bibbja li jistgħu jgħinu lin-nisa miżżewġin?
13 Il-Bibbja fiha wkoll prinċipji Bibliċi li jistgħu jgħinu lin-nisa miżżewġin. Efesin 5:22-24, 33 jgħid: “In-nisa ħa jkunu sottomessi lejn żwieġhom bħallikieku lejn il-Mulej, għax ir-raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni, billi hu s-salvatur taʼ dan il-ġisem. Fil-fatt, bħalma l-kongregazzjoni hi sottomessa lejn il-Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom ikunu sottomessi lejn żwieġhom f’kollox. . . . Il-mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.”
14. Għala l-prinċipju Skritturali dwar is-sottomissjoni ma jbaxxix lin-nisa?
14 Innota l-enfasi li Pawlu għamel fuq is-sottomissjoni u r-rispett. Il-mara tiġi mfakkra biex tissottometti ruħha lejn żewġha. Dan hu fi qbil maʼ l-arranġament t’Alla. Kull ħlejqa ħajja fis-sema u fl-art hija sottomessa lejn xi ħadd. Anki Ġesù hu sottomess lejn Alla Ġeħova. (1 Korintin 11:3) M’għandniex xi ngħidu, raġel li jeżerċita l-istat taʼ kap kif suppost se jagħmilha iktar faċli għal martu biex tibqaʼ sottomessa.
15. X’inhuma xi ftit mill-pariri li nsibu fil-Bibbja għan-nisa miżżewġin?
15 Pawlu qal ukoll li mara miżżewġa “għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” Mara Kristjana miżżewġa għandu jkollha “spirtu kwiet u ġwejjed,” u mhux tisfida lil żewġha b’mod arroganti jew taqbad triq indipendenti. (1 Pietru 3:4) Mara devota lejn Alla taħdem iebes għall-ġid taʼ darha u ġġib unur lill-kap tagħha. (Titu 2:4, 5) Hi se tistinka biex titkellem tajjeb dwar żewġha, u għalhekk ma tagħmel xejn biex iġġiegħel lil oħrajn jonqsuh mir-rispett. Ukoll, hi se taħdem iebes biex id-deċiżjonijiet tiegħu jirnexxu.—Proverbji 14:1.
16. In-nisa Kristjani miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempji taʼ Sara u Rebekka?
16 Il-fatt li mara Kristjana jkollha spirtu kwiet u ġwejjed ma jfissirx li m’għandhiex opinjonijiet jew li dak li taħseb m’huwiex importanti. Nisa li kienu devoti lejn Alla fil-qedem, bħal Sara u Rebekka, ħadu l-inizjattiva biex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar xi kwistjonijiet, u dak li hemm miktub fil-Bibbja jurina li Ġeħova approva l-azzjonijiet tagħhom. (Ġenesi 21:8-12; 27:46–28:4) In-nisa Kristjani miżżewġin ukoll jistgħu jesprimu s-sentimenti tagħhom. Madankollu, dan għandhom jagħmluh b’konsiderazzjoni, mhux b’ton li jbaxxi lil oħrajn. X’aktarx li se jsibu li żwieġhom se jwieġbu b’mod iktar favorevoli għall-opinjonijiet tagħhom.
L-Irwol taʼ l-Impenn
17, 18. Liema huma xi ftit mill-modi kif l-irġiel u n-nisa miżżewġin jistgħu jirreżistu l-attentati taʼ Satana biex ikisser ir-rabta taż-żwieġ?
17 Iż-żwieġ huwa impenn dejjiemi. Għalhekk kemm l-irġiel u kemm in-nisa miżżewġin għandu jkollhom xewqa ġenwina li jaħdmu biex iż-żwieġ tagħhom jirnexxi. Nuqqas taʼ komunikazzjoni onesta tistaʼ ġġiegħel il-problemi jikbru u jiggravaw. Ħafna drabi, l-imseħbin fiż-żwieġ ma jibqgħux jikkomunikaw meta jqumu l-problemi, u b’hekk jibdew jistmerru lil xulxin. Xi mseħbin saħansitra jfittxu mod kif itemmu r-relazzjoni, forsi billi jiżviluppaw interess romantiku barra ż-żwieġ. Ġesù wissa: “Kulmin jibqaʼ jħares lejn mara biex jixtieqha jkun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mattew 5:28.
18 L-appostlu Pawlu ta l-parir lill-Kristjani kollha, inkluż il-Kristjani miżżewġin: “Inkorlaw, iżda tidinbux; tħallux ix-xemx tinżel waqt li tkunu għadkom inkorlati, u tagħtux wisaʼ lix-Xitan.” (Efesin 4:26, 27) L-akbar għadu tagħna, Satana, jipprova jieħu vantaġġ mid-differenzi li jistgħu jinqalgħu bejn il-Kristjani. Tħallihx jirnexxi! Meta jinqalgħu l-problemi, fittex u ara x’tgħid il-Bibbja dwar kif jaħsibha Ġeħova billi tuża pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja. Iddiskuti d-differenzi bil-kalma u bis-sinċerità. Ġib l-azzjonijiet tiegħek fi qbil maʼ dak li taf dwar il-livelli taʼ Ġeħova. (Ġakbu 1:22-25) Fiż-żwieġ tagħkom, kunu determinati li tkomplu mexjin m’Alla bħala koppja, u tħallu lil ħadd jew xejn jifred dak li hu għaqqad flimkien!—Mikea 6:8.
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-kaxxa “Id-Divorzju u s-Separazzjoni” fi Stenbaħ! tat-8 taʼ Frar, 2002, paġna 10, pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
b Ara t-Torri taʼ l-Għassa tal-15 t’Awissu, 1989, paġna 9.
c Biex jikkwalifika għall-privileġġi fil-kongregazzjoni Kristjana, raġel m’għandux ikun wieħed li “jsawwat”—jiġifieri, ma jaħbatx għan-nies fiżikament jew iweġġaʼ lil oħrajn bil-kliem. Għalhekk, il-ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1990, tgħid f’paġna 13: “Raġel ma jikkwalifikax jekk jaġixxi b’mod taʼ tjieba bnadi oħra imma huwa tirann fid-dar.”—1 Timotju 3:2-5, 12.
Tiftakar Int?
• Għala anki ż-żwiġijiet Kristjani jistgħu jiffaċċjaw il-problemi?
• Raġel kif jistaʼ jipprovdi għal martu u juriha li jgħożżha?
• X’tistaʼ tagħmel mara biex turi li għandha rispett profond lejn żewġha?
• Raġel u mara miżżewġin kif jistgħu jsaħħu l-impenn taʼ bejniethom?
[Stampa f’paġna 20]
Raġel miżżewweġ għandu jkun jaf jipprovdi għal martu, mhux biss materjalment imma wkoll spiritwalment
[Stampa f’paġna 21]
Raġel li jgħożż lil martu huwa sors taʼ serħan għaliha
[Stampa f’paġna 23]
In-nisa Kristjani miżżewġin jesprimu s-sentimenti tagħhom bir-rispett