LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w90 3/15 pp. 3-7
  • Anzjani Għassu l-Prokura Tagħkom

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Anzjani Għassu l-Prokura Tagħkom
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Għala Fdati Lilkom?
  • Kif Tgħasses il-​Prokura Tiegħek
  • Evita n-​Nasbiet
  • “Oqogħdu Attenti Għalikom Infuskom”
  • Ferħ Jirriżulta Jekk Tgħassu l-​Prokura Tagħkom
  • Rgħajja, Imitaw lill-Aqwa Rgħajja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Kunu Ubbidjenti Lejn Dawk li Jieħdu t-Tmexxija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Tikkwalifika Int Biex Taqdi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Missier u Anzjan—Iwettaq iż-Żewġt Irwoli
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
w90 3/15 pp. 3-7

Anzjani Għassu l-​Prokura Tagħkom

“Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-​merħla kollha, li fostha l-​ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi, biex tirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla, li hu xtara bid-​demm taʼ Ibnu stess.”−ATTI 20:28.

1. X’tinkludi l-​prokura Kristjana?

ALLA JEHOVAH lil dawk li qegħdin fl-​organizzazzjoni tiegħu tal-​art fdalhom prokura tal-​għaġeb. Iżda prokura x’inhi? Hija xi ħaġa taʼ valur fdata lil xi ħadd li jrid jagħti kont tagħha. Il-​prokura Kristjana tinkludi “l-​mudell taʼ kliem is-​saħħa,” il-​verità mogħtija permezz tal-​Iskrittura u mqassma permezz tal-​“irsir fidil u għaqli” bħala “ikel fiż-​żmien xieraq.” (2 Timotew 1:13, 14; Mattew 24:45-47) Din il-​prokura tinkludi l-​ministeru assoċjat mal-​verità, li trid tiġi ppridkata ġewwa u barra mill-​kongregazzjoni. (2 Timotew 4:l-5) Xandara tas-​Saltna, inklużi anzjani maħturin bl-​ispirtu, għandhom jistmaw din il-​prokura bħala taʼ valur l-​iktar għoli.

2. L-​anzjani liema prokura oħra għandhom, u Pietru x’qal dwarha?

2 Anzjani Kristjani għandhom jerġaʼ prokura oħra—ir-​responsabbiltà li jirgħu l-​merħla t’Alla. F’dan ir-​rigward, l-​appostlu Pietru kiteb: “Lill-​irġiel ixjeħ fostkom nagħti din l-​eżortazzjoni, għax jien ukoll raġel ixjeħ magħhom u xhud tat-​tbatijiet tal-​Kristu, li għandi sehem saħansitra mill-​glorja li għad trid tiġi rrivelata: Irgħu l-​merħla t’Alla li hemm fil-​ħarsien tagħkom, mhux bil-​fors, iżda bil-​qalb; lanqas għal imħabba taʼ qligħ diżonest, iżda ħerqana; lanqas billi tagħmluha taʼ sidien fuq dawk li huma l-​wirt t’Alla, iżda billi ssiru eżempji għall-​merħla. U meta r-​ragħaj ewlieni jkun sar manifest, intom se tirċievu l-​kuruna taʼ glorja li ma titbielx.”—1 Pietru 5:l-4.

3. Anzjani Kristjani jridu jkunu sorsi taʼ liema affarijiet?

3 Anzjani Kristjani ‘jridu juru li huma bħal moħba mir-​riħ u post taʼ kenn mill-​maltempata tax-​xita, bħal nixxigħat taʼ ilma f’pajjiż mingħajr ilma, bħad-​dell taʼ blata tqila f’art niexfa.’ (Isaija 32:1, 2) Dan ifisser li l-​anzjani għandhom ikunu sorsi taʼ sigurtà, paċi, u stabbilità għall-​merħla taʼ qaddejja t’Alla bħal ngħaġ. “Aktar mis-​soltu” hu meħtieġ mill-​anzjani, jew sotto-ragħajja, tal-​merħla għaliex huma ġew ‘inkarigati minn ħafna.’ (Luqa 12:48) U huma ċertament li għandhom prokura prezzjuża li trid tiġi mgħassa.

Għala Fdati Lilkom?

4. Għala huma meħtieġa tant anzjani?

4 L-​eżistenza taʼ iktar minn 60,000 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha tirrikjedi għaxriet taʼ eluf taʼ rġiel ikkwalifikati spiritwalment biex jieħdu ħsieb tal-​merħla t’Alla. Hemm ħafna anzjani f’kull pajjiż, u din hi raġuni għal ferħ. Mad-​dinja kollha hemm medja taʼ madwar 60 pubblikatur tas-​Saltna f’kull kongregazzjoni. Għaldaqstant, hemm wisq xogħol x’isir mill-​anzjani.—1 Korintin 15:58.

5. Fuq liema bażi jiġi offrut lil xi raġel il-​privileġġ li jaqdi bħala anzjan?

5 Jekk int anzjan, dan il-​privileġġ imbierek għala ġie offrut lilek? Għaliex int għamilt ċerti affarijiet, u int għandek kwalifiki spiritwali. Per eżempju, int ridt tistudja l-​Kelma t’Alla bir-​reqqa. (Ġożwè 1:7, 8) Int ridt tieħu sehem b’mod żeluż fil-​ministeru tal-​għalqa, billi tgħin ukoll lil oħrajn biex isiru xandara tas-​Saltna. Billi ġejt ‘ippruvat l-​ewwel dwar kemm tiflaħ,’ int qdejt lejalment bħala qaddej ministerjali. Int ‘irsistejt,’ jew fittixt li tikkwalifika, biex tkun anzjan, billi apprezzajt kemm li tkun indokratur hu “xogħol mill-​aħjar.” (1 Timotew 3:1, 10) Bħal Timotew, ġejt ‘rapportat sewwa dwarek mill-​aħwa.’ (Atti 16:2) Meta ġejt irrikmandat bħala anzjan, wisq probabbli int kont riesaq lejn it-​30 jew akbar minn hekk u kellek esperjenza fil-​ħajja. Il-​kongregazzjoni kienet saret tirrispettak bħala ħu matur spiritwalment li tistaʼ tavviċinak u kapaċi tagħti pariri Skritturali effettivi u li li tgħidlek iżżommu għalik.—Proverbji 25:9, 10.

Kif Tgħasses il-​Prokura Tiegħek

6, 7.L-Ewwel Timotew 4:13-15 jipprovdi liema parir biex igħin lil wieħed biex igħasses il-​prokura tiegħu bħala anzjan?

6 Iva, jekk int anzjan, kien għal raġunijiet sodi li int ġejt fdat b’indokrar Kristjan. U kemm ħassejtek privileġġat! Iżda kif tistaʼ tgħasses il-​prokura tiegħek?

7 Mod wieħed biex tgħasses il-​prokura tiegħek bħala anzjan hu li tkun pożittiv u ħabrieki f’li tieħu ħsieb tad-​doveri tiegħek. Ilkoll kemm aħna għandna inkarigi taʼ responsabbiltà varjata fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Għalhekk, żomm postok, u kun kuntent f’li ‘ġġib ruħek bħala wieħed iżgħar.’ (Luqa 9:46-48; qabbel Imħallfin 7:21.) Għożż il-​privileġġi tiegħek, u qatt la ‘taħdem b’id merħija.’ (Proverbji 10:4) Tiqafx fl-​istess post, iżda bil-​għajnuna taʼ Jehovah, agħmel progress fl-​aspetti kollha tal-​ministeru. Tabilħaqq, segwi dan il-​parir mogħti minn Pawlu lil Timotew: “Kompli applika lilek innifsek għall-​qari pubbliku, għat-​tħeġġiġ, għat-​tagħlim. Titlaqx il-​għotja fik li ngħatatlek permezz taʼ tbassira u meta l-​ġemgħa tal-​irġiel ixjeħ qiegħdu jdejhom fuqek. Aħseb sewwa dwar dawn l-​affarijiet; kun mehdi fihom, biex il-​mixi ’l quddiem tiegħek jistaʼ jkun jidher minn kulħadd.”−1 Timotew 4:13-15.

8. X’se jgħin lil anzjan biex jagħti pariri sodi u jgħaddi xi ħaġa li ssebbaħ spiritwalment fil-​laqgħat?

8 Kun żgur li żżomm maʼ skeda tajba u produttiva taʼ studju persunali. Bħala anzjan, int b’mod xieraq mistenni li tagħti parir Skritturali sod. Biex tiġi fornut għal din ir-​responsabbiltà, qrajt int il-​Bibbja kollha b’mod li timmedita fuqha, forsi ħafna drabi? (Proverbji 15:28) Xi ngħidu dwar meta jkollok xi taħdidiet quddiem il-​kongregazzjoni? Ippreparahom sewwa, billi bit-​talb tfittex il-​għajnuna taʼ Jehovah sabiex tistaʼ tgħaddi xi ħaġa li ssebbaħ spiritwalment lil dawk preżenti għal-​laqgħat tagħna. L-​anzjani b’mod partikulari għandhom ‘igħidu dak li hu tajjeb biex jibni, biex jistgħu jagħtu dak li hu tajjeb għal dawk li jisimgħu.’—Efesin 4:29. Rumani 1:11.

9. Skond it-​2 Timotew 4:2, x’għandu jagħmel anzjan?

9 Bħala anzjan, agħti kas tat-​twiddiba taʼ Pawlu: “Ippriedka l-​kelma, kun magħha b’urġenza fi staġun taʼ favur, fi staġun taʼ nkwiet, widdeb, ċanfar, ħeġġeġ, bis-​sabar fit-​tul kollu u bis-​sengħa tat-​tagħlim.” (2 Timotew 4:2) Pawlu kien ikkonċernat dwar l-​apostasija għaliex xi wħud fil-​kongregazzjoni ‘ġġieldu dwar kliem,’ ingħataw għal ‘iddomandar taʼ bluha,’ u ‘ma kinux disposti b’mod favorevoli lejn il-​verità.’ (2 Timotew 2:14-18, 23-25; 3:8-13; 4:3, 4) Kemm jekk il-​kongregazzjoni kienet għaddejja minn żmien taʼ nkwiet jew minn żmien favorevoli, madankollu, Timotew kellu ‘jippriedka l-​kelma.’ Dan kien isaħħaħ lil adoraturi sħabu biex jirreżistu l-​apostasija. B’mod simili llum l-​anzjani għandhom jippridkaw il-​kelma, jew messaġġ, penetranti t’Alla, li jilħaq il-​qalb u jinkuraġġixxi ż-​żamma tal-​livelli taʼ Jehovah.—Ebrej 4:12.

10. Anzjan għala għandu jaħdem regolarment fil-​ministeru tal-​għalqa maʼ membri tal-​familja tiegħu u oħrajn?

10 Biex jitkellem b’awtorità, anzjan irid igħix fi qbil mal-​Kelma t’Alla. Iżda ma jkunx qed igħasses il-​prokura tiegħu bis-​sħiħ jekk hu ‘jippriedka l-​kelmaʼ biss fis-​sala quddiem il-​kongregazzjoni. Fl-​istess kuntest Pawlu ħeġġeġ lil Timotew: “Agħmel ix-​xogħol taʼ evanġelizzatur.” Biex ‘twettaq għal kollox il-​ministeru tiegħek’ bħala anzjan inti trid tippriedka l-​Kelma t’Alla “pubblikament u minn dar għal dar.” (2 Timotew 4:5; Atti 20:20, 21) Għalhekk, aħdem fil-​ministeru tal-​għalqa maʼ membri tal-​familja tiegħek. Dan jistaʼ jikkontribwixxi għall-​għaqda spiritwali bejnek u bejn martek u se jibbenefika bil-​kbir lil uliedek. Qattaʼ, wkoll, xi ħin fix-​xogħol tal-​ippridkar maʼ membri oħra tal-​kongregazzjoni. Dan isaħħaħ rabtiet spiritwali u jżid l-​imħabba tal-​aħwa. (Ġwann 13:34, 35) Naturalment, anzjan għandu jirsisti għall-​bilanċ f’li jaqsam ħin prezzjuż bejn il-​familja tiegħu u l-​kongregazzjoni. Billi juża d-​dehen se jiġi mgħejjun biex ma jqattax wisq ħin fuq waħda, waqt li jitraskura bi ħsara lill-​oħra.

11. Anzjan għala għandu jaħdem iebes biex iżid il-​kapaċità tiegħu bħala għalliem?

11 Biex tgħasses il-​prokura tiegħek bħala anzjan, aħdem ukoll iebes biex iżżid il-​kapaċità tiegħek bħala għalliem. “Dak li jgħallem, ħa jkun fit-​tagħlim tiegħu,” qal Pawlu, “jew dak li jħeġġeġ, ħa jkun fit-​tħeġġiġ tiegħu.” (Rumani 12:7, 8) Peress li għalliem jieqaf bħala dak li jagħti l-​istruzzjonijiet quddiem ħaddieħor, huma għandhom dritt jistennew ħafna minnu. Jekk anzjan se jiżbalja serjament fit-​tagħlim tiegħu u dan jikkaġuna problemi għal adoraturi sħabu, hu jaqaʼ taħt ġudizzju minn Alla. Iva, għalliema ‘se jirċievu ġudizzju aktar tqil.’ (Ġakbu 3:​1, 2; Mattew 12:36, 37) Għalhekk l-​anzjani għandhom ikunu studenti serji tal-​Kelma t’Alla u jridu japplikawha fil-​ħajja. Imbagħad it-​tagħlim Skritturali tagħhom, appoġġat bl-​applikazzjoni persunali, se jkun apprezzat bil-​kbir minn adoraturi sħabhom. Se jipproteġi wkoll lill-​kongregazzjoni minn influwenzi taʼ ħsara inkluża l-​apostasija.

Evita n-​Nasbiet

12. Liema pariri li ġew darba ppubblikati f’din ir-​rivista se jgħinu lil anzjan biex jevita l-​użu ħażin tal-​ilsien?

12 Għasses il-​prokura tiegħek bħala anzjan ukoll, billi tevita nasbiet. Waħda minnhom hija l-​użu ħażin tal-​ilsien bħala għalliem. Il-​ħtieġa għal attenzjoni f’dan ir-​rigward ilha tiġi enfasizzata mill-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Per eżempju, fil-​ħarġa tagħha tal-​15 taʼ Mejju, 1897, din ir-​rivista ddiskutiet Ġakbu 3:l-13 u qalet b’mod speċjali lill-​anzjani: “Jekk jipposjedu lsien elokwenti jistaʼ jkun mezz għal barka kbira, billi jdawwar għadd kbir taʼ nies lejn il-​Mulej, il-​verità u t-​triq taʼ tjieba; jew, mill-​banda l-​oħra, jekk ikkontaminat bl-​iżbalji, l-​ilsien jistaʼ jagħmel ħsara li kważi ma tingħadx—ħsara lil fidi, lil morali, lil xogħlijiet tajbin. Huwa tabilħaqq veru, li kulmin jeżerċita d-​don tat-​tagħlim ipoġġi lilu nnifsu għal responsabbiltà miżjuda quddiem Alla u l-​bniedem....Kulmin se jkun funtana li minnha toħroġ il-​Kelma divina, li ġġib barka u serħan u saħħa, għandu joqgħod attent li ilma morr, duttrini foloz li se jġibu saħta, ħsara—billi jiddiżonoraw lil Alla u jgħawġu l-​Kelma tiegħu—ma jsibux fih mezz kif joħorġu. Fil-​għażla taʼ mexxejja għal-​laqgħat il-​kwalifika tal-​‘ilsien,’ kif inhi mniżżla hawn m’għandhiex tiġi injorata. Dawk li lsienhom xrara nar m’għandhomx jintgħażlu, iżda dawk li huma iżjed ġwejdin, moderati, li ‘jliġġmu’ lsienhom u jistinkaw bir-​reqqa li ‘jitkellmu l-​orakli t’Alla’ biss.” Kemm hu mportanti għal anzjan li juża lsienu b’mod tajjeb!

13. L-​anzjani jridu jeżerċitaw liema attenzjoni rigward rikreazzoni?

13 Rikreazzjoni eċċessiva hija wkoll nasba li trid tiġi evitata. Ir-​rikreazzjoni għandha sserraħ u tibni, mhux tgħajjih u taljenah lil Kristjan. Iktar minn hekk, indokraturi għandhom ikunu ‘moderati fid-​drawwiet.’ (1 Timotew 3:2) Jekk il-​moderazzjoni tiggverna kulma tagħmel f’dak li hu rikreazzjoni, dan se jgħasses lilek u lill-​familja tiegħek u se jipprovdi eżempju mill-​aħjar għall-​kongregazzjoni. Ma tkunx qed tagħti eżempju tajjeb jekk, darba wara l-​oħra, titlaq għal skopijiet taʼ rikreazzjoni fi tmiem il-​ġimgħa waqt li adoraturi sħabek ikunu b’mod ħabrieki qed jieħdu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa. L-​aħbar tajba trid tiġi ppridkata, u anzjani għandhom ikunu minn taʼ quddiem f’dan ix-​xogħol bħala xandara żelużi tas-​Saltna.—Mark 13:10; Titus 2:14.

14. (a)Liema eżempji Skritturali jenfasizzaw il-​bżonn għal anzjani li jgħassu kontra l-​immoralità sesswali? (b) Liema parir ripetut m’għandhomx jinjoraw l-​anzjani meta jiġu biex igħinu aħwa nisa spiritwali?

14 Immoralità sesswali hija nasba oħra x’tevita. It-​tħassir morali tad-​dinja jistaʼ jinfluwenza saħansitra anzjan jekk hu ma jirreżistix it-​tentazzjonijiet użati minn Satana fl-​isforzi tiegħu biex ikisser l-​integrità tal-​poplu t’Alla. (Qabbel Mattew 4:l-11; 6:9, 13.) Ftakar li l-​profeta Balgħam, meta ma rnexxilux fl-​attentati tiegħu biex jisħet lill-​Iżraeliti, irraġuna li Jehovah innifsu se jisħethom jekk huma setgħu jiġu sseduċuti biex jieħdu sehem fil-​qima tas-​sess. Għalhekk Balgħam għallem lis-​sultan Moabita Balak kif “ipoġġi kantun għal gambetta quddiem ulied Iżrael, biex jieklu affarijiet sagrifikati lil idoli u biex jikkommettu ż-​żina.” Evitaw huma dik in-​nasba? Le, għax 24,000 Iżraeliti mietu b’kastig mingħand Jehovah għaliex huma kellhom relazzjonijiet immorali maʼ nisa Moabiti u niżlu għarkobbtejhom quddiem l-​allat tagħhom. (Rivelazzjoni 2:14; Numri 25:l-9) Ftakar, ukoll, li saħansitra David, ‘raġel li jaqbel għall-​qalb t’Alla,’ tfixkel fin-​nasba tal-​immoralità sesswali. (1 Samwel 13:14; 2 Samwel 11:2-4) Bħala anzjan, mela, agħti kas tal-​parir ripetut tal-​“prokuratur fidil” biex qatt ma tgħin lil xi oħt spiritwali fil-​privat iżda ħa jkollok anzjan ieħor preżenti waqt li tieħu ħsieb taʼ din ir-​responsabbiltà.—Luqa 12:42.

15. Il-​familja taʼ anzjan kif tistaʼ tgħin biex jevita n-​nasba tal-​materjaliżmu?

15 Il-​materjaliżmu hu nasba oħra li anzjan għandu jevita. Kun kuntent bin-​neċessitajiet, billi taf li Jehovah se jipprovdi b’mod adekwat. (Mattew 6:25-33. Ebrej 13:5) Ħarreġ lill-​familja tiegħek biex jibżgħu għall-​flus, għax il-​ħala hija ħalliela tal-​ħin u r-​riżorsi li jistgħu jintużaw biex tgħin lill-​familja, kif ukoll biex tieħu sehem fil-​ministeru tal-​għalqa, issaħħaħ il-​kongregazzjoni, u tavvanza interessi tas-​Saltna. Anzjan jibbenefika mill-​koperazzjoni tal-​familja tiegħu f’dan ir-​rigward u jkun grat li huma ma jippressawhx għal affarijiet li ma jkunux attwalment meħtieġa. Fil-​fatt, “aħjar ftit fil-​biżaʼ taʼ Jehovah minn provista abbundanti u konfużjoni flimkien magħha.”−Proverbji 15:16.

“Oqogħdu Attenti Għalikom Infuskom”

16. X’parir ta Pawlu lill-​indokraturi taʼ Efesu?

16 Jekk l-​anzjani jridu jgħassu l-​prokura tagħhom, huma jridu japplikaw il-​parir taʼ Pawlu lill-​indokraturi taʼ Efesu: Hu qalilhom: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom u għall-​merħla kollha, li fostha l-​ispirtu qaddis ħatarkom indokraturi, biex tirgħu l-​kongregazzjoni t’Alla, li hu xtara bid-​demm taʼ Ibnu stess. Jien naf li wara t-​tluq tiegħi ilpup li jaħqru se jidħlu fostkom u mhux se jitrattaw lill-​merħla b’tenerezza, u minn fostkom stess se jqumu rġiel u jitkellmu affarijiet imgħawġa biex jiġbdu lid-​dixxipli warajhom. Għalhekk ibqgħu mqajmin, u żommu f’moħħkom li għal tliet snin, lejl u nhar, ma waqaftx inwissi lil kull wieħed bid-​dmugħ.”−Atti 20:28-31.

17, 18. Liema parir ippubblikat f’din ir-​rivista xi 80 sena ilu għadu japplika għall-​anzjani Kristjani?

17 Iktar minn 80 sena ilu, The Watch Tower (1 taʼ Marzu, 1909) ikkwota dan il-​parir taʼ Pawlu li semmejna lill-​anzjani mseħbin u kkummenta: “L-​anzjani kullimkien għandhom bżonn joqogħdu attenti b’mod speċjali; għaliex f’kull prova dawk li huma l-​iktar iffavoriti u l-​iktar prominenti għandhom l-​eħrex attakki u testijiet. Għalhekk [Ġakbu] jwissi, ‘Tkunux bosta minnkom għalliema, l-​aħwa, billi tafu li raġel se jirċievi l-​prova aktar ħarxa.’ Aħna, bl-​istess mod inwissu lill-​Anzjani kollha li f’qalbhom huma puri, mingħajr egoiżmu, li m’għandhom xejn għajr imħabba u xewqat tajbin għall-​umanità kollha, u li huma jsiru iktar u iktar mimlijin bil-​frott u l-​grazzji tal-​Ispirtu qaddis, billi jieħdu ħsieb ukoll tal-​merħla. Ftakru li l-​merħla hi tal-​Mulej u li intom għandkom responsabbiltà lejn il-​Mulej, kif ukoll lejhom. Ftakru li intom għandkom tgħassu għall-​erwieħ (l-interessi) tagħhom bħala dawk li jridu jagħtu kont lir-​Ragħaj Ewlieni l-​Kbir. Ftakru li l-​ħaġa prinċipali hi l-​Imħabba f’kulħadd; u, waqt li ma titraskurawx id-​duttrini, agħtu attenzjoni speċjali lill-​iżvilupp tal-​Ispirtu tal-​Mulej fost il-​membri varjati tal-​Ġisem tiegħu, biex b’hekk huma jistgħu jsiru ‘xierqa għall-​wirt, tal-​qaddisin fid-​dawl,’ u, skond ir-​rieda Divina, ma jitħallewx jitfixklu f’dan il-​jum ħażin, iżda, billi jkunu għamlu kollox, jieqfu sħaħ fi Kristu, fil-​Ġisem tiegħu, il-​Membri tiegħu, is-​Sagrifikaturi Sħabu, il-​Werrieta Sħabu.”

18 Dak il-​kliem kien indirizzat lill-​anzjani u adoraturi mseħbin midlukin bl-​ispirtu fi qbil mal-​fehma u ċ-​ċirkustanzi tal-​organizzazzjoni taʼ Jehovah f’dawk il-​jiem bikrin. Madankollu, kemm japplika tajjeb dak il-​parir illum! Kemm jekk għandhom it-​tama għas-​sema jew għall-​art, anzjani Kristjani jridu joqogħdu attenti għalihom infushom, igħassu l-​prokura tagħhom, u b’imħabba jieħdu ħsieb l-​interessi tal-​merħla t’Alla.

Ferħ Jirriżulta Jekk Tgħassu l-​Prokura Tagħkom

19, 20. Għala jistaʼ jingħad li ferħ jirriżulta jekk l-​anzjani jgħassu l-​prokura tagħhom?

19 Hena—fil-​fatt, ferħ mill-​qalb—jirriżulta jekk tgħasses il-​prokura tiegħek bħala anzjan Kristjan. Hemm pjaċir f’li twettaq responsabbiltà serja b’mod tajjeb. Għalhekk kun attent, itlob u ħabrek. Għasses il-​prokura tiegħek bħala anzjan u ħares ’il quddiem lejn iż-​żmien meta tkun tistaʼ tgħid, bħalma qal ir-​raġel bil-​klamar tal-​linka tas-​segretarju: “Għamilt sewwa sew bħalma kkmandajtni.”−Eżekjel 9:3, 4, 11.

20 Iva, aħdem bil-​lejaltà bħala anzjan sabiex jistaʼ jintqal dwarek kif intqal dwar Noè: “Għamel preċiż hekk.” (Ġenesi 6:22) Minn servizz daqshekk ħabrieki, il-​kongregazzjoni tibbenefika b’ħafna modi. L-​iktar importanti, Jehovah huwa onorat b’kongregazzjonijiet b’saħħithom u attivi moqdijin minn anzjani lejali li jgħassu l-​prokura tagħhom. Iżda iżjed hu meħtieġ jekk, fil-​fatt se jintqallek: “Prosit, irsir tajjeb!” (Luqa 19:17) Bħala anzjan, int trid ukoll titratta lill-​merħla t’Alla b’tenerezza.

Kieku Int Xi Tgħid?

◻ Liema prokura miżjuda għandhom anzjani Kristjani?

◻ Anzjan jistaʼ jieħu liema passi pożittivi biex igħasses il-​prokura tiegħu?

◻ Biex igħasses il-​prokura tiegħu liema nasbiet irid jevita anzjan?

◻ Għala jirriżulta l-​ferħ meta l-​anzjani jgħassu l-​prokura tagħhom?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja