Għala Ninħtieġu Għarfien Eżatt
“Dak hu għala aħna, mill-jum li smajna dwarha, ma waqafniex nitolbu u nistaqsu li intom tistgħu tiġu mimlijin bil-għarfien eżatt tar-rieda tiegħu bil-għerf kollu u l-fehma spiritwali.”−KOLOSSIN 1:9.
1. Uri d-differenza bejn għarfien ġenerali u għarfien eżatt.
KWAŻI kulħadd jaf x’inhu arloġġ, iżda kemm nies jafu kif jaħdem? Jistaʼ jkollok ideja ġenerali, iżda tistaʼ żżarma wieħed, issewwih, u terġaʼ tpoġġih flimkien? Arloġġar ċertament li jistaʼ. Għala? Għaliex hu għandu għarfien eżatt u jifhem kif jaħdem arloġġ. U dak juri d-differenza bejn għarfien ġenerali u għarfien eżatt taʼ xi suġġett.
2. Liema differenza bejn iż-żewġ għamliet taʼ għarfien innotajt int fil-qasam tar-reliġjon?
2 Miljuni taʼ nies għandhom ideja ġenerali dwar Alla. Huma jgħidu li jemmnu f’Alla, għalkemm l-azzjonijiet tagħhom taʼ spiss igiddbu dik l-istqarrija. Wieħed missjunarju xi drabi jistaqsi lil min jiġi jiftaħ: “Bħala Kattoliku int żgur li temmen b’Alla, veru?” U t-tweġiba tkun, b’ġest lejn is-sema: “Insomma, nemmen li jrid ikun hemm xi ħaġa hemm fuq.” Issejjaħlu dak għarfien eżatt u fehma dwar Alla? Bil-kemm. U taʼ spiss ir-riżultat taʼ dan in-nuqqas taʼ għarfien hu li l-kondotta taʼ dawk li jgħidu li huma Kristjani ma hix Kristjana. (Qabbel Titus 1:16.) Is-sitwazzjoni li tiżviluppa hi bħalma ddeskrivieha Pawlu: “Sewwa sew bħalma m’approvawx li jżommu ’l Alla f’għarfien eżatt, Alla ċediehom għal stat mentali mhux approvat.”−Rumani 1:28.
3. X’ikun ir-riżultat meta n-nies jiċħdu l-għarfien eżatt dwar ir-rieda t’Alla?
3 Fiex wassal in-nuqqas taʼ għarfien eżatt fl-ewwel seklu? In-nies kienu qed jagħmlu “l-affarijiet mhux xierqa, mimlijin kif kienu b’kull nuqqas taʼ tjieba, aġir mill-agħar, xenqa, ħażen, kollhom għira, qtil, ġlied, qerq, dispożizzjoni malizzjuża, seksieka, lsienhom ħażin, jobogħdu ’l Alla, insolenti, mkabbrin, mimlijin bihom infushom, jivvintaw affarijiet inġurjużi, ma jobdux lill-ġenituri, mingħajr fehma, iqarrqu f’kull ftehim, bla ebda ġibda naturali, bla ħniena.” In-nuqqas taʼ għarfien eżatt kien ifisser li qlubhom ma kinux miġbudin lejn atti taʼ tjieba.—Rumani 1:28-31; Proverbji 2:2, 10.
X’Inhi d-Differenza?
4, 5. Skond studjużi tal-Grieg, liema huma xi differenzi bejn gno.sis u e.pi’gno.sis?
4 Din id-differenza bejn għarfien ġenerali u dak eżatt hija implikata fl-Iskrittura Griega. Il-Grieg oriġinali jitkellem dwar gno’sis, għarfien, u e·pi’gno·sis, għarfien eżatt. Tal-ewwel, skond l-istudjuż tal-Grieg W. E. Vine, tfisser “primarjament li tfittex ħa tkun taf, stħarriġ, investigar,” b’mod speċjali taʼ verità spiritwali fil-kuntest tal-Iskrittura.
5 E·pi’gno·sis, skond l-istudjuż tal-Grieg Thayer, tfisser “għarfien preċiż u korrett.” U fil-għamla tal-verb, tfisser “li ssir familjari bis-sħiħ, li tkun taf bis-sħiħ; li tkun taf b’mod eżatt, taf sewwa.” W. E. Vine igħid li e·pi’gno·sis “tindika għarfien eżatt jew sħiħ, dehen, rikonoxximent.” Huwa jżid li dan jesprimi “għarfien akbar jew sħiħ, parteċipazzjoni akbar minn dak li għandu l-għarfien fl-oġġett magħruf, billi b’hekk jiġi iktar influwenzat b’mod qawwi minnu.” (Korsiv tagħna.) Kif se naraw, din l-espressjoni tal-aħħar hija taʼ importanza vitali għal wieħed Kristjan.
6. Liema kittieba tal-Bibbja jużaw il-kliem għal “għarfien” u “għarfien eżatt,” u għarfien eżatt għala hu mportanti?
6 Żewġ kittieba tal-Bibbja biss jużaw il-Kelma Griega e·pi’gno·sis. Dawn huma Pawlu u Pietru, li jużaw il-kelma għal total taʼ 20 darba.a Minbarra f’Luqa, huma wkoll l-uniċi li jużaw il-kelma gno’sis, li Pawlu juża għal 23 darba u Pietru 4 darbiet. Il-kitbiet tagħhom huma għalhekk gwida imprezzabbli rigward l-importanza taʼ għarfien eżatt fl-iskop taʼ salvazzjoni. Bħalma qal Pawlu lil Timotew: “Dan hu mill-aħjar u aċċettabbli fid-dehra tas-Salvatur tagħna, Alla, li r-rieda tiegħu hi li kull xorta taʼ nies għandhom isalvaw u jiġu għal għarfien eżatt tal-verità”—1 Timotew 2:3, 4.
Għala Għarfien Eżatt Hu Importanti
7. (a) Biex ikun taʼ valur il-għarfien kif irid jeffettwana? (b) Liema periklu jeżisti jekk nittraskuraw il-għarfien?
7 Għalhekk, li takkwista għarfien eżatt tal-verità kif imgħallem fil-Bibbja huwa l-muftieħ għas-salvazzjoni. Madankollu, dak il-għarfien irid jilħaq il-qalb, il-post tal-motivazzjoni. Ma jistax jibqaʼ bħala eżerċizzju intellettwali jew akkademiku. Barra minn dan, ladarba jiġi akkwistat, il-għarfien tal-verità jrid jiġi wżat u fornut mill-ġdid. Dan għala? Għaliex il-memorja, bħal muskolu li ma jintużax, tistaʼ ssir dgħajfa u defiċjenti, u f’dak il-każ nistgħu faċilment nittraskuraw l-ispiritwalità tagħna u nibdew nitbiegħdu u nitħarrku fil-fidi tagħna. Nistgħu nċedu l-qabda tagħna fil-“għarfien innifsu t’Alla.” Malajr, dan it-taħrik jibda forsi jidher f’abbilta laxka tal-ħsieb u saħansitra kondotta mhix Kristjana.—Proverbji 2:5; Ebrej 2:1.
8. Salamun x’valur kien jara fil-għerf u fil-għarfien?
8 Aħna napprezzaw, mela, għala Salamun, meta hu kien lejali, poġġa valur għoli fuq il-għerf, id-dehen, u l-abbiltà mentali. Hu kiteb: “Meta l-għerf jidħol ġewwa qalbek u l-għarfien innifsu jsir pjaċevoli għal ruħek stess, l-abbiltà nfisha li taħseb se tgħasses fuqek, id-dehen innifsu se jissalvagwardjak, biex jeħilsek mit-triq il-ħażina.”b (Proverbji 2:10-12) Dawn il-kelmiet jimplikaw li aħna rridu niżżviluppaw xewqa ferventi għall-għarfien eżatt, li jistaʼ jeffettwa l-qalb u l-istess ruħna. Jerġaʼ, huwa pedament għal abbiltà tajba tal-ħsieb. U dan għala hu tant importanti llum?
9. Min huma xi egħdewwa tal-ispiritwalità Kristjana?
9 Aħna qegħdin ingħixu fl-“aħħar jiem” meta, kif ipprofetizza Pawlu, ‘ġie żmien taʼ stress’ jew “żmien taʼ nkwiet.” (2 Timotew 3:1, Revised Standard Version; The New English Bible) Qed isir iktar u iktar diffiċli biex inżommu l-integrità Kristjana tagħna f’din id-dinja degradanti. Manjieri, valuri, u livelli Kristjani jitqiesu b’żufjett u stmerrija. Il-fidi tax-Xhieda taʼ Jehovah tiġi attakkata minn kull naħa—mill-kleru tal-Kristjaneżmu li jobogħdu l-messaġġ tas-Saltna li nġorru minn dar għal dar, minn apostati li jikkollaboraw mal-kleru tal-Kristjaneżmu, minn awtoritajiet mediċi li jridu jimponu fuqna u fuq uliedna trasfużjonijiet tad-demm, minn xjenzati ateji li jiċħdu twemmin f’Alla u fil-ħolqien, u minn dawk li jippruvaw jisfurzawna biex nagħmlu kompromess fin-newtralità tagħna. Din l-oppożizzjoni kollha hija orkestrata minn Satana, il-ħakkkiem tad-dlam u tal-injoranza, il-għadu tal-għarfien eżatt.—2 Korintin 4:3-6; Efesin 4:17, 18; 6:11, 12.
10. Xi pressjonijiet jistgħu jiżdiedu kontrina, u x’għandna bżonn biex niġġildulhom?
10 Pressjonijiet jistgħu jiżdiedu fil-ħajja taʼ kuljum biex jinfluwenzaw lill-Kristjan biex jagħmel dak li oħrajn qegħdin jagħmlu. Kemm jekk biex jieħu d-drogi, jixrob bla moderazzjoni, jipprattika l-immoralità u l-vjolenza, jisraq, jigdeb, iqarraq, jiskarta mill-iskola, jew sempliċement ifittex ħajja taʼ pjaċir egoistiku. Huwa għalhekk li għarfien eżatt hu vitali. Għarfien iktar bis-sħiħ tal-Kelma t’Alla u tal-għan tiegħu jistaʼ b’mod iktar qawwi jinfluwenza l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna b’mod pożittiv.—Rumani 12:1, 2.
Iben Prodigu Modern
11, 12. Liema esperjenza li ġrat veru turi l-bluha taʼ li tirrifjuta l-għarfien eżatt tal-verità?
11 Nistgħu nagħtu tixbieha taʼ dan b’każ li ġara veru taʼ żagħżugħ li, meta kellu madwar 14-il sena u kien diġà Kristjan imgħammed, kellu l-imħabba tiegħu għall-verità mgħoddija minn prova. Bħal ħafna żgħażagħ, kien iħobb l-isports, speċjalment il-futbol. Iżda kien hemm problema. L-iskola tiegħu kienet tilgħab il-futbol fl-istess lejla li l-kongregazzjoni kellha l-laqgħat tagħha. L-ispiritwalità tiegħu ma kinetx b’saħħitha biżżejjed biex hu jkun jistaʼ jiżen il-valur superfiċjali tal-futbol meta tqabblu mal-valur dejjiemi taʼ li jattendi għal-laqgħat Kristjani maʼ ommu li kienet armla u ħuh u oħtu iżgħar minnu. Għalhekk hu ma baqax jaġixxi fi qbil mal-għarfien eżatt u ddeċieda li jabbanduna l-verità. Eventwalment, ġie maqtugħ mis-sħubija. Iktar tard hu mar għal servizz militari, fejn ġie nvolut fid-drogi.
12 Fl-1986, meta dan iż-żagħżugħ ġie lliċenzjat mill-armata, hu ġie f’sensih, u kiteb lil ħabib tal-familja li kien qeda fil-kumitat ġudizzjarju li kien qatgħu mis-sħubija. Fiha hu stqarr: “Jien għandi l-pjaċir ingħidlek aħbar importanti ħafna: Jien ġejt lura lejn il-verità. . . . Jien qed nirrealizza dak li qal l-appostlu Pawlu fit-2 Korintin 4:4, li hemm alla taʼ din is-sistema taʼ affarijiet li qed igħami l-moħħ. Għal żmien twil, kont għama spiritwalment għall-affarijiet li kienu qed jiġru madwari. Meta tlaqt mill-verità ma kontx naf x’riskju kont qed nieħu. Iżda maż-żmien, u grazzi għal Alla Jehovah, stajt napprezza b’mod ċar li kont żbaljat fil-korsa taʼ azzjoni ħażina tiegħi.”−Qabbel Luqa 15:11-24.
13. Jekk huma verament jindmu, x’jistaʼ jkun ir-riżultat pożittiv għal xi wħud li waqgħu fil-ġenb? (2 Timotew 2:24-26)
13 Dan iż-żagħżugħ reġaʼ ġie lura lejn il-mogħdija taʼ għarfien eżatt. Issa hu jistaʼ ‘jimxi kif jixraq lil Jehovah bil-għan li jogħġbu għalkollox.’ Hu jistaʼ wkoll ‘jibqaʼ jagħti l-frott f’kull xogħol tajjeb u jiżdied fil-għarfien eżatt t’Alla’ hekk kif jissokta fis-sħubija tiegħu mal-kongregazzjoni Kristjana. U x’barka rinfreskanti sar għall-familja tiegħu billi mill-ġdid sar segwaċi taʼ Kristu! Taf b’xi eżempji simili?—Kolossin 1:9, 10; Mattew 11:28-30.
Riżultati tal-Biżaʼ minn Traskuraġni Spiritwali
14. (a) Biex nevitaw li naqgħu lura, x’irridu nagħmlu? (b) Xi ġralhom xi Kristjani?
14 X’lezzjoni tistaʼ tittieħed minn dan u minn każi simili? Li ladarba nkunu akkwistajna għarfien eżatt tal-verità, aħna rridu kontinwament inġeddu l-passaġġi spiritwali taʼ moħħna sabiex ma naqgħux. Ir-riżorsi spiritwali tagħna jistgħu jiddgħajfu jekk nittraskuraw l-istudju persunali u mal-familja, il-laqgħat Kristjani, u l-ministeru. Imbagħad x’jistaʼ jiġri? Dak li darba kien Kristjan b’saħħtu jistaʼ jitbiegħed mill-fidi, forsi saħansitra jaqaʼ f’kondotta ħażina, bħalma hi l-immoralità, jew jiżżerżaq fin-niżla perikoluża tad-dubju u tal-għarfien mhux eżatt għal ġo l-apostasija. (Ebrej 2:1; 3:12; 6:11, 12) Taʼ boloh li huma, xi wħud saħansitra marru lura lejn it-tagħlim Babilonjan tat-Trinità u l-immortalità tar-ruħ!
15. Pietru liema twissija ta rigward li naqgħu lura?
15 Il-kliem taʼ Pietru hu ċertament xieraq: “Ċertament li jekk, wara li jkunu ħarbu mit-tniġġis tad-dinja b’għarfien eżatt tal-Mulej u Salvatur Ġesù Kristu, huma jindaħlu mill-ġdid f’dawn l-istess affarijiet megħlubin, il-qagħdiet finali tagħhom saru għalihom agħar minn tal-ewwel. Għax kien ikun aħjar għalihom li ma kinux jafu eżatt il-mogħdija tat-tjieba milli wara li saru jafuha eżatt iduru mill-kmandament qaddis mogħti lilhom. Il-qawl tal-veru proverbju ġara lilhom: ‘Il-kelb reġaʼ lura għall-vomtu tiegħu, u l-ħanżira maħsula għat-tmegħik fit-tajn.’”—2 Pietru 2:20-22.
16. (a) Xi wħud kif ġew żvijati fi żminijiet riċenti? (b) F’liema atti taʼ kondotta waqgħu xi wħud li ġew żvijati?
16 Dawk li jirrifjutaw għarfien eżatt tal-verità taʼ spiss jagħżlu l-mogħdija li taqbel lilhom. Huma ma jaċċettawx iżjed ir-responsabbiltà li jattendu regolarment għal-laqgħat Kristjani jew li jipparteċipaw fil-ministeru minn dar għal dar. Xi wħud saħansitra jmorru lura għat-tipjip! Oħrajn ikunu kuntenti li ma għandhomx għalfejn ikunu differenti fuq il-kwistjoni tan-newtralità Kristjana u l-użu ħażin tad-demm. O, x’ħelsien! Issa jistgħu saħansitra jivvotaw għal xi wieħed mill-partiti politiċi tal-“bhima selvaġġa.” (Rivelazzjoni 13:1, 7 ) B’hekk, bħal erwieħ indeċiżi, xi wħud ġew imqarrqin u żvijati mill-mogħdija dritta taʼ għarfien eżatt minn dawk li, waqt li “jwegħduhom ħelsien, huma nfushom qed jeżistu bħala rsiera tal-korruzzjoni.”−2 Pietru 2:15-19.
17. X’periklu jeżisti għal dawk li jaqgħu lura mill-għarfien eżatt tal-verità?
17 Jekk uħud bħal dawn ma jindmux u jduru lura lejn il-verità, huma jesponu lilhom infushom għall-ġudizzju li Pawlu jispjega dwaru kif ġej: “Għax jekk nipprattikaw id-dnub għax irridu wara li nkunu rċevejna l-għarfien eżatt tal-verità ma jibqax hemm iktar xi sagrifiċċju għad-dnubiet, iżda hemm ċerta stennija taʼ biżaʼ għal ġudizzju u hemm għira tan-nar li se tikkonsma lil dawk f’oppożizzjoni.” Kemm ikun bla għaqal u bla dehen li tabbanduna l-għarfien eżatt taʼ Alla Jehovah u Ġesù Kristu għat-tagħlim apostat tal-Kristjaneżmu!—Ebrej 6:4-6; 10:26, 27.
Żelu b’Għarfien Eżatt
18. Skond Pawlu, il-kleru Lhudi għala naqas li jaċċetta lil Kristu?
18 Il-kleru Lhudi taʼ żmien Pawlu ċertament li kellu għarfien tal-Iskrittura Ebrajka. Iżda kien dan il-għarfien eżatt? Ressaqhom lejn Kristu bħala l-Messija Mwiegħed? Pawlu jargumenta li huma tant kienu nvoluti f’li jistabbilixxu t-tjieba tagħhom stess permezz tal-Liġi li ma ridux jissottomettu lilhom infushom lejn ”Kristu [li] hu t-tmiem tal-Liġi.” Għalhekk Pawlu setaʼ jgħid dwarhom: “Għax jien nixhdilhom li għandhom żelu għal Alla; iżda mhux skond il-għarfien eżatt.”—Rumani 10:1-4.
19, 20. (a) Kif nistgħu nakkwistaw għarfien eżatt? (b) X’mistoqsijiet baqgħalhom jitwieġbu?
19 Mela kif nistgħu aħna nakkwistaw dan il-għarfien eżatt? Permezz taʼ studju persunali u meditazzjoni flimkien mat-talb u attendenza għal-laqgħat. Dan ifisser li niċċarġjaw kontinwament mill-ġdid il-batteriji spiritwali tagħna, biex ingħidu hekk. Ma nistgħux nibqgħu nistrieħu biss fuq il-għarfien li akkwistajna fil-bidu meta aċċettajna l-verità. Kontinwament, aħna rridu nieħdu ġo fina ikel spiritwali solidu, għarfien eżatt, permezz taʼ studju persunali kuxjenzjuż. B’hekk il-parir taʼ Pawlu hu xieraq: “Ikel solidu jappartjeni lil nies maturi, lil dawk li permezz tal-użu għandhom is-setgħat tal-fehma tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu sew it-tajjeb u sew il-ħażin. Għal din ir-raġuni, issa li ħallejna d-duttrina primarja dwar il-Kristu, ħa nagħfsu ’l quddiem lejn il-maturità, mhux billi nqiegħdu pedament mill-ġdid, jiġifieri, l-indiema minn xogħlijiet mejta u fidi lejn Alla . . . U dan se nagħmluh, jekk Alla tassew jippermetti.”—Ebrej 5:14-6:3.
20 Il-mistoqsijiet issa huma, X’għodod għandna biex igħinuna nakkwistaw għarfien eżatt? U meta tqis kemm ingħixu ħajja mgħaġġla, meta nistgħu nistudjaw il-Kelma t’Alla? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dawn is-suġġetti u oħrajn marbutin magħhom.
[Noti taʼ taħt]
a Skond il-lista tal-Comprehensive Concordance of the New World Translation of the Holy Scriptures, paġna 17, ukoll Filemon 6 (Ara The Kingdom Interlinear Translation of the Greek Scriptures.).
b Biex tifhem aħjar il-varjazzjonijiet fit-tifsir tal-kelmiet “għarfien,” “abbiltà tal-ħsieb,” “għerf,” u oħrajn li nsibu fi Proverbji, ara Insight on the Scriptures, it-2 Volum, paġni 180, 1094, 1189, ippubblikat bl-Ingliż mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Mistoqsijiet Biex Jitwieġbu
◻ X’inhi d-differenza bejn “għarfien”, u għarfien eżatt?
◻ Il-għarfien eżatt għala hu tant importanti f’dawn l-aħħar jiem?
◻ Xi wħud kif jistgħu jiġu ttantati biex jaqgħu lura mill-verità?
◻ Liema twissija jagħtina Pietru rigward li nirrifjutaw il-għarfien eżatt?
◻ X’irridu nagħmlu biex nakkwistaw u nżommu l-għarfien eżatt?