LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 8/1 pp. 20-26
  • Naqdu Lealment maʼ l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Naqdu Lealment maʼ l-Organizzazzjoni taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Li Niffokaw Fuq L-​Imperfezzjonijiet Jistaʼ Jmermer Il-​Lealtà
  • L-​Imperfezzjonijiet Tagħna Stess
  • Attenti Minn Forom Sottili Taʼ Żlealtà!
  • Il-​Lealtà Tibqaʼ Sħiħa Minkejja L-​Persekuzzjoni
  • Ara l-Leali!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • “Int Biss Leali”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
  • Nilqgħu l-Isfida tal-Lealtà
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Lejn Min Għandek Tkun Leali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 8/1 pp. 20-26

Naqdu Lealment maʼ l-​Organizzazzjoni taʼ Jehovah

“Maʼ min hu tajjeb [“leali,” “NW”] int timxi bit-​tajjeb [“bil-​lealtà,” “NW”].”—2 SAMWEL 22:26.

1, 2. Liema huma xi eżempji taʼ lealtà li lkoll kemm aħna nistgħu naraw fil-​kongregazzjoni?

LEJLA waħda fit-​tard, anzjan jipprepara taħdita għal laqgħa Kristjana. Jixtieq kieku li jieqaf u jistrieħ naqra; minflok, ikompli jaħdem, ifittex eżempji Skritturali u tixbihat li jilħqu l-​qlub u jinkuraġġixxu l-​merħla. Fil-​lejla tal-​laqgħa, xi ġenituri eżawriti f’dik l-​istess kongregazzjoni kienu jieħdu gost biha lejla d-​dar; minflok, huma bil-​paċenzja kollha jlestu lit-​tfal tagħhom u jmorru għal-​laqgħa. Wara l-​laqgħa, grupp taʼ Kristjani jiddiskutu t-​taħdita taʼ l-​anzjan. Oħt minnhom tiġiha t-​tentazzjoni li ssemmi li darba dak l-​istess ħu kien weġġgħalha s-​sentimenti; minflok b’entużjażmu ssemmi wieħed mill-​punti li ħareġ fit-​taħdita. Qiegħed int tinduna x’inhu l-​element komuni f’din is-​sekwenza t’affarijiet?

2 Dak l-​element huwa l-​lealtà. L-​anzjan jaħdem lealment biex jaqdi l-​merħla t’Alla; il-​ġenituri jattendu lealment il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni; l-​oħt tappoġġja lealment lill-​anzjani. (Lhud 10:24, 25; 13:17; 1 Pietru 5:2) Iva, fl-​aspetti kollha tal-​ħajja, naraw lin-​nies t’Alla ddeterminati li jaqdu lealment maʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah.

3. Għala huwa daqshekk importanti li nibqgħu leali lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah fuq l-​art?

3 Meta Jehovah jittawwal ’l isfel lejn din id-​dinja korrotta, ftit li xejn jara lealtà. (Mikea 7:2) Min jaf kemm tifraħ qalbu meta josserva l-​lealtà tan-​nies tiegħu! Iva, il-​lealtà tiegħek stess jitgħaxxaq biha. Madankollu, din tirrabjah lil Satana, ir-​ribell oriġinali, u toħorġu taʼ giddieb. (Proverbji 27:11; Ġwann 8:​44) Stenna li Satana se jipprova jdgħajjef il-​lealtà tiegħek lejn Jehovah u lejn l-​organizzazzjoni tiegħu fuq l-​art. Ejjew nikkunsidraw xi modi kif Satana jagħmlu dan. B’hekk nistgħu naraw aħjar kif nistgħu nibqgħu leali sat-​tmiem.—2 Korintin 2:11.

Li Niffokaw Fuq L-​Imperfezzjonijiet Jistaʼ Jmermer Il-​Lealtà

4. (a) Għala huwa faċli li wieħed ikollu ħarsa negattiva lejn dawk fl-​awtorità? (b) Koraħ kif ta prova li kien żleali lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah?

4 Meta ħu jkollu pożizzjoni taʼ responsabbiltà, in-​nuqqasijiet tiegħu għandhom mnejn jibdew jidhru iktar. Kemm huwa faċli li nnaqqu ‘t-​tibna t’għajn ħuna u ninjoraw it-​travu f’għajnejna stess’! (Mattew 7:1-5) Li nibqgħu niftakru n-​nuqqasijiet, iżda, jistaʼ jipproduċi żlealtà. Biex nagħtu eżempju, ikkunsidra l-​kuntrast bejn Koraħ u David. Koraħ kellu ħafna responsabbiltajiet fuq spallejh, u wisq probabbli kien ilu leali għal ħafna snin, imma sar ambizzjuż. Beda jilmenta kontra l-​awtorità taʼ Mosè u Aron, il-​primi kuġini tiegħu. Għalkemm Mosè kien l-​iktar bniedem ġwejjed, Koraħ evidentement beda jikkritikah. Hu x’aktarx li ra n-​nuqqasijiet taʼ Mosè. Dawk in-​nuqqasijiet, madankollu, ma ġġustifikawx l-​iżlealtà taʼ Koraħ lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Hu ġie meqrud minn ġo nofs il-​kongregazzjoni.—Numri 12:3; 16:11, 31-33.

5. David għala għandu mnejn ħassu ttantat biex jirribella kontra Sawl?

5 David, mill-​banda l-​oħra, qeda taħt is-​Sultan Sawl. Dak Sawl li darba kien sultan tajjeb, issa kien sar fil-​fatt mill-​agħar. David kellu bżonn il-​fidi, l-​issaportar, u saħansitra xi ftit taʼ l-​inġenwità biex isalva mill-​attakki taʼ Sawl li kien għajjur għalih. Madankollu, meta David kellu ċans li jirritalja, hu qal li ‘ried li l-​Mulej iħarsu’ milli jikkommetti att żleali kontra dak li lilu Jehovah kien dilek.—1 Samwel 26:11.

6. Jekk saħansitra nindunaw bi dgħjufijiet u difetti fl-​anzjani, x’qatt m’għandna nagħmlu?

6 Meta xi wħud li qegħdin jieħdu t-​tmexxija fostna jidhru li qegħdin jiżbaljaw fil-​ġudizzju, jitkellmu bi kliem aħrax, jew jidhru li qegħdin juru preferenzi, se nilmentaw aħna dwarhom, forsi billi nikkontribwixxu għal spirtu kritiku fil-​kongregazzjoni? Se nżommu ’l bogħod mil-​laqgħat Kristjani bħala xi forma taʼ protesta? Dażgur li le! Bħal David, qatt m’aħna se nħallu n-​nuqqasijiet taʼ xi ħaddieħor iqanqluna biex inkunu żleali lejn Jehovah u l-​organizzazzjoni tiegħu!—Salm 119:165.

7. Liema huma xi prattiċi korrotti li żviluppaw f’konnessjoni mat-​tempju f’Ġerusalemm, u Ġesù kif ħassu dwar dan?

7 L-​aqwa eżempju uman taʼ lealtà kien Ġesù Kristu, deskritt profetikament bħala l-​“wieħed leali” taʼ Jehovah. (Salm 16:10, NW) L-​użu ħażin u korrott tat-​tempju f’Ġerusalemm bil-​fors li għamilha sfida l-​lealtà. Ġesù kien jaf li x-​xogħol tal-​qassis il-​kbir u s-​sagrifiċċji taw stampa bil-​quddiem tal-​ministeru u l-​mewta taʼ sagrifiċċju tiegħu stess, u kien jaf kemm kien vitali li n-​nies jitgħallmu minn dawn. Għalhekk imtela b’rabja ġusta meta ra li t-​tempju kien sar “għar tal-​ħallelin.” B’awtorità mogħtija minn Alla, hu darbtejn ħa passi biex inaddfu.a—Mattew 21:12, 13; Ġwann 2:15-17.

8. (a) Ġesù kif wera l-​lealtà lejn l-​arranġament tat-​tempju? (b) Kif nistgħu nuru li napprezzaw li nqimu lil Jehovah maʼ l-​organizzazzjoni nadifa tiegħu?

8 Xorta waħda, Ġesù appoġġja lealment l-​arranġament tat-​tempju. Minn ċkunitu, attenda l-​festi fit-​tempju u spiss għallem hemmhekk. Hu saħansitra ħallas it-​taxxa tat-​tempju​—għalkemm ma kienx fil-​fatt obbligat li jagħmel dan. (Mattew 17:24-27) Ġesù faħħar lill-​armla fqira talli tefgħet “dak kollu li kellha biex tgħix” fis-​senduq tat-​teżor tat-​tempju. Ftit wara dan, Jehovah warrab lil dak it-​tempju darba għal dejjem. Imma sa dak in-​nhar, Ġesù kien leali lejh. (Mark 12:41-44; Mattew 23:38) L-​organizzazzjoni t’Alla fuq l-​art illum hija bil-​wisq superjuri għas-​sistema Lhudija bit-​tempju tagħha. Veru, m’hijiex perfetta; u għalhekk xi kultant isiru xi aġġustamenti. Imma lanqas ma hija mimlija korruzzjoni, u lanqas ma waslet biex tiġi ssostitwita minn Alla Jehovah. Qatt m’għandna nħallu xi imperfezzjonijiet li naraw ġewwa fiha jagħmluna ostili jew iqanqluna nadottaw spirtu li jikkritika u negattiv. Ejjew, minflok, nimitaw il-​lealtà taʼ Ġesù Kristu.—1 Pietru 2:21.

L-​Imperfezzjonijiet Tagħna Stess

9, 10. (a) Is-​sistema t’affarijiet taʼ Satana kif tieħu vantaġġ mill-​imperfezzjonijiet tagħna sabiex tħajjarna għal kondotta żleali? (b) X’għandu jagħmel wieħed li kkommetta dnub serju?

9 Satana jipprova wkoll jippromwovi l-​iżlealtà billi jieħu vantaġġ mill-​imperfezzjonijiet tagħna. Is-​sistema t’affarijiet tiegħu tieħu vantaġġ mid-​dgħjufijiet tagħna, billi tittantana biex nagħmlu dak li huwa ħażin f’għajnejn Jehovah. B’sogħba, eluf jaqgħu fl-​immoralità kull sena. Xi wħud iżidu maʼ din l-​iżlealtà, billi jgħixu ħajja doppja, u billi jkomplu f’korsa taʼ ħażen waqt li jagħmlu taʼ bir-​ruħhom li għadhom Kristjani leali. Bi tweġiba għal artikli dwar dan is-​suġġett fis-​serje “Young People Ask (Iż-Żgħażagħ Jistaqsu) . . .” fir-​rivista Awake! (Stenbaħ!), waħda mara żagħżugħa kitbet: “L-​artikli kienu l-​istorja taʼ ħajti.” Bil-​moħbi, kienet ikkultivat ħbiberiji maʼ żgħażagħ li ma kellhom ebda mħabba lejn Jehovah. B’liema riżultat? Hi tikteb: “Ħajti waslet fi stat degradanti u involvejt ruħi fl-​immoralità u kelli niġi mwiddba. Ħassart ir-​relazzjoni tiegħi maʼ Jehovah, u l-​fiduċja li kellhom fija l-​ġenituri tiegħi u l-​anzjani għosfrot.”b

10 Din il-​mara żagħżugħa rċeviet għajnuna mingħand l-​anzjani u reġgħet lura għas-​servizz leali lejn Jehovah. Traġikament, iżda, bosta jbatu konsegwenzi agħar minn dawn, u xi wħud qatt ma jerġgħu lura lejn il-​merħla. Kemm ikun ferm aħjar li wieħed ikun leali u jirreżisti t-​tentazzjoni f’din id-​dinja mill-​agħar! Agħti kas it-​twissijiet fir-​rivisti tat-​Torri Taʼ L-​Għassa u Stenbaħ! bl-​Ingliż u bil-​Malti fuq suġġetti bħalma huma s-​sħubija mad-​dinja u d-​divertiment degradanti. Jalla qatt ma taqaʼ f’kondotta żleali. Imma jekk jiġrilek hekk, qatt tippretendi li int xi ħaġa li m’intix. (Salm 26:4) Minflok, ikseb l-​għajnuna. Għalhekk qegħdin il-​ġenituri u l-​anzjani Kristjani.—Ġakbu 5:14.

11. Għala jkun żbaljat li nqisu lilna nfusna bħala ħżiena għall-​aħħar, u liema preċedent fil-​Bibbja jistaʼ jgħinna nikkorreġu l-​ħarsa tagħna?

11 L-​imperfezzjonijiet tagħna jistgħu jkunu taʼ periklu għalina b’mod ieħor. Xi wħud li jikkommettu att taʼ żlealtà jaqtgħu qalbhom milli jipprovaw jogħġbu lil Jehovah. Ftakar li David ikkommetta dnubiet serji ferm. Madankollu, żmien twil wara l-​mewt taʼ David, Jehovah ftakru bħala qaddej leali. (Lhud 11:32; 12:1) Għala? Għaliex hu qatt ma qataʼ qalbu f’li jipprova jogħġob lil Jehovah. Proverbji 24:16 jgħid: “[I]mqar jekk il-​ġust jaqaʼ sebaʼ darbiet, dejjem jerġaʼ jqum.” Żgur li jekk naqgħu fi dnubiet żgħar​—iva ripetutament—​minħabba xi dgħjufija li qegħdin niġġieldu biex nirbħu, xorta nistgħu nkunu twajbin f’għajnejn Jehovah jekk ‘inqumu’ kull darba​—jiġifieri, nindmu sinċerament u nerġgħu għall-​korsa taʼ servizz leali.—Qabbel 2 Korintin 2:7.

Attenti Minn Forom Sottili Taʼ Żlealtà!

12. Fil-​każ tal-​Fariżej, opinjoni riġida legalistika kif wasslet għal żlealtà?

12 L-​iżlealtà tiġi wkoll f’għamliet iktar sottili. Tistaʼ saħansitra tidher qisha lealtà! Per eżempju, il-​Fariżej taʼ żmien Ġesù probabbilment ħasbu dwarhom infushom bħala li kienu leali b’mod eminenti.c Imma naqsu li jaraw id-​differenza bejn li wieħed ikun leali u li wieħed ikun jappoġġja b’mod inflessibbli regoli magħmulin mill-​bniedem, għax huma kienu riġidi u ħorox fil-​ġudizzji tagħhom. (Qabbel Koħèlet 7:16.) F’dan attwalment huma kienu żleali​—lejn in-​nies li huma suppost kienu qegħdin jaqdu, lejn l-​ispirtu tal-​Liġi li kienu jsostnu li qegħdin jgħallmu, u lejn Jehovah nnifsu. Għall-​kuntrarju, Ġesù kien leali lejn l-​ispirtu tal-​Liġi, li kienet ibbażata fuq l-​imħabba. B’hekk hu bena u inkuraġġixxa lin-​nies, sewwa sew bħalma kienu bassru l-​profeziji Messjaniċi.—Isaija 42:3; 50:4; 61:1, 2.

13. (a) Ġenituri Kristjani kif jistgħu jkunu żleali? (b) Il-​ġenituri għala m’għandhomx ikunu ħorox, jikkritikaw, jew negattivi żżejjed f’li jiddixxiplinaw lit-​tfal tagħhom?

13 Kristjani li għandhom xi naqra awtorità jibbenefikaw ferm mill-​mudell taʼ Ġesù f’dan ir-​rigward. Per eżempju, ġenituri leali jafu li jridu jiddixxiplinaw lil uliedhom. (Proverbji 13:24) Madankollu joqogħdu attenti li ma jaqtgħux qalb iż-​żgħar tagħhom b’dixxiplina ħarxa amministrata fir-​rabja jew billi jikkritikawhom il-​ħin kollu. Tfal li jħossu li qatt ma jistgħu jogħġbu lill-​ġenituri tagħhom jew li jħossu li r-​reliġjon tidher li qiegħda tagħmel lill-​ġenituri tagħhom negattivi u jħobbu jikkritikaw, għandhom mnejn jibdew jaqtgħu qalbhom u, bħala riżultat, jispiċċaw biex isiru indifferenti lejn il-​vera reliġjon.—Kolossin 3:21.

14. Rgħajja Kristjani kif jistgħu juru lealtà lejn il-​merħla li jaqdu?

14 Bl-​istess mod, anzjani u indokraturi li jivvjaġġaw Kristjani jagħtu attenzjoni lil problemi u perikli li tiffaċċja l-​merħla. Bħala rgħajja leali, huma joffru pariri meta jkun meħtieġ, waqt li jkunu ċerti li l-​ewwel ikollhom il-​fatti kollha u jibbażaw bir-​reqqa dak li jgħidu fuq il-​Bibbja u fuq il-​pubblikazzjonijiet tas-​Soċjetà. (Salm 119:105; Proverbji 18:13) Huma jafu, ukoll, li n-​nagħaġ qegħdin jistrieħu fuqhom biex jibnuhom u jitimgħuhom spiritwalment. Għalhekk huma jfittxu li jimitaw lil Ġesù Kristu, ir-​Ragħaj mill-​Aħjar. Huma jimministraw lealment lin-​nagħaġ ġimgħa wara l-​oħra fil-​laqgħat Kristjani​—mhux jiskuraġġuhom, imma, minflok, jibnuhom u jsaħħulhom il-​fidi tagħhom.—Mattew 20:28; Efesin 4:11, 12; Lhud 13:20, 21.

15. Xi wħud fl-​ewwel seklu kif urew li kellhom lealtajiet barra minn lokhom?

15 Forma sottili oħra taʼ żlealtà hija lealtà barra minn lokha. Il-​lealtà vera fis-​sens Bibliku ma tagħtix lok għal li aħna npoġġu kwalunkwe fedeltà qabel il-​lealtà tagħna lejn Alla Jehovah. Ħafna Lhud fl-​ewwel seklu żammew b’mod stinat mal-​Liġi Mosajka u mas-​sistema t’affarijiet Lhudija. Madankollu kien wasal iż-​żmien li Jehovah jdawwar il-​barka tiegħu minn fuq dak il-​ġens ribelluż għal fuq il-​ġens taʼ Iżrael spiritwali. Relattivament ftit biss kienu leali lejn Jehovah u addattaw ruħhom għal din il-​bidla taʼ importanza kbira. Saħansitra fost il-​Kristjani veri, xi Ġudaisti insistew li jerġgħu lura għall-​“elementi bla saħħa u bla siwi” tal-Liġi Mosajka, li ġiet imwettqa fi Kristu.—Galatin 4:9; 5:6-12; Filippin 3:2, 3.

16. Qaddejja leali taʼ Jehovah kif iwieġbu għall-​aġġustamenti?

16 B’kuntrast, in-​nies taʼ Jehovah taʼ żmienna wrew li kienu leali matul iż-​żminijiet taʼ bidla. Hekk kif id-​dawl taʼ verità rrivelata jkompli jżid fid-​dija, se jkun hemm aġġustamenti. (Proverbji 4:18) Riċentement, “l-​irsir leali u diskret” għenna nirfinaw il-​fehma tagħna tat-​terminu “nisel [“ġenerazzjoni,” NW],” użat f’Mattew 24:34 u tal-​waqt meta se jkun il-​ġudizzju tan-​“nagħaġ” u tal-​“mogħoż” imsemmi f’Mattew 25:31-​46, kif ukoll tal-​ħarsa tagħna lejn ċerti tipi taʼ servizz ċivili. (Mattew 24:45, NW) Bla dubju xi apostati kienu jieħdu gost li kieku ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah baqgħu jżommu b’mod riġidu mal-​fehma preċedenti taʼ suġġetti bħal dawn u rrifjutaw li jagħmlu progress. Xejn minn dan ma ġara. Għala? In-​nies taʼ Jehovah huma leali.

17. Il-​maħbubin tagħna kif jistgħu xi drabi jittestjawlna l-​lealtà tagħna?

17 Il-​kwistjoni taʼ lealtajiet barra minn lokhom, iżda, tistaʼ tolqotna iktar mill-​qrib. Meta xi ħabib għażiż jew saħansitra membru tal-​familja jagħżel korsa li tmur kontra l-​prinċipji tal-​Bibbja, għandu mnejn inħossu li ninsabu f’konflitt mal-​lealtajiet. Naturalment, aħna nħossuna leali lejn il-​membri tal-​familja. Imma qatt m’għandna npoġġu l-​fedeltà tagħna lejn dawn qabel il-​lealtà tagħna lejn Jehovah! (Qabbel 1 Samwel 23:16-18.) Aħna la se ngħinu lil uħud li żbaljaw biex jaħbu dnub serju u lanqas ma se nżommu magħhom kontra l-​anzjani li qegħdin jipprovaw ‘iwiddbuhom bi spirtu taʼ ħlewwa.’ (Galatin 6:1) Li nagħmlu hekk se jkun żlealtà lejn Jehovah, lejn l-​organizzazzjoni tiegħu, u lejn il-​wieħed maħbub. Wara kollox, jekk nindaħlu bejn midneb u d-​dixxiplina li għandu bżonn, fil-​fatt, inkunu qegħdin nimblokkaw espressjoni taʼ l-​imħabba taʼ Jehovah milli tasal għandu. (Lhud 12:5-7) Ftakar, ukoll, li “s-​swat taʼ min iħobb, sinċier.” (Proverbji 27:6) Pariri sinċieri u taʼ mħabba, ibbażati fuq il-​Kelma t’Alla għandhom mnejn iferu l-​kburija taʼ dak il-​maħbub tagħna li żbalja, imma għandhom mnejn jiswew biex isalvawlu ħajtu fl-​aħħar mill-​aħħar!

Il-​Lealtà Tibqaʼ Sħiħa Minkejja L-​Persekuzzjoni

18, 19. (a) Aħab x’ried mingħand Nabot, u Nabot għala rrifjuta? (b) Kienet il-​lealtà taʼ Nabot tiswieh il-​prezz li ħallas? Spjega.

18 Xi kultant l-​attakki taʼ Satana fuq il-​lealtà tagħna jkunu diretti. Ikkunsidra l-​każ taʼ Nabot. Meta s-​Sultan Aħab għamillu pressjoni biex ibegħlu l-​għalqa tad-​dwieli tiegħu, hu wieġeb: “Iħarisni l-​Mulej milli qatt nagħtik wirt missirijieti!” (1 Slaten 21:3) Nabot ma kienx qiegħed iwebbes rasu; kien qiegħed ikun leali. Il-​Liġi Mosajka ordnat li l-​ebda Iżraelit ma kellu jbigħ għal dejjem art miksuba bħala wirt. (Levitiku 25:23-28) Nabot żgur li kien jaf li dan is-​sultan feroċi setaʼ jġiegħel li jiġi maqtul, għax Aħab kien diġà ħalla lil martu, Ġeżabel, toqtol lil ħafna mill-​profeti taʼ Jehovah! Madankollu Nabot baqaʼ sod.—1 Slaten 18:4.

19 Il-​lealtà xi drabi tesiġi prezz. Ġeżabel, bil-​għajnuna taʼ xi “nies taʼ qattagħni,” xliet lil Nabot b’akkuża li ma kkommettiex. Bħala riżultat, hu u wliedu ġew mogħtijin il-​mewt. (1 Slaten 21:7-16; 2 Slaten 9:26) Ifisser dan li l-​lealtà taʼ Nabot kienet żbaljata? Le! Nabot jinsab fost il-​ħafna rġiel u nisa leali li għadhom “ħajjin” fil-​memorja taʼ Jehovah preċiż issa, rieqed fil-​kwiet fil-​qabar sa ma jasal żmien l-​irxoxt.—Luqa 20:38; Atti 24:15.

20. It-​tama kif tistaʼ tgħinna nżommu l-​lealtà tagħna?

20 Din l-​istess wegħda tagħti assiguranza lil uħud leali taʼ Jehovah llum. Nafu li l-​lealtà tagħna tistaʼ tiswielna ferm f’din id-​dinja. Ġesù Kristu ħallas b’ħajtu għal-​lealtà tiegħu, u qal lis-​segwaċi tiegħu li ma kinux se jiġu ttrattati aħjar minnu. (Ġwann 15:20) Bħalma t-​tama tiegħu għall-​futur sostniet lilu, hekk ukoll aħna se nkunu sostnuti mit-​tama tagħna. (Lhud 12:2) B’hekk nistgħu nibqgħu leali meta nħabbtu wiċċna maʼ kull xorta taʼ persekuzzjoni.

21. Liema assiguranzi joffri Jehovah lill-​uħud leali tiegħu?

21 Veru, relattivament ftit minna llum nesperjenzaw attakki diretti fuq il-​lealtà tagħna. Imma n-​nies t’Alla għandhom mnejn iħabbtu wiċċhom maʼ iktar persekuzzjoni qabel ma jiġi t-​tmiem. Kif nistgħu nkunu ċerti li se nżommu l-​lealtà tagħna? Billi nżommu l-​lealtà tagħna issa. Jehovah tana inkarigu kbir​—li nippridkaw u ngħallmu dwar is-​Saltna tiegħu. Ejjew inżommu lealment f’dan ix-​xogħol vitali. (1 Korintin 15:58) Jekk nirrifjutaw li nħallu l-​imperfezzjonijiet umani jmermru l-​lealtà tagħna lejn l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah u jekk ngħassu kontra dawn il-​forom sottili taʼ żlealtà bħalma huma lealtajiet barra minn lokhom, imbagħad se nkunu ppreparati aħjar fil-​każ li l-​lealtà tagħna tiġi ttestjata iktar bl-​aħrax. Jiġri x’jiġri, nistgħu nserrħu rasna li Jehovah qatt ma se jonqos li jibqaʼ leali lejn il-​qaddejja leali tiegħu. (2 Samwel 22:26) Iva, hu se jgħasses lill-​uħud leali tiegħu!—Salm 97:10. (w97 8/1)

[Noti taʼ taħt]

a Ġesù kien kuraġġuż f’li jattakka din l-​impriża kummerċjali li kienet tħalli l-​qligħ. Skond wieħed kittieb taʼ l-​istorja, it-​taxxa tat-​tempju kellha titħallas b’munita Lhudija antika speċifika. Bosta viżitaturi li żaru t-​tempju b’hekk kellhom bżonn isarrfu flushom sabiex iħallsu t-​taxxa. Is-​sarrafa tal-​flus kellhom il-​permess jiċċarġjaw ammont stipulat talli jsarrfu, u dan irrenda somom kbar taʼ flus.

b Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Diċembru, 1993; tat-​8 taʼ Jannar, 1994; u tat-​22 taʼ Jannar, 1994.

c Il-fraternità tagħhom kienet ġejja minn dik tal-​Ħasidim, grupp li qam xi sekli qabel biex jikkumbatti l-​influwenza Griega. Il-​Ħasidim ħadu isimhom mill-​kelma Ebrajka ċasi·dimʹ, li tfisser “uħud leali” jew “uħud devoti.” Forsi ħassew li l-​iskritturi li jsemmu l-​‘ħbieb [“uħud leali,” NW]’ taʼ Jehovah applikaw għalihom b’xi mod speċjali. (Salm 50:5) Huma, u l-​Fariżej warajhom, kienu difensuri fanatiċi taʼ l-​ittra tal-​liġi li ħatru lilhom infushom.

Kif Twieġeb Int?

◻ Kif nistgħu nevitaw li nħallu l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn iwassluna għall-​iżlealtà?

◻ L-​imperfezzjonijiet tagħna stess b’liema modi jwassluna għal kondotta żleali?

◻ Kif nistgħu nirreżistu t-​tendenza li jkollna lealtajiet barra minn lokhom?

◻ X’se jgħinna nżommu l-​lealtà tagħna saħansitra fi żmien taʼ persekuzzjoni?

[Kaxxa f’paġna 21]

Jaqdu Bil-​Lealtà Fil-​Betel

“Ħa jsir kollox kif imur u bl-​ordni.” Hekk kiteb l-​appostlu Pawlu. (1 Korintin 14:40) Pawlu kien jaf li biex kongregazzjoni tiffunzjona, kien se jkun hemm bżonn taʼ “ordni,” taʼ organizzazzjoni. L-​istess illum, l-​anzjani jkollhom jagħmlu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet prattiċi, bħalma ngħidu aħna, li jassenjaw lill-​membri tal-​kongregazzjoni f’postijiet diversi għall-​istudju tal-​ktieb, li jirranġaw laqgħat għas-​servizz taʼ l-​għalqa, u li jiċċekkjaw li t-​territorju jiġi maħdum kollu. Arranġamenti bħal dawn kultant għandhom mnejn ikunu taʼ prova fuq il-​lealtà. Dawn m’humiex kmandi mnebbħin b’mod divin, u ma jistgħux ikunu għall-​gosti taʼ kull individwu.

Issibha int taʼ sfida, xi kultant, li tkun leali lejn xi arranġamenti prattiċi li jsiru fil-​kongregazzjoni Kristjana? Jekk inhu hekk, l-​eżempju tal-​Betel għandu mnejn ikun t’għajnuna għalik. L-​isem Betel, terminu Ebrajk li jfisser id-​“Dar t’Alla,” huwa mogħti lill-​104 fergħat tal-​Watch Tower Society, inkluż il-​kwartieri ġenerali fl-​Istati Uniti.* Il-​volontieri li jgħixu u jaħdmu fil-​kumpless tal-​Betel iridu li dawn il-​postijiet jirriflettu r-​reverenza u l-​biżaʼ taʼ Jehovah. Dan jirrikjedi lealtà min-​naħa taʼ kull wieħed minnhom.

Il-​viżitaturi li jmorru l-​Betel taʼ spiss jirrimarkaw dwar l-​ordni u l-​indafa li jaraw hemmhekk. Il-​ħaddiema huma organizzati u ferħanin; id-​diskors u l-​manjieri u saħansitra d-​dehra tagħhom jirriflettu l-​kuxjenzi Kristjani u maturi tagħhom imħarrġin fuq il-​Bibbja. Il-​membri kollha tal-​familja taʼ Betel iżommu lealment mal-​livelli tal-​Kelma t’Alla.

Iżjed minn hekk, il-​Ġemgħa li Tiggverna tipprovdilhom manwâl intitolat Dwelling Together in Unity [Ngħixu Flimkien F’Unità], li bil-​qalb tajba kollha jpoġġilhom quddiemhom l-​arranġamenti prattiċi meħtieġa biex familja kbira bħal din tkun tistaʼ tiffunzjona tajjeb flimkien. (Salm 133:1) Per eżempju, din tittratta dwar l-​alloġġjar, ikliet, iġjene, ilbies u l-​mod kif iżommu ruħhom, u affarijiet bħal dawn. Il-​membri tal-​familja taʼ Betel jappoġġjaw lealment u jżommu m’arranġamenti bħal dawn, anki meta l-​preferenzi persunali tagħhom forsi jiġbduhom lejn direzzjoni oħra. Huma jqisu dan il-​manwâl mhux bħala xi sett taʼ regoli u regolamenti riġidi, imma bħala linji utli taʼ gwida ddisinjati biex jippromwovu l-​unità u l-​armonija. L-​indokraturi huma leali f’li jaraw li jinżammu l-​proċeduri bbażati fuq il-​Bibbja, u jużawhom b’mod pożittiv biex jibnu u jinkuraġġixxu lill-​familja taʼ Betel biex issegwi s-​servizz sagru tagħha tal-​Betel.

* Dawn il-​kumplessi li fihom fabbriki, uffiċini, u residenzi m’humiex it-​tempju kbir jew dar spiritwali t’Alla. It-​tempju spiritwali t’Alla huwa l-​arranġament għall-​qima pura. (Mikea 4:1) Bħala tali, m’huwiex illimitat għal xi struttura fiżika fuq l-​art.

[Kaxxa f’paġna 22]

Il-​Lealist u L-​Legalist

Lura fl-​1916 l-​Encyclopædia of Religion and Ethics innotat li “din id-​distinzjoni bejn il-​lealist u l-​legalist tistaʼ tinstab fiż-​żminijiet kollha u fil-​postijiet kollha.” Din spjegat: “Hemm il-​legalist li jagħmel dak li jgħidulu, ma jikser ebda regola; iżomm fedelment mal-​kelma miktuba. Hemm lealist li jagħmel dan imma jistaʼ . . . jiġi fdat b’iktar, wieħed li jaqdi dmiru b’moħħu kollu, li l-​attitudni tiegħu jifformaha fi qbil maʼ l-​ispirtu taʼ l-​iskop li jrid jiġi moqdi.” Iktar tard, din l-​istess enċiklopedija osservat: “Li tkun leali jfisser li tkun iktar milli li tkun tobdi l-​liġi. . . . Il-​bniedem leali jingħaraf mill-​bniedem li jobdi l-​liġi mill-​fatt li hu jaqdi b’qalbu kollha u b’moħħu kollu . . . Ma jippermetti li jaqaʼ f’ebda dnubiet volontarji taʼ kommissjoni, ommissjoni, jew injoranza.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja