“L-Akbar Minn Dawn hi l-Imħabba”
“Issa, madankollu, jibqgħu l-fidi, it-tama, l-imħabba, dawn it-tlieta; imma l-akbar minn dawn hi l-imħabba.”—1 KORINTIN 13:13.
1. Wieħed antropoloġista x’qal dwar l-imħabba?
WIEĦED mill-iktar antropoloġisti minn taʼ quddiem tad-dinja darba qal: “Aħna nifhmu għall-ewwel darba fl-istorja tal-ispeċi tagħna li l-iktar importanti mill-ħtiġijiet psikoloġiċi bażiċi umani kollha hi l-ħtieġa għall-imħabba. Hija tinsab fiċ-ċentru tal-ħtiġijiet umani kollha sewwa sew bħalma x-xemx tagħna tinsab fiċ-ċentru tas-sistema solari tagħna bil-pjaneti jduru madwarha. . . . It-tifel (jew tifla) li ma ġiex maħbub huwa differenti ħafna bijokimikament, fiżjoloġikament, u psikoloġikament minn dak li ġie maħbub. Tal-ewwel saħansitra jikber b’mod differenti minn tal-aħħar. Dak li issa nafu hu li l-esseri uman jitwieled biex igħix bħal kieku li tgħix u li tħobb kienu ħaġa waħda. Dan, naturalment, mhux ġdid. Dan hu konferma tal-Priedka fuq il-Muntanja.”
2. (a) L-appostlu Pawlu kif wera l-importanza tal-imħabba? (b) X’mistoqsijiet issa jixirqilhom konsiderazzoni?
2 Iva, bħalma ammetta dan ir-raġel taʼ għerf tad-dinja, din il-verità dwar l-importanza tal-imħabba għas-saħħa umana mhix xi ħaġa ġdida. Forsi għadha kif ġiet apprezzata issa minn għorrief tad-dinja, imma hija dehret fil-Kelma t’Alla ’l fuq minn 19-il seklu ilu. Kien għalhekk li l-appostlu Pawlu setaʼ jikteb: “Issa, madankollu, jibqgħu l-fidi, it-tama, l-imħabba, dawn it-tlieta; imma l-akbar minn dawn hi l-imħabba.” (1 Korintin 13:13) Taf għaliex l-imħabba hija akbar mill-fidi u t-tama? Għala jistaʼ jingħad li l-imħabba hija l-akbar fost l-attributi t’Alla u fost il-frott tal-ispirtu tiegħu?
Erbaʼ Għamliet taʼ Mħabba
3. Liema eżempji Skritturali hemm taʼ mħabba romantika?
3 Il-kapaċità tal-bniedem biex juri mħabba hija espressjoni tal-għerf u tal-interess taʼ mħabba li Alla għandu għall-umanità. Taʼ interess, il-Griegi tal-qedem kellhom erbaʼ kelmiet għal “imħabba.” Waħda kienet e’ros, li tindika mħabba romantika assoċjata maʼ attrazzjoni sesswali. Kittieba tal-Iskrittura Kristjana Griega ma kellhomx okkażjoni biex jużaw e’ros, għalkemm is-Settwaġinta tuża forom tagħha fi Proverbji 7:18 u 30:16, u hemm referenzi oħra għal imħabba romantika fl-Iskrittura Ebrajka. Per eżempju, naqraw li Iżakk ‘sar iħobb lil’ Rebekka. (Ġenesi 24:67) Eżempju verament notevoli taʼ din il-għamla taʼ mħabba jinsab fil-każ taʼ Ġakobb, li milli jidher sar iħobb lis-sabiħa Rakele meta raha l-ewwel darba. Fil-fatt, “Ġakobb issokta jaqdi sebaʼ snin għal Rakele, imma f’għajnejh urew li kienu bħala xi ftit jiem minħabba l-imħabba tiegħu għaliha.” (Ġenesi 29:9-11, 17, 20) Il-Għanja taʼ Salamun ukoll tittratta mal-imħabba romantika bejn wieħed ragħaj u xbejba. Imma ma jistax jiġi enfasizzat biżżejjed li din il-għamla taʼ mħabba, li tistaʼ tkun sors taʼ ħafna kuntentizza u ferħ, għandha tintwera biss fi qbil mal-livelli taʼ tjieba t’Alla. Il-Bibbja tgħidilna li huwa biss bl-imħabba tal-mara miżżewġa b’mod legali tiegħu stess li raġel jistaʼ “jkun f’estasi l-ħin kollu.”−Proverbji 5:15-20.
4. L-imħabba tal-familja kif inhi eżemplifikata fl-Iskrittura?
4 Imbagħad hemm l-imħabba jew ġibda naturali qawwija tal-familja, bbażata fuq relazzjoni taʼ demm, li għaliha l-Griegi kellhom il-kelma stor·ge’. Hija responsabbli għall-qawl, “Id-demm qatt ma jsir semm.” Għandna eżempju mill-aħjar taʼ dan fl-imħabba li l-aħwa nisa Marija u Marta kellhom għal ħuhom Lażżru. Li hu kien ifisser wisq għalihom jistaʼ jidher minn kemm tnikktu bil-kbir għall-mewta tiegħu f’daqqa. U kemm ferħu meta Ġesù ġab lill-maħbub Lażżru tagħhom lura għall-ħajja! (Ġwann 11:1-44) L-imħabba li omm għandha għat-tarbija tagħha hija eżempju ieħor taʼ dan it-tip taʼ mħabba. (Qabbel 1 Tessalonkin 2:7.) B’hekk, biex jenfasizza kemm kienet kbira mħabbtu lejn Sijon, Jehovah stqarr li kienet saħansitra akbar minn dik taʼ omm lejn it-tarbija tagħha.—Isaija 49:15.
5. Nuqqas taʼ affezzjoni naturali kif inhi evidenti llum?
5 Indikazzjoni waħda li qed ingħixu fl-“aħħar jiem” biż-“żminijiet kritiċi” tagħhom “li iebes biex issib tarfhom” hija n-nuqqas taʼ “affezzjoni naturali.” (2 Timotew 3:1, 3) Għaliex l-imħabba tal-familja hija nieqsa, ċerti żgħażagħ jaħarbu mid-dar, u xi wlied adulti jittraskuraw lill-ġenituri anzjani tagħhom. (Qabbel Proverbji 23:22.) In-nuqqas taʼ affezzjoni naturali jidher ukoll fil-prevalenza taʼ abbuż fuq it-tfal—xi ġenituri jsawtu lil uliedhom b’mod tant aħrax li jkollhom bżonn jittieħdu l-isptar. Nuqqas taʼ mħabba mill-ġenituri huwa evidenti, ukoll, fin-nuqqas taʼ ħafna ġenituri li jiddixxiplinaw lit-tfal tagħhom. Li tħalli t-tfal jagħmlu taʼ rashom mhix evidenza taʼ mħabba imma tammonta għal li ssegwi t-triq tal-inqas reżistenza. Missier li verament iħobb lit-tfal tiegħu se jiddixxiplinahom meta jkun hemm bżonn.—Proverbji 13:24; Ebrej 12:5-11.
6. Agħti eżempji Skritturali taʼ affezzjoni bejn ħbieb.
6 Imbagħad hemm il-kelma Griega phi·li’a, li tindika affezzjoni (mingħajr ebda tifsir sesswali) bejn ħbieb, bħal bejn żewġt irġiel jew nisa maturi. Għandna eżempju mill-aħjar taʼ dan fl-imħabba li David u Ġonatan kellhom lejn xulxin. Meta Ġonatan inqatel fil-battalja, David beka għalih, billi qal: “Jiena mnikket fuqek, ħija Ġonatan, u taʼ gost kbir int kont għalija. Iktar tal-għaġeb kienet imħabbtek għalija mill-imħabba minn nisa.” (2 Samwel 1:26) Nitgħallmu wkoll li Kristu kellu ġibda speċjali lejn l-appostlu Ġwanni magħruf bħala d-dixxiplu “li għalih Ġesù kellu affezzjoni.”—Ġwann 20:2.
7. X’inhi n-natura taʼ a·ga’pe, u din l-imħabba kif intweriet?
7 X’kelma Griega uża Pawlu fl-1 Korintin 13:13, fejn hu semma l-fidi, it-tama u l-imħabba u qal li “l-akbar minn dawn hi l-imħabba”? Hawn il-kelma hi a·ga’pe, l-istess waħda li uża l-appostlu Ġwanni meta qal: “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8, 16) Din hi mħabba ggwidata jew iggvernata mill-prinċipju. Tistaʼ ma tinkludix affezzjoni u ġibda, imma hija emozzjoni jew sentiment bla egoiżmu kkonċernat f’li jagħmel il-ġid lil oħrajn minkejja jekk min jirċievi jixraqlux jew jekk min jagħti hux se jirċievi xi benefiċċji. Imħabba taʼ din il-għamla ġiegħlet lil Alla biex jagħti l-iżjed teżor għażiż taʼ qalbu, l-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù Kristu, “sabiex kulmin jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Bħalma jfakkarna tant tajjeb l-appostlu Pawlu: “Bil-kemm li xi ħadd se jmut għal raġel twajjeb; tabilħaqq, għar-raġel tajjeb, forsi, xi ħadd saħansitra jissogra li jmut. Imma Alla jirrikkmanda mħabbtu lejna billi, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rumani 5:7, 8) Iva, a·ga’pe, tagħmel ġid lil oħrajn hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom fil-ħajja jew l-ispiża għal dak li qed juri l-imħabba.
Għala Akbar mill-Fidi u t-Tama?
8. A·ga’pe għala hi akbar mill-fidi?
8 Imma Pawlu għala qal li din il-għamla taʼ mħabba (a·ga’pe) kienet akbar mill-fidi? Hu kiteb fl-1 Korintin 13:2: “Jekk għandi l-għotja tal-ipprofetizzar u jien midħla mas-sigrieti sagri kollha u t-tagħrif kollu, u jekk għandi l-fidi kollha biex inċaqlaq il-muntanji minn posthom, imma m’għandix imħabba, ma jien xejn.” (Qabbel Mattew 17:20.) Iva, kieku l-isforzi tagħna biex nakkwistaw għarfien u nikbru fil-fidi kellhom isiru għal skop egoistiku, dan ma se jġibilna l-ebda benefiċċju mingħand Alla. Bl-istess mod, Ġesù wera li xi wħud kellhom ‘jipprofetizzaw f’ismu, jkeċċu d-demonji f’ismu, u jwettqu ħafna xogħlijiet taʼ qawwa f’ismu’ imma ma kellhomx ikollhom l-approvazzjoni tiegħu.—Mattew 7:22, 23.
9. L-imbabba għala hi akbar mit-tama?
9 Il-forma taʼ mħabba a·ga’pe għala hija akbar ukoll mit-tama? Għaliex it-tama tistaʼ tkun iċċentrata fuqna nfusna, u wieħed jistaʼ jkun ikkonċernat primarjament bil-benefiċċju għalih innifsu, fil-waqt li l-imħabba “ma tfittixx l-interessi tagħha nfisha.” (1 Korintin 13:4, 5) Barra minn dan, it-tama—bħalma hi dik li tibqaʼ ħaj matul it-“tribulazzjoni kbira” għal go dinja ġdida—tieqaf meta dak li hu ttamat għalih jitwettaq. ( Mattew 24:21) Bħalma jgħid Pawlu: “Aħna konna salvati b’din it-tama; imma tama li tidher mhix tama, għax meta bniedem jara xi ħaġa jittama fiha? Imma jekk nittamaw għal dak li ma narawx, nibqgħu nistennewh bis-sabar.” (Rumani 8:24, 25) L-imħabba nfisha tissaporti l-affarijiet kollha, u qatt ma tonqos. (1 Korintin 13:7, 8) B’hekk, imħabba (a·ga’pe) bla egoiżmu hi akbar kemm mill-fidi kif ukoll mit-tama.
Akbar mill-Għerf, il-Ġustizzja, u l-Qawwa?
10. Għala jistaʼ jingħad li l-imħabba hi l-akbar mill-erbaʼ attributi kardinali t’Alla?
10 Ejjew issa nikkunsidraw l-erbaʼ attributi kardinali taʼ Alla Jehovah: għerf, ġustizzja, qawwa, u mħabba. Jistaʼ jingħad ukoll li l-imħabba hi l-akbar minn dawn? Iva tabilħaqq. Għala? Għaliex l-imħabba hija l-forza li tqanqal wara kull ħaġa li jagħmel Alla. Huwa għalhekk li l-appostlu Ġwanni kiteb: “Alla hu mħabba.” Iva, Jehovah hu l-personifikazzjoni tal-imħabba. (1 Ġwann 4:8, 16) Imkien fl-Iskrittura ma naqraw li Alla hu għerf, ġustizzja, jew qawwa. Minflok, jintqalilna li Jehovah jippossjedi dawn il-kwalitajiet. (Ġob 12:13; Salm 147:5; Danjel 4:37) Fih dawn l-erbaʼ attributi huma bbilanċjati b’mod perfett. Imqanqal mill-imħabba, Jehovah iwettaq il-għanijiet tiegħu billi juża t-tliet attributi l-oħra jew billi jagħti kas tagħhom.
11. X’kien li qanqal lil Jehovah biex joħloq l-univers u l-ħlejjaq spirti u umani?
11 Għalhekk, mela, x’kien li qanqal lil Jehovah biex joħloq l-univers u ħlejjaq intelliġenti spirti umani? Kien il-għerf jew il-qawwa? Le, għax Alla sempliċement uża l-għerf u l-qawwa tiegħu fil-ħolqien. Per eżempju, naqraw: “Jehovah innifsu fil-għerf sejjes l-art.” (Proverbji 3:19) Iżjed minn hekk, l-attribut tiegħu taʼ ġustizzja ma kienx jirrikjedi li hu joħloq aġenti morali ħielsa. L-imħabba t’Alla wasslitu biex jaqsam il-ferħ taʼ eżistenza intelliġenti maʼ oħrajn. Kienet l-imħabba li sabet triq biex tneħħi l-kundanna li l-ġustizzja poġġiet fuq l-umanità minħabba d-dnub taʼ Adam. (Ġwann 3:16) Iva, u kienet l-imħabba li qanqlet lil Jehovah biex jippjana li bnedmin ubbidjenti għandhom igħixu fil-Ġenna tal-art li ġejja.—Luqa 23:43.
12. Kif għandna nirreaġixxu għall-qawwa, il-ġustizzja, u l-imħabba t’Alla?
12 Minħabba l-qawwa suprema t’Alla li jistaʼ kollox, aħna ma nissograwx li nqanqluh għall-għira. Pawlu staqsa: “‘Qegħdin aħna nqanqlu lil Jehovah għall-għira’? M’aħniex iktar b’saħħitna minnu, hux hekk?” (1 Korintin 10:22) Naturalment, Jehovah hu “Alla għajjur,” mhux f’sens ħażin, imma f’li “jesiġi devozzjoni esklussiva.” (Eżodu 20:5; King James Version) Bħala Kristjani, aħna mmeraviljati bil-ħafna manifestazzjonijiet tal-għerf bla tarf t’Alla. (Rumani 11:33-35) Irrispett kbir tagħna lejn il-ġustizzja tiegħu għandu jġigħelna nżommu ’l bogħod kemm jistaʼ jkun milli nidinbu apposta. (Ebrej 10:26-31) Imma l-imħabba bla dubju hija l-akbar fost l-erbaʼ attributi prinċipali t’Alla. U hija l-imħabba bla egoiżmu taʼ Jehovah li tiġbidna lejh u ġġigħelna rridu nogħġbuh, inqimuh, u naqsmu fit-taqdis tal-isem qaddis tiegħu.—Proverbji 27:11.
L-Akbar Fost il-Frott tal-Ispirtu
13. X’pożizzjoni għandha l-imħabba fost il-frottiet tal-ispirtu t’Alla?
13 L-imħabba x’pożizzjoni għandha fost id-disaʼ frottiet tal-ispirtu, msemmija f’Galatin 5:22, 23? Dawn huma “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.” B’raġuni tajba Pawlu poġġa l-imħabba l-ewwel fil-lista. Hija l-imħabba akbar mill-ferħ, il-kwalità li hu jsemmi warajha? Iva, hi, għax ma jistaʼ jkun hemm edba ferħ dejjiemi mingħajr imħabba. Fil-fatt, id-dinja hija tant bla ferħ minħabba l-egoiżmu, n-nuqqas taʼ mħabba. Imma x-Xhieda taʼ Jehovah għandhom imħabba bejniethom, u għandhom imħabba lejn missierhom tas-sema. Mela għandna nistennew li huma jkunu ferħanin, u ġie mħabbar li kellhom “igħajtu bil-ferħ minħabba l-qagħda tajba tal-qalb.”—Isaija 65:14.
14. Għala jistaʼ jingħad li l-imħabba hi akbar mill-frotta tal-ispirtu tal-paċi?
14 L-imħabba hija wkoll akbar mill-frotta tal-ispirtu tal-paċi. Minħabba n-nuqqas taʼ mħabba, d-dinja mimlija b’tilwim u ġlied. Imma n-nies taʼ Jehovah huma fil-paċi bejniethom mal-art kollha. Veru fil-każ tagħhom hu l-kliem tas-salmista: “Jehovah innifsu se jbierek lill-poplu tiegħu bil-paċi.” (Salm 29:11) Huma għandhom din il-paċi għaliex huma għandhom il-marka li tidentifika lill-Kristjani veri, jiġifieri, l-imħabba. (Ġwann 13:35) L-imħabba waħedha tistaʼ tegħleb lill-fatturi kollha tal-firda, kemm jekk huma razzjali, nazzjonali, jew kulturali. Hija “rabta perfetta taʼ għaqda.”—Kolossin 3:14.
15. Ir-rwol superlattiv tal-imħabba kif jidher meta titqabbel mal-frotta tal-ispirtu tas-sabar fit-tul?
15 Ir-rwol superlattiv tal-imħabba jidher ukoll meta titqabbel mas-sabar fit-tul, li tissaporti bil-paċenzja l-ħażen jew l-ipprovokar. Li jkollok is-sabar fit-tul ifisser li tkun paċenzjuż kif ukoll bil-mod biex tagħdab. Xi jġiegħel lin-nies li jkunu bla paċenzja u li jirrabjaw malajr? M’hijiex nuqqas taʼ mħabba? Madankollu, Missierna tas-sema juri sabar fit-tul u “bil-mod biex jirrabja.” (Eżodu 34:6; Luqa 18:7) Għala? Għax iħobbna u “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.”—2 Pietru 3:9.
16. L-imħabba kif titqabbel mal-qalb tajba, it-tjubija, il-ħlewwa, u r-rażna?
16 Qabel rajna għala l-imħabba hi akbar mill-fidi, u raġunijiet li ngħataw japplikaw għall-bqija tal-frott tal-ispirtu, jiġifieri, il-qalb tajba, it-tjubija, il-ħlewwa u r-rażna. Dawn kollha huma kwalitajiet neċessarji, imma ma jkunux taʼ benefiċċju għalina mingħajr l-imħabba, saħansitra bħalma nnota Pawlu fl-1 Korintin 13:3, fejn kiteb: “Jekk nagħti ġidi kollu biex nitmaʼ lil oħrajn, u jekk nagħti ġismi, biex inkun nistaʼ niftaħar, imma m’għandix imħabba, m’għandi ebda qligħ affattu.” Mill-banda l-oħra, hija l-imħabba li tipproduċi kwalitajiet bħall-qalb tajba, t-tjubija, l-fidi, l-ħlewwa, u r-rażna. B’hekk, Pawlu ssokta jgħid li l-imħabba hija ħanina u li “tiflaħ kollox, temmen kollox, tittama kollox, tissaporti kollox.” Iva, u “l-imħabba qatt ma tfalli.” (1 Korintin 13:4, 7, 8) Sewwa ġie osservat li l-frottiet l-oħra tal-ispirtu huma manifestazzjonijiet, jew aspetti varjati, tal-imħabba, li hi msemmija l-ewwel. Verament, jirriżulta li minn fost id-disaʼ frottiet tal-ispirtu, l-imħabba hi tabilħaqq l-akbar waħda.
17. Liema stqarrijiet skritturali jappoġġjaw il-konklużjoni li l-imħabba hija l-akbar frotta tal-ispirtu?
17 B’appoġġ għall-konklużjoni li l-imħabba hija l-akbar fost il-frottiet tal-ispirtu t’Alla hemm il-kliem taʼ Pawlu: “Tkunu midjunin maʼ ħadd f’ebda ħaġa, ħlief li tħobbu lil xulxin; għax dak li jħobb lil sieħbu wettaq il-liġi. Għax il-kodiċi tal-liġi . . . hi miġbura f’din il-kelma, jiġifieri, ‘Trid tħobb lil ġarek bħalek innifsek.’ L-imħabba ma taħdimx il-ħażen għall-ġar taʼ dak li jkun; għalhekk l-imħabba hija t-twettieq tal-liġi.” (Rumani 13:8-10) B’mod l-iktar xieraq, id-dixxiplu Ġakbu jirreferi għal dik il-liġi biex tħobb lil għajrek bħalek innifsek bħala “l-liġi sultana.”—Ġakbu 2:8.
18. Liema evidenza oħra hemm li l-imħabba hija l-akbar kwalità?
18 Għad hemm iżjed testimonjanza li l-imħabba hi l-akbar kwalità? Iva, tabilħaqq. Ikkunsidra x’ġara meta wieħed skrib staqsa lil Ġesù: “Liema kmandament hu l-ewwelnett?” Hu setaʼ b’mod xieraq stenna li Ġesù jikkwota xi wieħed mill-Għaxar Kmandamenti. Imma Ġesù kkwota minn Dewteronomju 6:4, 5 u qal: “L-ewwel hu, ‘Isma’, O Iżrael, Jehovah Alla tagħna huwa Jehovah wieħed, u int trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’” Imbagħad Ġesù żied: “It-tieni hu dan, ‘Int trid tħobb lil ġarek bħalek innifsek.’ M’hemm ebda kmandament ieħor akbar minn dawn.”—Mark 12:28-31.
19. Liema huma xi frottiet li jispikkaw taʼ a·ga’pe?
19 Verament, Pawlu ma esaġerax meta semma l-fidi, t-tama, u l-imħabba u qal: “L-akbar minn dawn hi l-imħabba.” Meta tintwera l-imħabba din tirriżulta f’relazzjonijiet tajbin maʼ Missierna tas-sema u oħrajn, inklużi dawk fil-kongregazzjoni u l-membri tal-familji tagħna. L-imħabba għandha effett li jibni fuqna. U l-artiklu li jmiss se juri eżatt kemm tistaʼ tkun premjanti l-imħabba vera.
Kif Se Twieġeb?
◻ L-imħabba kif inhi akbar mill-fidi u t-tama?
◻ X’inhi a·ga’pe, u kif tintwera mħabba bħal din?
◻ L-imħabba għala hija l-akbar fost l-erbaʼ attributi principali t’Alla?
◻ B’liema modi hija l-imħabba akbar mill-frottiet l-oħra tal-ispirtu?