“Sejjaħ lill-Irġiel Ixjeħ”
“Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħa jsejjaħ lill-irġiel ixjeħ tal-kongregazzjoni għandu.”—ĠAKBU 5:14.
1, 2. (a) Il-qaddejja taʼ Jehovah f’liema sitwazzjoni perikoluża jsibu ruħhom issa, u kif jistgħu jħossuhom? (b) Liema mistoqsijiet issa jeħtieġu tweġibiet?
“ŻMINIJIET kritiċi li iebes biex issib tarfhom” qegħdin hawn. In-nies qegħdin jaġixxu b’mod egoistiku, b’mod materjalistiku, b’mod kburi, billi spiss jipprovokaw inkwiet f’dawn “l-aħħar jiem.” (2 Timotew 3:1-5) Bħala Kristjani li qegħdin ingħixu fis-sistema preżenti mill-agħar taʼ affarijiet, aħna nsibu ruħna mminaċċjati minn tliet perikli kbar: Satana x-Xitan, id-dinja taʼ umanità mbiegħda minn Alla, u t-tendenzi midinbin tagħna stess li writna.—Rumani 5:12; 1 Pietru 5:8; 1 Ġwann 5:19.
2 Imheddin minn dawn il-perikli, aħna kultant nistgħu nħossuna megħlubin. Fejn, allura, nistgħu nsibu appoġġ biex igħinna nissaportu lealment? Lejn min nistgħu nduru għal gwida meta nkunu ffaċċjati b’deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet Kristjani tagħna u l-qima tagħna?
Għajnuna Disponibbli
3. Mingħand min nistgħu niksbu assigurazzjoni taʼ faraġ, u kif?
3 Li nkunu nafu li Jehovah huwa s-Sors tas-saħħa tagħna jagħtina assigurazzjoni taʼ faraġ. (2 Korintin 1:3, 4; Filippin 4:13) Is-salmista David, li ġarrab il-għajnuna divina, iddikjara: “Gerbeb fuq Jehovah il-mogħdija tiegħek, u oqgħod fuqu, u hu nnifsu se jaġixxi.” “Ixħet it-tagħbija tiegħek fuq Jehovah innifsu, u hu nnifsu se jsostnik. Hu qatt ma se jħalli lit-twajjeb jixxengel.” (Salm 37:5; 55:22) Kemm nistgħu nkunu grati għal appoġġ bħal dan!
4. Kemm Pietru u kemm Pawlu kif joffru faraġ?
4 Nistgħu wkoll nitfarrġu milli nkunu nafu li m’aħniex waħedna f’li niffaċċjaw provi u perikli. L-appostlu Pietru ħeġġeġ lil Kristjani sħabu: “Ħudu l-waqfa tagħkom kontra [Satana x-Xitan], solidi fil-fidi, billi tafu li l-istess affarijiet f’dawk li huma sofferenzi qegħdin jiġu mwettqin fis-sħubija kollha kemm hi taʼ ħutkom fid-dinja.” (1 Pietru 5:9) Ċertament, il-Kristjani kollha jixtiequ li jibqgħu sodi fil-fidi. Veru, nistgħu spiss inħossuna “ppressati b’kull mod,” bħalma ħassu l-appostlu Pawlu. Madankollu, hu ma kienx ‘imrass li ma jiċċaqlaqx.’ Bħalu, aħna nistgħu nkunu mħawdin “imma mhux assolutament mingħajr ebda mod taʼ ħruġ.” Saħansitra jekk inkunu ppersegwitati, ma niġux “imħollijin lampa stampa.” Jekk niġu “mitfugħin ’l isfel,” ma niġux “meqrudin.” Għaldaqstant, “ma naqtgħux qalbna.” Aħna nistinkaw biex “[i]nżommu għajnejna, mhux fuq l-affarijiet li jidhru, imma fuq l-affarijiet li ma jidhrux.” (2 Korintin 4:8, 9, 16, 18) Kif nistgħu nagħmlu dan?
5. Jehovah jipprovdi liema tliet għajnuniet?
5 Jehovah, “Semmiegħ it-talb,” jipprovdi tliet għajnuniet. (Salm 65:2; 1 Ġwann 5:14) L-ewwel, hu jagħti direzzjoni permezz tal-Kelma mnebbħa tiegħu, il-Bibbja. (Salm 119:105; 2 Timotew 3:16) It-tieni, l-ispirtu qaddis tiegħu jagħtina l-qawwa biex nagħmlu r-rieda tiegħu. (Qabbel Atti 4:29-31.) U t-tielet, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-art hi lesta biex tgħinna. X’irridu nagħmlu biex nirċievu l-għajnuna?
“Għotjiet fi Rġiel”
6. Jehovah ipprovda liema għajnuna f’Taberaħ, u kif?
6 Każ fi żmien il-profeta Mosè jgħinna napprezzaw it-tħassib bl-imħabba taʼ Jehovah f’li jipprovdi għajnuna għall-qaddejja Tiegħu. Dan ġara f’Taberaħ, li jfisser “ħruq; konflagrazzjoni; vampa.” F’dan il-post fix-xagħri taʼ Sinaj, Alla kkaġuna nar li jħeġġeġ kontra l-Iżraeliti li kienu qegħdin jilmentaw. “[I]l-folla mħallta” li akkumpanjat lill-poplu taʼ Iżrael ’il barra mill-Eġittu kienet issieħbet magħhom f’li tesprimi nuqqas taʼ sodisfazzjon minħabba d-dieta pprovduta b’mod divin. Billi nnota r-rabja t’Alla u billi ħassu megħlub mir-responsabbiltà tan-nies u tal-ħtiġijiet tagħhom, Mosè għajjat: “Jien m’inix kapaċi, waħdi, li nġorr lil dan il-poplu kollu, għaliex huma tqal wisq għalija. Mela jekk hu dan il-mod li int qiegħed tagħmilli, jekk jogħġbok oqtolni għalkollox, jekk jien sibt favur f’għajnejk, u tħallinix inħares lejn il-gwaj tiegħi.” (Numri 11:1-15) Jehovah kif wieġeb? Ħatar “sebgħin raġel mill-irġiel ixjeħ taʼ Iżrael” u poġġa l-ispirtu tiegħu fuqhom biex b’hekk huma setgħu b’mod xieraq jaqsmu x-xogħol amministrattiv maʼ Mosè. (Numri 11:16, 17, 24, 25) B’irġiel ikkwalifikati bħal dawn inkarigati, il-għajnuna saret ferm iktar disponibbli għall-Iżraeliti u għall-“kumpanija vasta mħallta.”—Eżodu 12:38.
7, 8. (a) Jehovah kif ipprovda “għotjiet fil-għamla taʼ rġiel” f’Iżrael tal-qedem? (b) Pawlu għamel liema applikar taʼ Salm 68:18 fl-ewwel seklu?
7 Wara li l-Iżraeliti kienu ilhom fl-Art Imwiegħda għal bosta snin, Jehovah b’mod figurattiv telaʼ fuq il-Muntanja Sijon u għamel lil Ġerusalemm il-kapitali taʼ saltna tipika b’David bħala s-sultan tagħha. B’tifħir lil Alla, “Dak li Jistaʼ Kollox,” David għolla leħnu biex ikanta: “Int tlajt fil-għoli; ġarrejt lil hinn irsiera; ħadt għotjiet fil-għamla taʼ rġiel.” (Salm 68:14, 18) Tabilħaqq, irġiel meħudin irsiera matul il-konkwista tal-Art Imwiegħda saru disponibbli biex igħinu lil-Leviti fid-dmirijiet tagħhom.—Eżra 8:20.
8 Fl-ewwel seklu E.K., l-appostlu Kristjan Pawlu ġibed l-attenzjoni lejn twettieq profetiku tal-kliem tas-salmista. Kiteb Pawlu: “Lil kull wieħed minna qalb tajba mhix mistħoqqa kienet mogħtija skond kif il-Kristu kejjel il-għotja b’xejn. Għaldaqstant hu jgħid: ‘Meta telaʼ ’l fuq fil-għoli hu ġarr lil hinn irsiera; hu ta għotjiet fi rġiel.’ Issa l-espressjoni ‘telaʼ,’ xi tfisser ħlief li niżel ukoll fir-reġjuni iktar baxxi, jiġifieri, l-art? L-istess wieħed li niżel huwa wkoll il-wieħed li telaʼ ’l fuq ferm mis-smewwiet kollha, biex jistaʼ jagħti milja lill-affarijiet kollha.” (Efesin 4:7-10) Min hu dan “l-istess wieħed”? Ħadd ħlief ir-rappreżentant taʼ Jehovah, David l-Akbar u s-Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu. Huwa l-wieħed li Alla rxoxta u eżalta għal “pożizzjoni superjuri.”—Filippin 2:5-11.
9. (a) Min kienu l-għotjiet fi rġiel tal-ewwel seklu? (b) Min huma l-għotjiet fi rġiel tal-lum?
9 Min huma, allura, dawn il-“għotjiet fi rġiel” (jew, “li jikkonsistu fi rġiel”)? Pawlu jispjega li r-Rappreżentant Ewlieni t’Alla “ta xi wħud bħala appostli, xi wħud bħala profeti, xi wħud bħala evanġelizzaturi, xi wħud bħala ragħajja u għalliema, bil-ħsieb li l-qaddisin jiġu aġġustati mill-ġdid, għal xogħol ministerjali, għall-bini tal-ġisem tal-Kristu.” (Efesin 4:11, 12) Is-segwaċi kollha taʼ Kristu li qdew bħala appostli, profeti, evanġelizzaturi, ragħajja, u għalliema għamlu hekk taħt direzzjoni teokratika. (Luqa 6:12-16; Atti 8:12; 11:27, 28; 15:22; 1 Pietru 5:1-3) Fi żmienna, irġiel ixjeħ ikkwalifikati spiritwalment u maħturin bl-ispirtu qaddis jaqdu bħala indokraturi f’xi 70,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha. Huma l-għotjiet fi rġiel tagħna. (Atti 20:28) Bl-espansjoni mad-dinja kollha tax-xogħol taʼ ppridkar tas-Saltna tkompli b’pass imgħaġġel, iktar u iktar aħwa rġiel qegħdin ‘jirsistu’ u jieħdu fuq spallejhom ir-responsabbiltajiet assoċjati maʼ “kariga taʼ indokratur.” (1 Timotew 3:1) Malli jiġu maħturin, huma wkoll isiru għotjiet fi rġiel.
10. Id-deskrizzjoni minn Isaija tal-kelma “prinċpijiet” kif tixraq lill-irwol tal-anzjani Kristjani llum?
10 Dawn l-anzjani Kristjani, jew għotjiet fi rġiel, jaqblu mad-deskrizzjoni li l-profeta Isaija ta meta bassar l-irwol tal-“prinċpijiet,” l-amministraturi taħt il-ħakma tas-Saltna. Kull wieħed irid ikun “bħal moħba mir-riħ u post taʼ kenn mill-maltempata tax-xita, bħal nixxigħat taʼ ilma f’pajjiż mingħajr ilma, bħad-dell taʼ blata tqila f’art niexfa.” (Isaija 32:1, 2) Dan jirrivela kemm l-indokrar bl-imħabba taʼ dawn l-irġiel maħturin għandu jkun taʼ għajnuna. Kif tistaʼ int tibbenefika minnu kemm tiflaħ?
Nieħdu l-Inizzjattiva
11. Meta nkunu morda spiritwalment, kif nistgħu nirċievu għajnuna?
11 Raġel li jkun qiegħed jegħreq b’mod istintiv igħajjat għall-għajnuna. Ma jaħsibhiex darbtejn. Meta jkun hemm il-ħajja fin-nofs, ħadd ma jkollu bżonn jiġi mqanqal biex igħajjat għall-għajnuna. M’għajjatx is-Sultan David ripetutament għall-għajnuna mingħand Jehovah? (Salm 3:4; 4:1; 5:1-3; 17:1, 6; 34:6, 17-19; 39:12) Meta nkunu morda spiritwalment, forsi qegħdin negħrqu fid-disprament, aħna bl-istess mod induru lejn Jehovah fit-talb u nitolbuh biex jiggwidana permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu. (Salm 55:22; Filippin 4:6, 7) Infittxu faraġ mill-Iskrittura. (Rumani 15:4) Nikkonsultaw il-pubblikazzjonijiet Kristjani tal-Watch Tower Society għal parir prattiku. Dan spiss igħinna biex insolvu l-problemi tagħna stess. Jekk inkunu qiesna ġejna megħlubin bid-diffikultajiet, iżda, nistgħu wkoll infittxu l-parir tal-anzjani maħturin tal-kongregazzjoni. Fil-fatt, jistaʼ jkun hemm drabi meta verament ikollna bżonn li ‘nsejħu lill-irġiel ixjeħ.’ Għala ssejjaħ lil anzjani Kristjani? Kif jistgħu huma jgħinu lil dawk li huma fil-bżonn taʼ għajnuna spiritwali?
12-14. (a) Liema hi l-korsa għaqlija li jrid isegwi meta wieħed ikun marid? (b) Skond Ġakbu 5:14, Kristjani ‘morda’ jingħataw parir li jagħmlu liema ħaġa? (ċ) Ġakbu 5:14 jirreferi għal liema xorta taʼ mard, u għala twieġeb hekk?
12 Meta nimirdu, aħna nistrieħu sabiex nagħtu lill-qawwiet taʼ rkuprar tal-ġisem opportunità biex jaġixxu. Imma jekk il-marda tagħna tippersisti, b’mod għaqli nfittxu għajnuna medika kkwalifikata. M’għandniex nagħmlu wkoll l-istess jekk insiru dgħajfin spiritwalment?
13 Innota x’parir jagħtina d-dixxiplu Ġakbu f’dan ir-rigward. Igħid: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħa jsejjaħ lill-irġiel ixjeħ tal-kongregazzjoni għandu, u ħallihom jitolbu fuqu, billi jidilkuh biż-żejt f’isem Jehovah.” (Ġakbu 5:14) Ġakbu għal liema xorta taʼ mard qiegħed jirreferi hawn? Xi kummentaturi tal-Bibbja jikkonkludu li huwa mard fiżiku, billi jirraġunaw li d-dlik biż-żejt kien prattika medika komuni f’dak iż-żmien. (Luqa 10:34) Huma jemmnu wkoll li Ġakbu kellu f’moħħu fejqan mirakoluż permezz tal-għotja taʼ fejqan. Il-kuntest, iżda, x’jindika?
14 “Ferħan” qiegħed f’kuntrast maʼ li ‘jsofri l-ħażen.’ Dan jimplika li Ġakbu kien qiegħed jiddiskuti mard spiritwali. (Ġakbu 5:13) “Irġiel ixjeħ [anzjani, King James Version] tal-kongregazzjoni,” mhux tobba jew saħansitra dawk li kellhom il-għotja mirakoluża taʼ fejqan, kellhom jiġu msejħin. U x’kellhom jagħmlu? Qal Ġakbu: “Ħalliehom jitolbu fuqu. . . . U t-talba tal-fidi se tfejjaq lill-marid.” (Ġakbu 5:14, 15; qabbel Salm 119:9-16.) Li jagħti prova b’mod konklussiv li Ġakbu qiegħed jirreferi għal mard spiritwali huwa l-fatt li hu jinkuraġġixxi qrara tad-dnubiet f’konnessjoni mal-fejqan ittamat. Jikteb: “Qerru bil-miftuħ id-dnubiet tagħkom lil xulxin u itolbu għal xulxin, biex tkunu tistgħu tiġu mfejqin.” Jekk dnub gravi huwa l-kaġun tal-marda spiritwali, il-wieħed marid jistaʼ jkun mistenni li jfiq biss jekk iwieġeb favorevolment għat-tħeġġiġ ibbażat fuq il-Kelma t’Alla, jindem, u jdur lil hinn mill-korsa midinba tiegħu.—Ġakbu 5:16; Atti 3:19.
15. Liema xorta taʼ azzjoni hi rrikkmandata f’Ġakbu 5:13, 14?
15 Hemm xi ħaġa oħra x’wieħed jinnota mill-parir li jagħti Ġakbu. Meta jkun qiegħed isofri l-ħażen, Kristjan għandu “jissokta fit-talb.” Jekk hu ferħan, “ħalli jkanta s-salmi.” Kull sitwazzjoni—kemm jekk wieħed qiegħed isofri l-ħażen u kemm jekk huwa ferħan—titlob azzjoni. It-talb huwa meħtieġ fuq id waħda, għajjat ferrieħi fuq l-oħra. Mela, allura, x’għandna nistennew meta Ġakbu jistaqsi: “Hemm xi ħadd marid fostkom?” Mill-ġdid hu jirrikkmanda azzjoni pożittiva, iva, li wieħed jieħu l-inizzjattiva. “Ħa jsejjaħ lill-irġiel ixjeħ tal-kongregazzjoni għandu.”—Salm 50:15; Efesin 5:19; Kolossin 3:16.
Kif “l-Irġiel Ixjeħ” Igħinu
16, 17. L-irġiel ixjeħ kif igħinuna napplikaw prinċipji tal-Bibbja?
16 Kultant insibuha diffiċli biex inkunu nafu kif napplikaw prinċipji tal-Bibbja għaċ-ċirkostanzi persunali tagħna. Hawnhekk l-anzjani Kristjani jistgħu jagħtu prova li huma sors imprezzabbli taʼ għajnuna. Per eżempju, huma jitolbu fuq il-wieħed marid spiritwalment u ‘jidilkuh biż-żejt f’isem Jehovah’ billi b’sengħa japplikaw istruzzjoni trankwillizzanti mill-Kelma t’Alla. L-anzjani jistgħu b’hekk jikkontribwixxu ferm għall-irkuprar spiritwali tagħna. (Salm 141:5) Spiss, kulma nkunu neħtieġu huwa konferma li qegħdin nirraġunaw sewwa. Li niftħu qalbna maʼ anzjan Kristjan tal-esperjenza se jsaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nagħmlu dak li hu sewwa.—Proverbji 27:17.
17 Meta jkunu msejħin biex iżuru, anzjani Kristjani jridu ‘jkellmu b’mod li jikkonsla lill-erwieħ dipressi.’ Huma wkoll se ‘jagħtu appoġġ lid-dgħajfin, u jistabru fit-tul lejn kulħadd.’ (1 Tessalonkin 5:14) Relazzjoni intima u taʼ fehma bħal din bejn “l-irġiel ixjeħ” u “d-dgħajfin” tkun taʼ sinjal tajjeb għal irkuprar sħiħ taʼ saħħa spiritwali.
Responsabbiltà Persunali u Talb
18, 19. Anzjani Kristjani liema rwol għandhom f’konnessjoni maʼ Galatin 6:2, 5?
18 L-anzjani Kristjani jridu jerfgħu fuq spallejhom ir-responsabbiltà tagħhom lejn il-merħla t’Alla. Iridu jkunu taʼ appoġġ. Per eżempju, Pawlu qal: “L-aħwa, saħansitra għalkemm raġel jieħu xi pass falz qabel ma jinduna bih, intom li għandkom kwalifiki spiritwali ppruvaw irranġaw lil raġel bħal dan fi spirtu taʼ ħlewwa, fil-waqt li kull wieħed minnkom iżomm għajn fuqu nnifsu, minħabba l-biżaʼ li inti wkoll tistaʼ tiġi ttantat. Komplu ġorru t-tagħbijiet tqal taʼ xulxin, u b’hekk wettqu l-liġi tal-Kristu.” L-appostlu kiteb ukoll: “Kull wieħed se jġorr it-tagħbija tiegħu stess.”—Galatin 6:1, 2, 5.
19 Kif nistgħu aħna nġorru t-tagħbijiet tqal taʼ xulxin u madankollu nkunu qegħdin inġorru t-tagħbija tagħna stess? Id-differenza fit-tifsir tal-kelmiet Griegi tradotti “tagħbijiet tqal” u “tagħbija” tforni l-muftieħ. Jekk Kristjan jidħol f’diffikultà spiritwali li hija tqila ferm għalih, l-anzjani u mseħbin oħrajn tal-istess twemmin jagħtuh il-għajnuna, u b’hekk igħinuh biex iġorr it-“tagħbijiet tqal” tiegħu. Madankollu, l-individwu nnifsu huwa mistenni li jġorr it-“tagħbija” tiegħu stess taʼ responsabbiltà lejn Alla.a L-anzjani bil-ferħ iġorru “t-tagħbijiet tqal” taʼ ħuthom permezz tal-inkuraġġiment, tal-parir mill-Iskrittura, u tat-talb. Madankollu, l-anzjani ma jiħdulniex it-“tagħbija” persunali tagħna taʼ responsabbiltà spiritwali.—Rumani 15:1.
20. It-talb għala m’għandux jiġi ttraskurat?
20 It-talb huwa essenzjali u m’għandux jiġi ttraskurat. Imma ħafna Kristjani li jkunu morda spiritwalment isibu li t-talb huwa diffiċli. Meta l-anzjani joffru talb tal-fidi għan-nom taʼ wieħed marid spiritwalment, x’ikun il-ħsieb? “Jehovah se jqajmu,” bħal li kieku mill-iskuraġġiment, u se jsaħħu biex isegwi korsa taʼ verità u taʼ tjieba. Kristjan marid spiritwalment jistaʼ jkollu attitudni żballjata imma jistaʼ ma jkunx neċessarjament ikkommetta xi dnub gravi, għax Ġakbu jgħid: “Ukoll, jekk ikun ikkommetta d-dnubiet, dan se jinħafirlu.” Il-parir Skritturali tal-anzjani flimkien mat-talb imħeġġeġ kultant iqanqal lill-wieħed dgħajjef spiritwalment biex jistqarr dnubiet serji li forsi jkun ikkommetta u biex juri spirtu taʼ ndiema. Dan, mill-banda l-oħra, jinvoka maħfra min-naħa t’Alla.—Ġakbu 5:15, 16.
21. (a) Xi Kristjani għala ma jkunux iridu jsejħu lill-irġiel ixjeħ? (b) X’se jiġi kkunsidrat fl-artiklu li jmiss?
21 Iffaċċjati bl-isfida taʼ li jieħdu ħsieb il-qtajja taʼ wħud ġodda li qegħdin jidħlu fil-kongregazzjoni Kristjana, irġiel ixjeħ kuxjenzjużi għandhom ħafna x’jagħmlu f’li jipprovdu indokrar adekwat. Verament, dawn il-għotjiet fi rġiel huma provvediment mill-aħjar mingħand Jehovah biex igħinuna nissaportu f’dawn iż-żminijiet kritiċi. Madankollu, xi Kristjani jżommu lura milli jsejħu l-għajnuna tagħhom, billi jaħsbu li dawn l-aħwa għandhom wisq x’jagħmlu jew huma mgħobbijin iżżejjed bi problemi. L-artiklu li jmiss se jgħinna napprezzaw li dawn l-irġiel huma henjin li jkunu taʼ għajnuna, għax huma minn jeddhom jaqdu bħala sotto-ragħajja fil-kongregazzjoni Kristjana.
[Nota taʼ taħt]
a A Linguistic Key to the Greek New Testament, minn Fritz Rienecker, jagħti definizzjoni taʼ phor·tiʹon bħala “tagħbija li wieħed huwa mistenni li jġorr” u jżid: “Kienet użata bħala frażi militari għal xkora taʼ raġel jew borża taʼ suldat.”
Kif Twieġeb Int?
◻ Meta jkollna bżonn il-għajnuna, Jehovah jipprovdi liema tliet għajnuniet?
◻ Min huma l-għotjiet fi rġiel tal-lum?
◻ Meta għandna nsejħulhom lill-irġiel ixjeħ?
◻ Liema għajnuna nistgħu nistennew mingħand l-anzjani Kristjani?
[Stampa f’paġna 10]
Tgawdi int il-benefiċċji spiritwali tat-talb, tal-istudju tal-Bibbja, u tal-għajnuna mingħand l-anzjani Kristjani?