Imxi Kif Int Istruwit Minn Alla
“Ħa mmorru ’l fuq lejn il-muntanja taʼ Jehovah . . . , u hu se jistruwina dwar il-mogħdijiet tiegħu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.”—MIKEA 4:2.
1. Skond Mikea, Alla x’se jagħmel għall-poplu tiegħu fl-aħħar jiem?
MIKEA, il-profeta t’Alla, bassar li “fil-parti finali tal-jiem,” fi żmienna, ħafna nies se jfittxu lil Alla b’mod attiv, biex iqimuh. Dawn se jinkuraġġixxu lil xulxin, billi jgħidu: “Ħa mmorru ’l fuq lejn il-muntanja taʼ Jehovah . . . , u hu se jistruwina dwar il-mogħdijiet tiegħu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.”—Mikea 4:1, 2.
2, 3. It-tbassir taʼ Pawlu dwar li n-nies ikunu jħobbu l-flus kif qiegħed jitwettaq illum?
2 Li aħna nistudjaw it-2 Timotew 3:1-5 jistaʼ jgħinna naraw ir-riżultati taʼ li niġu struwiti minn Alla “fl-aħħar jiem.” Fl-artiklu taʼ qabel, bdejna billi nnotajna benefiċċji li jiġu għand dawk li jdaħħlu f’qalbhom it-twissija taʼ Pawlu biex ma jkunux “iħobbu lilhom infushom.” Pawlu żied li fi żmienna n-nies ikunu wkoll “iħobbu l-flus.”
3 Ħadd m’għandu bżonn joħroġ mill-kulleġġ b’xi grad fl-istorja moderna biex jara kemm dan il-kliem jgħodd għal żmienna. Ma qrajtx int dwar kapitalisti u kapijiet taʼ korporazzjonijiet tan-negozju li m’humiex kuntenti b’li jaqilgħu l-miljuni kull sena? Dawn li jħobbu l-flus jibqgħu jridu iktar, saħansitra permezz taʼ mezzi illegali. Il-kliem taʼ Pawlu jixraq ukoll lil ħafna llum li, waqt li m’humiex għonja, huma xorta waħda mxennqin, qatt sodisfatti. Forsi taf lil ħafna bħal dawn fl-inħawi fejn toqgħod.
4-6. Il-Bibbja kif tgħin lill-Kristjani biex jevitaw li jsiru jħobbu l-flus?
4 Huwa dak li semma Pawlu sempliċement aspett inevitabbli tan-natura tal-bniedem? Mhux skond l-Awtur tal-Bibbja, li żmien twil ilu stqarr din il-verità: “L-imħabba għall-flus hija għerq għal kull xorta taʼ affarijiet li jweġġgħu, u billi rsistew għal din l-imħabba xi wħud ġew żvijati mill-fidi u nifdu lilhom infushom minn fuq s’isfel b’ħafna weġgħat.” Innota, Alla ma qalx, ‘Il-flus huma l-għerq taʼ l-affarijiet kollha li jweġġgħu.’ Hu qal li hija “l-imħabba għall-flus.”—1 Timotew 6:10.
5 Taʼ interess, il-kuntest tal-kliem taʼ Pawlu rrikonoxxa li xi Kristjani mill-aħjar fl-ewwel seklu kienu sinjuri fis-sistema preżenti taʼ affarijiet, kemm jekk wirtu l-għana u kemm jekk ħadmu għaliha. (1 Timotew 6:17) Għandu jkun evidenti, allura, li hu x’inhu l-istat finanzjarju tagħna, il-Bibbja twissina dwar il-periklu taʼ li nsiru nħobbu l-flus. Toffri l-Bibbja xi struzzjoni oħra dwar li nevitaw dan id-difett gravi u komuni? Tabilħaqq li toffri, bħalma nsibu fil-Priedka taʼ Ġesù taʼ fuq il-Muntanja. L-għerf tagħha huwa famuż mad-dinja kollha. Innota, per eżempju, x’qal Ġesù f’Mattew 6:26-33.
6 Kif insibu f’Luqa 12:15-21, Ġesù tkellem dwar raġel sinjur li baqaʼ jipprova jakkumula iktar ġid imma li f’daqqa waħda tilef ħajtu. X’kien il-punt taʼ Ġesù? Hu qal: “Għassu kontra kull xorta taʼ xenqa, għaliex saħansitra meta wieħed għandu abbundanza l-ħajja tiegħu ma tirriżultax mill-affarijiet li jippossjedi.” Flimkien maʼ li tagħti parir bħal dan, il-Bibbja tikkundanna l-għażż u tisħaq fuq il-valur taʼ ħidma onesta. (1 Tessalonkin 4:11, 12) O, xi wħud jistgħu joġġezzjonaw li tagħlim bħal dan ma japplikax għaż-żminijiet tagħna—imma japplika, u qed ikollu suċċess.
Istruwiti u Bbenefikati
7. X’raġuni għandna biex ikollna fiduċja li nistgħu b’suċċess napplikaw il-parir tal-Bibbja dwar ir-rikkezzi?
7 F’ġens wara ġens, int tistaʼ ssib eżempji li ġraw veru taʼ rġiel u nisa mil-livelli kollha soċjali u ekonomiċi li applikaw prinċipji divini dwar il-flus. Huma bbenefikaw lilhom infushom u lill-familji tagħhom, bħalma jistgħu jaraw saħansitra nies li m’humiex Xhieda. Per eżempju, fil-ktieb Religious Movements in Contemporary America, mill-pubblikatur għall-Università taʼ Princeton, wieħed antropologu kiteb: “Fil-pubblikazzjonijiet [tax-Xhieda] u fit-taħditiet fil-kongregazzjoni huma jiġu mfakkrin li ma jiddependux minn karozzi ġodda, ilbies li jiswa ħafna flus, jew ħajja ħalja għall-istat tagħhom. Fl-istess waqt Xhud għandu jagħti x-xogħol ġust taʼ ġurnata lil dak li jimpjegah [u li għandu] jkun onest b’mod skrupluż . . . Karatteristiċi bħal dawn jagħmlu saħansitra lil raġel mingħajr ħafna snajja impjegat utli, u xi Xhieda ġewwa Filadelfja taʼ Fuq [Stati Uniti], inħawi fejn hemm ħafna faqar, avanzaw għal pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà konsiderevoli fl-impjieg.” B’mod ċar, nies li aċċettaw struzzjoni mingħand Alla permezz tal-Kelma tiegħu ġew imwissijin kontra attitudnijiet li jagħmluha iktar iebsa biex tittratta mal-kundizzjonijiet preżenti. L-esperjenza tagħhom tagħti prova li l-istruzzjoni tal-Bibbja tistaʼ twassal għal ħajja aħjar, iktar hienja.
8. Il-kelmiet “faħħarin,” “kburin,” u “midgħajja” għala jistgħu jiġu marbutin flimkien, u x’inhu t-tifsir taʼ dawn it-tliet termini?
8 Nistgħu norbtu flimkien it-tliet affarijiet li jmiss li jsemmi Pawlu. Fl-aħħar jiem, il-bnedmin se jkunu “faħħarin, kburin, midgħajja.” Dawn it-tlieta m’humiex identiċi, imma kollha huma relatati mal-kburija. L-ewwel waħda hija “faħħarin.” Dizzjunarju wieħed jgħid li l-kelma Griega bażika hawnhekk tfisser: “‘Wieħed li jaħseb li hu xi ħaġa iktar milli tiġġustifika r-realtà,’ jew ‘iwiegħed iktar milli jistaʼ jwettaq.’” Tistaʼ tifhem għala xi Bibbji jużaw it-terminu “mimlijin ftaħir.” Warajha tiġi l-kelma “kburin,” jew litteralment “jidhru superjuri.” Fl-aħħar, “midgħajja.” Xi wħud jistgħu jaħsbu dwar il-midgħajja bħala dawk li jitkellmu mingħajr rispett dwar Alla, imma l-għerq tal-kelma jinkludi diskors inġurjuż, defamatorju, jew abbużiv kontra bnedmin. Mela Pawlu qiegħed jirreferi għal dagħa dirett sew kontra Alla kif ukoll kontra l-bniedem.
9. F’kuntrast maʼ attitudnijiet taʼ ħsara prevalenti, il-Bibbja liema attitudnijiet tinkuraġġixxi lin-nies li jiżżviluppaw?
9 Kif tħossok int meta tagħmilha maʼ nies li tixirqilhom id-deskrizzjoni taʼ Pawlu, kemm jekk huma sħabek fuq ix-xogħol, sħabek fl-iskola, jew qrabatek? Jagħmilha dan lil ħajtek iktar faċli? Jew nies bħal dawn jikkomplikawlek ħajtek, billi jagħmluha iktar iebsa għalik biex tittratta maż-żminijiet tagħna? Il-Kelma t’Alla, iżda, tgħallimna biex naħarbu dawn l-attitudnijiet, billi toffri struzzjoni bħalma nsibu fl-1 Korintin 4:7; Kolossin 3:12, 13; u Efesin 4:29.
10. X’jindika li n-nies taʼ Jehovah jibbenefikaw milli jaċċettaw struzzjoni Biblika?
10 Għalkemm il-Kristjani huma imperfetti, li japplikaw din l-istruzzjoni mill-aħjar jgħinhom ħafna f’dawn iż-żminijiet kritiċi. Il-ġurnal Taljan La Civiltà Cattolica qal li raġuni waħda għala x-Xhieda taʼ Jehovah jibqgħu jikbru fil-għadd “hija li l-moviment jagħti lill-membri tiegħu identità preċiża u b’saħħitha.” Imma, b’“identità b’saħħitha,” ried il-kittieb ifisser “faħħarin, kburin, midgħajja”? Għall-kuntrarju, ir-rivista tal-Ġiżwiti tinnota li l-moviment “jagħti lill-membri tiegħu identità preċiża u b’saħħitha, u huwa post għalihom fejn jiġu milqugħin b’kordjalità u sens taʼ fratellanza u solidarjetà.” M’huwiex evidenti li l-affarijiet li x-Xhieda ġew mgħallmin qegħdin jgħinuhom?
Struzzjoni Li Tibbenefika Lil Membri Tal-Familja
11, 12. Pawlu kif indika b’mod korrett x’se tkun is-sitwazzjoni f’ħafna familji llum?
11 Nistgħu niġbru flimkien l-erbaʼ affarijiet li jmiss, li huma kemmxejn relatati. Pawlu bassar li matul l-aħħar jiem, ħafna se jkunu “ma jobdux lill-ġenituri, ma jroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali.” Inti taf li tnejn minn dawn id-difetti—li wieħed ma jroddx ħajr u li ma jkunx leali—insibuhom madwarna. Xorta waħda, nistgħu faċilment naraw għala Pawlu poġġiehom bejn li “ma jobdux lill-ġenituri” u li “m’għandhom ebda affezzjoni naturali.” L-erbgħa jiġu minsuġin flimkien.
12 Virtwalment kull wieħed li josserva, żagħżugħ jew xiħ, ikollu jammetti li d-diżubbidjenza lejn il-ġenituri qiegħda tiżdied bla rażan, u qiegħda ssir agħar. Ħafna ġenituri jilmentaw li ż-żgħażagħ jidhru li ma jroddux ħajr għal dak kollu li jsir għalihom. Ħafna żgħażagħ jipprotestaw li l-ġenituri tagħhom m’humiex verament leali lejhom (jew lejn il-familja inġenerali) imma huma okkupati għalkollox bl-impjieg tagħhom, bid-divertiment, jew bihom infushom. Minflok ma tipprova tiddetermina min jidher li għandu l-ħtija, ħares lejn ir-riżultati. L-antagoniżmu bejn l-adulti u ż-żgħażagħ spiss iwassal lil dawk taʼ taħt l-għoxrin sena biex jifformaw il-livelli tagħhom stess taʼ moralità, jew immoralità. Ir-riżultat? Rata li dejjem tikber taʼ tqala, aborti, u mardiet trażmessi sesswalment fost iż-żgħażagħ taʼ taħt l-għoxrin sena. Ħafna drabi, in-nuqqas taʼ affezzjoni naturali fid-dar iwassal għall-vjolenza. Int forsi tistaʼ tirrakkonta eżempji mill-inħawi tiegħek, prova li l-affezzjoni naturali qiegħda tisparixxi.
13, 14. (a) Iffaċċjati minn daqstant deterjorazzjoni f’ħafna familji, għala għandna nagħtu attenzjoni lill-Bibbja? (b) Alla liema xorta taʼ parir għaqli joffri dwar il-ħajja tal-familja?
13 Dan jistaʼ jispjega għala iktar u iktar nies qegħdin iduru kontra dawk li darba dehru li huma parti mill-familja estiża tagħhom, taʼ l-istess klann, tribù, jew grupp. Żomm f’moħħok, madankollu, li m’aħniex qegħdin insemmu dawn l-affarijiet biex nenfasizzaw l-affarijiet negattivi tal-ħajja llum. Iż-żewġ interessi taʼ qofol tagħna huma: Jistaʼ t-tagħlim mill-Bibbja jgħinna biex nevitaw is-sofferenza mill-ħtijiet li semma Pawlu, u se nibbenefikaw milli napplikaw it-tagħlim tal-Bibbja fil-ħajjiet tagħna? It-tweġibiet jistgħu jkunu iva, kif inhu evidenti rigward dawk l-erbaʼ punti fil-lista taʼ Pawlu.
14 Stqarrija ġenerali hi ġustifikata tassew: Ebda tagħlim ma jisboq lil dak tal-Bibbja f’li jipproduċi ħajja fil-familja li tqawwi l-qalb u li għandha suċċess tajjeb. Dak jidher minn sempliċi kampjun tal-parir tagħha li jistaʼ jgħin lill-membri tal-familja mhux biss biex jevitaw nasbiet imma biex jirnexxu. Kolossin 3:18-21 juri tajjeb dak, għalkemm hemm ħafna siltiet sbieħ u prattiċi oħrajn diretti lill-irġiel u n-nisa miżżewġin, u lit-tfal. Din l-istruzzjoni tirnexxi fi żmienna. Veru, saħansitra fil-familji tal-Kristjani veri, hemm komplikazzjonijiet u sfidi. Madankollu, ir-riżultati ġenerali jagħtu prova li l-Bibbja qiegħda tipprovdi tagħlim ferm taʼ għajnuna għall-familji.
15, 16. Waħda riċerkatriċi x’sitwazzjoni sabet meta studjat lix-Xhieda taʼ Jehovah fiż-Żambja?
15 Għal sena u nofs, waħda li tagħmel ir-riċerki mill-Università taʼ Lethbridge, il-Kanada, studjat il-ħajja soċjali fiż-Żambja. Hi kkonkludiet: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah iġarrbu suċċess akbar minn membri taʼ denominazzjonijiet oħrajn f’li jżommu unjoni stabbli fiż-żwieġ. . . . Is-suċċess tagħhom jirrappreżenta relazzjoni modifikata taʼ bdil bejn ir-raġel miżżewweġ u martu, li, fl-istinkar tagħhom li għadu kif ġie skopert, li hu bla theddid, u li hu koperattiv, saru jridu jagħtu kont għall-mod kif jittrattaw lil xulxin lil figura ġdida taʼ kap, Alla . . . Ir-raġel miżżewweġ tax-Xhieda taʼ Jehovah jiġi mgħallem biex jimmatura f’li jerfaʼ responsabbiltà għall-istat tajjeb taʼ martu u wliedu. . . . Ir-raġel u l-mara miżżewġin huma nkuraġġiti biex ikunu individwi bl-integrità . . . Din il-ħtieġa għall-integrità li tieħu preċedenza tgħaqqad iż-żwieġ.”
16 Dak l-istudju kien ibbażat fuq għadd kbir taʼ esperjenzi veri. Per eżempju, din il-waħda li tagħmel ir-riċerki qalet li kuntrarju għall-ħaġa normali, “l-irġiel li huma Xhieda taʼ Jehovah spiss issibhom jgħinu lin-nisa tagħhom fil-ġonna, mhux biss matul il-fażi tal-preparazzjoni, imma wkoll fit-tħawwil u fit-tħaffir.” Huwa b’hekk evidenti li esperjenzi bla għadd maʼ l-art kollha juru li struzzjoni tal-Bibbja tmiss il-ħajjiet.
17, 18. X’riżultati sorprendenti feġġew fi studju dwar wirt reliġjuż u sess qabel iż-żwieġ?
17 L-artiklu taʼ qabel semma s-sejbiet fil-Journal for the Scientific Study of Religion. Fl-1991 kien fih artiklu intitolat “Religious Heritage and Premarital Sex: Evidence From a National Sample of Young Adults.” (Il-Wirt Reliġjuż u s-Sess Qabel iż-Żwieġ: Evidenza Minn Kampjun Nazzjonali taʼ Adulti Żgħażagħ”) Int x’aktarx li taf kemm huwa prevalenti s-sess qabel iż-żwieġ. Ħafna jċedu għall-passjoni taʼ età żgħira ħafna, u ħafna żgħażagħ taʼ taħt l-għoxrin sena għandhom iktar minn sieħeb wieħed jew sieħba waħda fis-sess. Jistaʼ t-tagħlim tal-Bibbja jbiddel dan il-mudell komuni?
18 Tliet professuri mseħbin li studjaw il-kwistjoni stennew li jsibu ‘li adoloxxenti u adulti żgħażagħ imrobbijin fit-tradizzjoni Kristjana iktar konservattiva huma inqas probabbli li jkollhom is-sess qabel iż-żwieġ.’ Imma l-fatti xi wrew? Meta tqis kollox, bejn 70 fil-mija u 82 fil-mija kienu ħadu sehem f’sess qabel iż-żwieġ. Għal xi wħud “wirt fundamentalista [naqqas] il-probabbiltà tas-sess qabel iż-żwieġ, imma mhux fil-każ taʼ ‘sess qabel iż-żwieġ fost iż-żgħażagħ taʼ taħt l-għoxrin sena.’” Ir-riċerkaturi kkummentaw dwar xi żgħażagħ minn familji li jidhru reliġjużi li “wrew probabbiltà akbar b’mod sinjifikanti tas-sess qabel iż-żwieġ meta mqabblin maʼ Protestanti Prinċipali.”—Korsiv tagħna.
19, 20. L-istruzzjoni t’Alla kif għenet u pproteġiet lil ħafna żgħażagħ fost ix-Xhieda taʼ Jehovah?
19 Il-professuri sabu sewwa sew l-oppost fost iż-żgħażagħ tax-Xhieda taʼ Jehovah, li kienu fost “il-grupp l-iktar distint mill-oħrajn.” Għala? “Il-livell taʼ rbit u integrazzjoni soċjali kkaġunat permezz taʼ esperjenzi, stennijiet, u involviment . . . jistaʼ ġeneralment joħloq livelli ogħla taʼ żamma maʼ prinċipji taʼ fidi.” Huma żiedu: “Ix-Xhieda huma mistennijin li jwettqu responsabbiltajiet taʼ evanġelizzar bħala adoloxxenti u adulti żgħażagħ.”
20 Mela l-istruzzjoni tal-Bibbja effettwat lix-Xhieda taʼ Jehovah għat-tajjeb billi għenithom jevitaw l-immoralità. Dak ifisser protezzjoni minn mardiet trażmessi sesswalment, li xi wħud minnhom ma jitfejqux u oħrajn huma fatali. Ifisser li ma jkun hemm ebda pressjoni biex isiru aborti, li l-Bibbja tgħallem li huma ekwivalenti għal li wieħed ineħħi l-ħajja. Ifisser ukoll adulti żgħażagħ li kapaċi jidħlu għaż-żwieġ b’kuxjenzi nodfa. Dak ifisser żwiġijiet mibnijin fuq pedament iktar solidu. Huwa tagħlim bħal dan li jistaʼ jgħinna nkampaw, inkunu iktar b’saħħitna, iktar henjin.
Struzzjoni Pożittiva
21. Pawlu liema affarijiet bassar b’mod eżatt għal żmienna?
21 Issa mur lura lejn it-2 Timotew 3:3, 4, u innota x’qal iktar Pawlu li kellu jagħmel iż-żmien tagħna iebes biex issib tarfu għal ħafna—imma mhux għal kulħadd: “[Il-bnedmin se jkunu] m’huma lesti għal ebda ftehim, kalunnjaturi, mingħajr kontroll fuqhom infushom, feroċi, mingħajr imħabba lejn it-tjubija, tradituri, rashom iebsa, minfuħin bil-kburija, [u] iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu ’l Alla.” X’eżattezza! Madankollu, struzzjoni mill-Bibbja tistaʼ tipproteġina u tgħammarna biex inkampaw, ikollna suċċess.
22, 23. Pawlu kkonkluda l-lista tiegħu b’liema eżortazzjoni pożittiva, u x’inhi t-tifsira tagħha?
22 L-appostlu Pawlu jtemm il-lista tiegħu fuq nota pożittiva. Hu jdawwar l-aħħar punt fi kmand divin li jistaʼ wkoll iġibilna benefiċċju bla qies. Pawlu jsemmi lil dawk li “għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma jagħtu prova li huma foloz għall-qawwa tagħha; u minn dawn warrab.” Ftakar li xi żgħażagħ f’xi knejjes attwalment għandhom rata iktar għolja mill-medja taʼ sess qabel iż-żwieġ. Iva, saħansitra jekk l-immoralità taʼ dawk li jmorru l-knisja kienet biss fil-livell medju, ma kienx ikun dak prova li l-forma taʼ qima tagħhom kienet bla qawwa? Jerġaʼ, ibiddel tassew it-tagħlim reliġjuż il-mod kif in-nies jaġixxu fin-negozju, kif jittrattaw lil dawk taʼ taħthom, kif jittrattaw lil qrabathom?
23 Il-kelmiet taʼ Pawlu juru li aħna għandna npoġġu fil-prattika dak li nitgħallmu mill-Kelma t’Alla, billi jkollna mod taʼ qima li juri l-qawwa vera tal-Kristjanità. Dwar dawk li l-għamla taʼ qima tagħhom hi bla qawwa, Pawlu jgħidilna: “Minn dawn warrab.” Dak huwa kmand ċar, wieħed li se jġibilna benefiċċji definiti.
24. L-eżortazzjoni f’Rivelazzjoni kapitlu 18 kif taqbel mal-parir taʼ Pawlu?
24 B’liema mod? Sewwa, l-aħħar ktieb tal-Bibbja jagħti stampa taʼ mara figurattiva, mara żienja, imsejħa Babilonja l-Kbira. L-evidenza turi li Babilonja l-Kbira tirrappreżenta lill-imperu taʼ reliġjon falza mad-dinja kollha, li lilu Alla Jehovah eżamina u ċaħad. Madankollu, aħna m’għandniex għalfejn inkunu inklużi. Rivelazzjoni 18:4 iħeġġiġna: “Oħorġu minnha, poplu tiegħi, jekk ma tridux tieħdu sehem magħha fi dnubietha, u jekk ma tridux tirċievu parti mill-kastigi tagħha.” M’huwiex dak l-istess messaġġ li ta Pawlu, “minn dawn warrab”? Li nimxu fi qbil maʼ dan huwa mod ieħor kif nistgħu nibbenefikaw mill-istruzzjoni t’Alla.
25, 26. X’futur hu maħżun għal dawk li issa jaċċettaw u japplikaw l-istruzzjoni mingħand Alla Jehovah?
25 Dalwaqt Alla se jindaħal direttament fil-kwistjonijiet tal-bnedmin. Hu se jelimina lir-reliġjon falza kollha u l-bqija tas-sistema mill-agħar preżenti. Dak se jkun kawża għall-ferħ, kif jindika Rivelazzjoni 19:1, 2. Fuq l-art dawk li jaċċettaw u jsegwu l-istruzzjoni t’Alla se jitħallew jibqgħu jsegwu t-tagħlim tiegħu meta l-ostakli taʼ dawn iż-żminijiet kritiċi jkunu għaddew.—Rivelazzjoni 21:3, 4.
26 Li ngħixu f’dik il-Ġenna taʼ l-art restawrata ċertament se jkun taʼ għaxqa li ma nistgħux nimmaġinawha. Alla jwiegħed li dan huwa possibbli għalina, u aħna nistgħu nafdawh assolutament. Hu b’hekk jagħtina raġuni abbundanti biex naċċettaw u nsegwu t-tagħlim li jgħin tiegħu. Meta? Ejjew insegwu l-istruzzjonijiet tiegħu issa f’dawn iż-żminijiet kritiċi tagħna u ’l quddiem għal ġol-Ġenna li hu jwiegħed.—Mikea 4:3, 4. (w94 4/15)
Punti Għal Meditazzjoni
◻ In-nies taʼ Jehovah kif jibbenefikaw mill-parir tiegħu dwar ir-rikkezzi?
◻ Rivista tal-Ġiżwiti xehdet dwar liema riżultati tajbin li jiġu għand il-qaddejja t’Alla billi japplikaw il-Kelma tiegħu?
◻ Studju fiż-Żambja rrivela liema benefiċċji li ġew għand familji li applikaw struzzjoni divina?
◻ Struzzjoni divina xi protezzjoni tipprovdi għaż-żgħażagħ?
[Kaxxa f’paġna 14]
IL-PREZZ IRID JITĦALLAS!
“Iż-żgħażagħ taʼ taħt l-għoxrin sena jiffaċċjaw riskju enormi taʼ AIDS minħabba li jħobbu jesperimentaw bis-sess u d-drogi, jieħdu riskji u jgħixu għall-mument, u minħabba li jħossu li l-mewt ma tistax għalihom u jisfidaw lill-awtorità,” jgħid rapport ippreżentat f’konferenza dwar l-AIDS u ż-żgħażagħ taʼ taħt l-għoxrin sena.—Id-Daily News taʼ New York, il-Ħadd, 7 taʼ Marzu, 1993.
“Tfajliet taʼ taħt l-għoxrin sena li huma attivi sesswalment jidhru li se jieħdu t-tmexxija fit-tixrid taʼ l-epidemija taʼ l-AIDS, skond ma nstab minn studju li sar mill-Ġnus Magħquda fl-Ewropa, fl-Afrika, u fix-Xlokk taʼ l-Asja.”—The New York Times, il-Ġimgħa, 30 taʼ Lulju, 1993.