Żgħażagħ, Agħżlu li Taqdu lil Ġeħova
“Agħżlu llum lil min tridu taqdu.”—ĠOŻWÈ 24:15.
1, 2. Liema tipi żbaljati taʼ magħmudija ġew prattikati fil-Kristjaneżmu?
“ĦALLU [lit-tfal] isiru Kristjani meta jsiru kapaċi jagħrfu lil Kristu.” Kittieb li jismu Tertuljanu niżżel dan il-kliem bil-miktub fl-aħħar tat-tieni seklu E.K. Hu kien qed jipprotesta kontra l-magħmudija tat-trabi, prattika li kienet qed tinbet fil-Kristjanità apostata taʼ żmienu. Peress li ma qabilx maʼ Tertuljanu u mal-Bibbja, Wistin, li kien wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, saħaq li l-magħmudija tneħħi t-tebgħa tad-dnub oriġinali u li t-trabi li jmutu mingħajr ma jitgħammdu huma kundannati. Dan it-twemmin inkuraġġixxa l-prattika tal-magħmudija tat-trabi malajr kemm jistaʼ jkun wara li jitwieldu.
2 Ħafna knejjes popolari tal-Kristjaneżmu għadhom jgħammdu t-trabi li jkunu għadhom kif twieldu. Iktar minn hekk, matul l-istorja, il-ħakkiema u l-mexxejja reliġjużi taʼ l-hekk imsejħin ġnus Kristjani kienu jgħammdu bilfors lill-“pagani” li kienu jikkonkwistaw. Imma l-magħmudija tat-trabi u l-magħmudija taʼ bilfors m’humiex ibbażati fuq il-Bibbja.
Id-Dedikazzjoni Llum M’Hijiex Awtomatika
3, 4. X’jistaʼ jgħin lit-tfal taʼ ġenituri li huma dedikati biex jagħmlu dedikazzjoni volontarja?
3 Il-Bibbja turi li Alla jikkunsidra lit-tfal żgħar bħala li huma mqaddsin anki jekk wieħed biss mill-ġenituri tagħhom hu Kristjan leali. (1 Korintin 7:14) Allura t-tfal b’daqshekk ikunu qaddejja dedikati taʼ Ġeħova? Le. Madankollu, tfal imrobbijin minn ġenituri li huma dedikati lil Ġeħova jingħataw taħriġ li jistaʼ jwassal lil dawn it-tfal biex jiddedikaw ruħhom lil Ġeħova minn jeddhom. L-għaref Sultan Salamun kiteb: “Ħares, ibni, ordnijiet missierek, u twarrbux tagħlim ommok. . . . Huma jmexxuk fil-mixi tiegħek, iħarsuk meta tkun rieqed, ikellmuk meta tqum. Għax l-ordni musbieħ u l-liġi dawl, u t-twiddib tat-tagħlim hu t-triq tal-ħajja.”—Proverbji 6:20-23.
4 Il-gwida tal-ġenituri Kristjani tistaʼ tkun taʼ protezzjoni għaż-żgħażagħ, sakemm huma jkunu lesti li jsegwuha. Salamun qal ukoll: “Iben għaref iferraħ lil missieru, iben iblah inikket ’l ommu.” “Ismaʼ, ibni, u kun bil-għaqal, u agħraf imxi fit-triq it-tajba.” (Proverbji 10:1; 23:19) Iva, biex tibbenefikaw mit-taħriġ tal-ġenituri, intom iż-żgħażagħ tridu minn qalbkom taċċettaw il-pariri, it-twissijiet, u d-dixxiplina. Intom ma titwildux bl-għaqal, imma tistgħu ssiru bil-għaqal u minn jeddkom issegwu “t-triq it-tajba.”
X’Inhi l-Gwida Mentali?
5. Pawlu x’parir ta lit-tfal u lill-missirijiet?
5 L-appostlu Pawlu kiteb: “Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’unjoni mal-Mulej, għax dan hu sewwa: ‘Onora lil missierek u lil ommok’; li hu l-ewwel kmand b’wegħda: ‘Biex jaħbatlek tajjeb u ddum żmien twil fuq l-art.’ U intom, missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.”—Efesin 6:1-4.
6, 7. X’hemm involut biex it-tfal jitrabbew fil-“gwida mentali taʼ Ġeħova,” u dan għala ma jfissirx li l-ġenituri jkunu qed jinfluwenzaw lil uliedhom inġustament?
6 Qegħdin il-ġenituri Kristjani jinfluwenzaw lil uliedhom inġustament meta jrabbuhom “fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova”? Le. Min jistaʼ jikkritika lill-ġenituri talli jgħallmu lil uliedhom dak li jikkunsidrawh bħala li hu sewwa u taʼ benefiċċju morali? L-atei ma jiġux kritikati talli jgħallmu lil uliedhom li Alla ma jeżistix. Il-Kattoliċi Rumani jħossuhom obbligati li jrabbu lil uliedhom fit-twemmin Kattoliku, u rari ssib lil min jikkritikahom talli jistinkaw biex jagħmlu dan. Bl-istess mod, ix-Xhieda taʼ Ġeħova m’għandhomx jiġu akkużati li jimmanipulaw il-moħħ t’uliedhom meta jrabbuhom b’tali mod li dawn jadottaw il-ħsieb taʼ Ġeħova dwar veritajiet bażiċi u prinċipji morali.
7 Skond it-Theological Dictionary of the New Testament, il-kelma Griega oriġinali tradotta “gwida mentali” f’Efesin 6:4 tirreferi għal proċess li “jipprova jikkoreġi l-moħħ, jikkoreġi l-ħażin, itejjeb l-attitudni spiritwali.” Allura x’jiġri jekk żagħżugħ ma jilqax it-taħriġ tal-ġenituri minħabba l-pressjoni minn taʼ mparu, minħabba x-xewqa li jkun bħall-maġġuranza? Min għandu jiġi akkużat li qed jagħmel pressjoni taʼ ħsara—il-ġenituri jew dawk taʼ mpar iż-żagħżugħ? Jekk sħabu jkunu qed jagħmlulu pressjoni biex jieħu d-drogi, jisker, jew jieħu sehem fi mġiba immorali, għandhom il-ġenituri jiġu kritikati għaliex jipprovaw jirranġaw l-attitudni taʼ binhom u jgħinuh jirrealizza l-konsegwenzi taʼ mġiba perikoluża bħal din?
8. X’kien hemm involut biex Timotju ‘jemmen għax isir konvint’?
8 L-appostlu Pawlu kiteb liż-żagħżugħ Timotju: “Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu, billi taf mingħand min tgħallimtu. Għax minn mindu kont tarbija ilek taf il-kitba qaddisa, li tistaʼ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.” (2 Timotju 3:14, 15) Miċ-ċokon, omm u nannet Timotju poġġewlu bażi soda għall-fidi tiegħu f’Alla bl-għarfien mill-Iskrittura Mqaddsa. (Atti 16:1; 2 Timotju 1:5) Iktar tard, meta saru Kristjani, huma ma sforzawx lil Timotju biex jemmen imma ‘kkonvinċewh’ permezz taʼ rraġunar f’loku bbażat fuq għarfien mill-Iskrittura.
Ġeħova Jistiednek Tagħżel
9. (a) Ġeħova b’liema ħaġa żejjen lill-ħlejjaq tiegħu, u għal liema raġuni? (b) L-Iben uniġenitu t’Alla kif eżerċita r-rieda ħielsa tiegħu?
9 Ġeħova setaʼ ħalaqna bħala makkinarji, programmati biex nagħmlu r-rieda tiegħu mingħajr ma nkunu nafu nagħmlu mod ieħor. Minflok, hu żejjinna bir-rieda ħielsa. Alla tagħna jixtieq li min jaqdih jagħmel dan minn jeddu. Hu jitgħaxxaq meta jara lill-ħlejjaq tiegħu, kbar u żgħar, jaqduh għax iħobbuh. L-aqwa eżempju taʼ sottomissjoni bl-imħabba lejn ir-rieda t’Alla huwa dak taʼ l-Iben uniġenitu tiegħu, li dwaru Ġeħova qal: “Dan hu Ibni, il-maħbub, li lilu jien approvajt.” (Mattew 3:17) Dan l-Iben li hu l-ewwel imwieled qal lil Missieru: “Li nagħmel ir-rieda tiegħek. Alla tiegħi, dan jogħġobni; il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.”—Salm 40:9 [40:8, NW]; Ebrej 10:9, 10.
10. X’inhi l-bażi biex naqdu lil Ġeħova b’mod aċċettabbli?
10 Ġeħova jistenna li dawk kollha li jaqduh taħt id-direzzjoni taʼ Ibnu juru l-istess sottomissjoni minn jeddhom biex jagħmlu r-rieda Tiegħu. B’mod profetiku, is-salmista kanta: “Il-poplu tiegħek minn rajh miegħek jingħaqad f’jum il-qawwa tiegħek, fuq l-iġbla mqaddsa; minn ġuf is-sebħ lejk (jiġu) bħan-nida ż-żgħażagħ tiegħek.” (Salm 110:3, Saydon) L-organizzazzjoni kollha taʼ Ġeħova, kemm fis-sema u kemm fl-art, taħdem fuq il-bażi taʼ sottomissjoni bl-imħabba lejn ir-rieda t’Alla.
11. Liema għażla tingħata liż-żgħażagħ imrobbijin minn ġenituri dedikati?
11 Allura intom iż-żgħażagħ tridu tifhmu li la l-ġenituri tagħkom u lanqas l-anzjani Kristjani fil-kongregazzjoni ma se jisforzawkom biex titgħammdu. Ix-xewqa li taqdu lil Ġeħova trid tiġi minnkom. Ġożwè tal-qedem qal lill-Iżraelin: “Aqduh [lil Ġeħova] bir-reqqa u l-fedeltà . . . agħżlu llum lil min tridu taqdu.” (Ġożwè 24:14-22) Bl-istess mod, għandu jiġi minnkom li tagħżlu li tiddedikaw ruħkom lil Ġeħova u tkunu devoti biex tagħmlu r-rieda tiegħu f’ħajjitkom.
Erfgħu r-Responsabbiltà Tagħkom
12. (a) Waqt li l-ġenituri jistgħu jħarrġu lil uliedhom, x’ma jistgħux jagħmlu għalihom? (b) Żagħżugħ meta jsir responsabbli quddiem Ġeħova għall-għażliet li jagħmel?
12 Jiġi ż-żmien meta intom iż-żgħażagħ ma tibqgħux protetti mil-lealtà tal-ġenituri tagħkom. (1 Korintin 7:14) Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Jekk wieħed ikun jaf kif jagħmel dak li hu sewwa u ma jagħmlux, ikun qed jidneb.” (Ġakbu 4:17) Il-ġenituri ma jistgħux jaqdu lil Alla għal uliedhom l-istess bħalma l-ulied ma jistgħux jaqdu lil Alla għall-ġenituri tagħhom. (Eżekjel 18:20) Tgħallimt int dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu? Int kbir biżżejjed biex tifhem dak li tgħallimt u biex tibda tibni relazzjoni persunali miegħu? Mela m’huwiex raġunevoli li tikkonkludi li Alla jikkunsidrak bħala li int kapaċi tiddeċiedi li taqdih?
13. L-adoloxxenti mhux mgħammdin liema mistoqsijiet jagħmlu tajjeb jistaqsu lilhom infushom?
13 Int żagħżugħ mhux mgħammed li qed titrabba minn ġenituri li jqimu ’l Alla, qed tattendi l-laqgħat Kristjani, u anki tieħu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna? Jekk inhu hekk, staqsi lilek innifsek bl-onestà: ‘Għala qed nagħmel dan? Jien qed nattendi l-laqgħat u nieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar minħabba li l-ġenituri tiegħi jistennewni nagħmel hekk jew għax irrid nogħġob lil Ġeħova?’ Tajt prova lilek innifsek tar-“rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla”?—Rumani 12:2.
Għala Toqgħod Lura Milli Titgħammed?
14. Liema eżempji Bibliċi juru li wieħed m’għandux għalfejn joqgħod lura bla bżonn milli jitgħammed?
14 “X’qed iżommni milli nitgħammed?” Ir-raġel Etjopjan li staqsa din il-mistoqsija lill-evanġelizzatur Filippu kien għadu kif tgħallem li Ġesù kien il-Messija. Imma l-Etjopjan kellu biżżejjed għarfien dwar l-Iskrittura biex jirrealizza li ma kellux iżomm lura milli juri fil-beraħ li minn dakinhar ’il quddiem hu kien se jaqdi lil Ġeħova bħala parti mill-kongregazzjoni Kristjana, u dan ġablu ferħ kbir. (Atti 8:26-39) B’mod simili, mara li jisimha Lidja, li qalbha kienet miftuħa “beraħ biex toqgħod attenta għal dak li kien qed jgħid Pawlu,” mill-ewwel “tgħammdet,” hi u dawk taʼ darha. (Atti 16:14, 15) Bl-istess mod, il-kalzrier ġo Filippi semaʼ lil Pawlu u Sila hekk kif “xandrulu l-kelma taʼ Ġeħova,” u “hu u n-nies taʼ daru kollha tgħammdu bla dewmien.” (Atti 16:25-34) Għalhekk, jekk għandek għarfien bażiku dwar Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu, tixtieq sinċerament tagħmel ir-rieda tiegħu, u għandek reputazzjoni tajba fil-kongregazzjoni u qed tattendi l-laqgħat lealment u tieħu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna, għala għandek toqgħod lura milli titgħammed?—Mattew 28:19, 20.
15, 16. (a) Liema rraġunar żbaljat jistaʼ jżomm lura lil xi żgħażagħ milli jitgħammdu? (b) Id-dedikazzjoni u l-magħmudija kif jistgħu jservu taʼ protezzjoni għaż-żgħażagħ?
15 Jistaʼ jkun li qed toqgħod lura milli tieħu dan il-pass importanti għaliex tibżaʼ li jkollok tagħti kont jekk iġġib ruħek ħażin? Jekk inhu hekk, aħseb dwar dan: Se toqgħod lura milli tapplika għal-liċenzja tas-sewqan sempliċement minħabba li tibżaʼ li xi darba jistaʼ jkollok aċċident? Dażgur li le! Mela lanqas m’għandek għalfejn tibżaʼ titgħammed jekk tikkwalifika. Tabilħaqq, int se jkollok motivazzjoni qawwija biex tagħmel kulma tistaʼ ħalli tirreżisti l-ħażen jekk tkun iddedikajt ħajtek lil Ġeħova u tkun aċċettajt li tagħmel ir-rieda tiegħu. (Filippin 4:13) Żgħażagħ, jekk jogħġobkom timmaġinawx li billi toqogħdu lura milli titgħammdu, mhux se jkollkom għalfejn tagħtu kont. Meta jkollkom l-età li fiha ssiru responsabbli, intom xorta waħda tridu tagħtu kont lil Ġeħova għall-mod kif taġixxu kemm jekk tkunu mgħammdin u kemm jekk le.—Rumani 14:11, 12.
16 Għadd kbir taʼ Xhieda madwar id-dinja jħossu li d-deċiżjoni tagħhom li jitgħammdu meta kienu żgħar għenithom ħafna. Per eżempju, ejja nikkunsidraw lil Xhud taʼ 23 sena mill-Ewropa tal-Punent. Hu jiftakar li minħabba li tgħammed taʼ 13-il sena hu ħassu inkuraġġit biex joqgħod attent li ma jinġarrx “mix-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija.” (2 Timotju 2:22) Minn kmieni, hu ddeċieda li jaqdi bħala ministru full-time. Illum, bil-ferħ hu jaqdi f’uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hemm barkiet kbar lesti għaż-żgħażagħ kollha, inkluż int, li jagħżlu li jaqdu lil Ġeħova.
17. F’liema affarijiet hu neċessarju li nibqgħu nifhmu x’inhi “r-rieda taʼ Ġeħova”?
17 Bid-dedikazzjoni u l-magħmudija se nibdew ngħixu ħajja li fiha nikkunsidraw x’inhi r-rieda taʼ Ġeħova fi kwalunkwe attività tagħna. Sabiex inwettqu d-dedikazzjoni tagħna rridu ‘nużaw il-ħin bl-aħjar mod.’ Kif nagħmlu dan? Billi nieħdu l-ħin li qabel forsi konna naħluh f’affarijiet mhux siewja u niddedikawh għal studju tal-Bibbja bis-serjetà, attendenza regulari għal-laqgħat, u biex nieħdu l-akbar sehem possibbli fl-ippridkar taʼ “l-aħbar tajba tas-saltna.” (Efesin 5:15, 16; Mattew 24:14) Id-dedikazzjoni tagħna lil Ġeħova u x-xewqa tagħna li nagħmlu r-rieda tiegħu jeffettwaw b’mod tajjeb l-aspetti kollha taʼ ħajjitna, inkluż il-mistrieħ li nieħdu, id-drawwiet tagħna taʼ l-ikel u x-xorb, u t-tip taʼ mużika li nisimgħu. Għala ma tagħżilx it-tip taʼ mistrieħ li se tkun tistaʼ tgawdih għall-eternità kollha? Ħafna eluf taʼ Xhieda żgħażagħ ferħanin jistgħu jgħidulek li hemm ħafna divertiment li jibnik u li tistaʼ tieħu sehem fih mingħajr ma tagħmel xejn li jmur kontra “r-rieda taʼ Ġeħova.”—Efesin 5:17-19.
“Ħa Niġu Magħkom”
18. Liema mistoqsija għandhom iż-żgħażagħ jistaqsu lilhom infushom?
18 Mill-1513 Q.E.K. sa Pentekoste tas-sena 33 E.K., Ġeħova kellu poplu organizzat fuq l-art li hu għażel biex jipprattika l-qima tiegħu u jkun xhud tiegħu. (Isaija 43:12) L-Iżraelin żgħażagħ twieldu f’dak il-ġens. Minn Pentekoste ’l hawn, Ġeħova għandu “ġens” ġdid fuq l-art, Iżrael spiritwali, “poplu għal ismu.” (1 Pietru 2:9, 10; Atti 15:14; Galatin 6:16) L-appostlu Pawlu jgħid li Kristu naddaf għalih innifsu “poplu esklużivament tiegħu, żeluż għal għemejjel tajbin.” (Titu 2:14) Intom iż-żgħażagħ għandkom il-libertà li tiddeterminaw għalikom infuskom fejn tistgħu ssibu lil dan il-poplu. Min illum jifforma “l-poplu ġust li jżomm is-sewwa,” li l-membri tiegħu jgħixu fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja, jaġixxu bħala Xhieda leali taʼ Ġeħova, u jipproklamaw is-Saltna tiegħu bħala l-unika tama għall-umanità? (Isaija 26:2-4) Agħti daqqa t’għajn lejn il-knejjes tal-Kristjaneżmu u reliġjonijiet oħrajn, u qabbel il-kondotta tagħhom maʼ dak li titlob il-Bibbja mill-qaddejja veri t’Alla.
19. Minn xiex saru konvinti miljuni taʼ nies madwar id-dinja?
19 Miljuni taʼ nies madwar id-dinja, inkluż ħafna żgħażagħ, saru konvinti li l-fdal midluk tax-Xhieda taʼ Ġeħova jifforma dak il-“poplu ġust.” Huma jgħidu lil dawn l-Iżraelin spiritwali: “Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom.” (Żakkarija 8:23) Aħna tassew nittamaw u nitolbu li intom iż-żgħażagħ se tiddeċiedu li tieħdu postkom fost il-poplu t’Alla, u b’hekk ‘tagħżlu l-ħajja’—ħajja taʼ dejjem fid-dinja l-ġdida taʼ Ġeħova.—Dewteronomju 30:15-20; 2 Pietru 3:11-13.
Bħala Reviżjoni
• X’inhu involut fil-gwida mentali?
• Liema tip taʼ servizz jaċċetta Ġeħova?
• Liema għażla għandhom quddiemhom iż-żgħażagħ kollha li qed jitrabbew minn ġenituri dedikati?
• Għala dak li jkun m’għandux joqgħod lura bla bżonn milli jitgħammed?
[Stampi f’paġna 26]
Lil min se tagħti widen?
[Stampa f’paġna 28]
Kif jistgħu d-dedikazzjoni u l-magħmudija jservu taʼ protezzjoni għalik?
[Stampa f’paġna 29]
Xi jżommok milli titgħammed?