LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 3/15 pp. 5-9
  • Kif Ġesù Kristu Jistaʼ Jgħinna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Ġesù Kristu Jistaʼ Jgħinna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Ministru” Pubbliku
  • Liema Xorta taʼ Qassis il-​Kbir Hu Ġesù?
  • Qassis il-​Kbir li Jistaʼ Jissimpatizza
  • “Għajnuna f’Waqtha”
  • Nuru Apprezzament għall-​Għajnuna taʼ Kristu
  • Iktar Għajnuna fil-​Futur Qarib
  • Ġesù Kristu—Mibgħut Minn Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • “Intom Kontu Mixtrijin bi Prezz”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Għala Għandna Nimxu Wara “l-Kristu”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Il-​Messaġġ li Għandna Nxandru
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 3/15 pp. 5-9

Kif Ġesù Kristu Jistaʼ Jgħinna

DAK li għamel Ġesù Kristu meta kien fuq l-​art biex jgħin lin-​nies kien meraviljuż. Dan tant kien minnu li, wara li rrakkonta għadd taʼ ġrajjiet mill-​ħajja taʼ Ġesù, wieħed li ra dan kollu b’għajnejh stess qal: “Iżda hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù. Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-​dinja stess ma kienet tesagħhom il-​kotba li kienu jinkitbu.” (Ġwann 21:25) Ladarba Ġesù għamel daqstant fuq l-​art, għandna mnejn nistaqsu: ‘Kif jistaʼ jgħinna hu fis-​sema? Nistgħu nibbenefikaw mill-​mogħdrija tenera taʼ Ġesù issa?’

It-tweġiba hija waħda li tant tferraħna u tassigurana. Il-​Bibbja tgħidilna li Kristu daħal “fis-​sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla.” (Lhud 9:24) X’għamel għalina? L-​appostlu Pawlu jispjega: “[Kristu] daħal darba għal dejjem fis-​Santwarju [“fis-​sema stess”], mhux bis-​saħħa tad-​demm tal-​mogħoż u taʼ l-​għoġiela, imma bis-​saħħa taʼ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.”—Lhud 9:12; 1 Ġwann 2:2.

X’aħbar tajba din! It-​tlugħ fis-​sema taʼ Ġesù mhux talli ma temmx ix-​xogħol taʼ l-​għaġeb li hu għamel għan-​nies, iżda ppermettielu jagħmel saħansitra iżjed għall-​umanità. Dan għaliex Alla, fil-​qalb tajba mhix mistħoqqa kbira tiegħu, ħatar lil Ġesù biex jaqdi bħala “ministru” pubbliku—qassis il-​kbir—“fuq il-​lemin tat-​tron tal-​kobor taʼ Alla fis-​sema.”—Lhud 8:​1, 2.

“Ministru” Pubbliku

Mela, fis-​sema Ġesù kellu jkun ministru pubbliku għall-​umanità. Hu kellu jagħmel xogħol bħal dak li kien jagħmel il-​qassis il-​kbir taʼ Iżrael għan-​nom taʼ l-​adoraturi t’Alla fiż-​żminijiet tal-​qedem. U x’kien dak ix-​xogħol? Pawlu jispjega: “Kull qassis [“il-​kbir,” Saydon] isir biex iressaq l-​offerti u joffri s-​sagrifiċċji; jeħtieġ għalhekk li dan [Ġesù Kristu fis-​sema] ukoll ikollu xi ħaġa x’joffri.”—Lhud 8:3.

Ġesù kellu xi ħaġa x’joffri li kienet bil-​wisq iżjed superjuri għal dak li kien joffri l-​qassis il-​kbir tal-​qedem. “Jekk id-​demm tal-​mogħoż u tal-​gniedes” setaʼ jġib daqsxejn taʼ ndafa spiritwali għal Iżrael tal-​qedem, “kemm aktar id-​demm taʼ Kristu . . . jistaʼ jnaddaf il-​kuxjenza tagħ[na] mill-​għemil mejjet biex [n]aqdu lil Alla ħaj!”—Lhud 9:​13, 14.

Ġesù hu ministru pubbliku li jispikka, ukoll, minħabba li hu ġie privileġġat bl-​immortalità. F’Iżrael tal-​qedem “kienu jsiru qassisin f’għadd kbir, għax minħabba fil-​mewt ma kinux jistgħu jibqgħu għal dejjem.” Imma xi ngħidu għal Ġesù? Pawlu jikteb: “Ġesù . . . għandu saċerdozju li ma jintemm qatt. Għalhekk ukoll huwa jistaʼ jsalva għalkollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqaʼ għal dejjem ħaj biex jidħol għalihom.” (Lhud 7:​23-25; Rumani 6:9) Iva, fuq il-​lemin t’Alla fis-​sema, għandna ministru pubbliku li ‘hu dejjem ħaj biex jidħol għalina.’ Aħseb ftit x’ifisser dan għalina issa!

Meta Ġesù kien fuq l-​art, in-​nies kien jmorru bi ħġarhom għandu għall-​għajnuna, u xi kultant kienu jivvjaġġaw distanzi twal biex jibbenefikaw mill-​assistenza tiegħu. (Mattew 4:​24, 25) Fis-​sema, Ġesù huwa aċċessibbli bla diffikultà taʼ xejn għan-​nies tal-​ġnus kollha. Mill-​pożizzjoni vantaġġuża tiegħu fis-​sema, hu dejjem disponibbli bħala ministru pubbliku.

Liema Xorta taʼ Qassis il-​Kbir Hu Ġesù?

Id-​deskrizzjoni taʼ Ġesù mogħtija mir-​rakkonti taʼ l-​Evanġelju ma tħallilna l-​ebda dubju dwar il-​mogħdrija tenera tiegħu u dwar kemm hu lest li jagħti l-​għajnuna tiegħu. Kemm kien lest li jissagrifika lilu nnifsu! F’iktar minn okkażjoni waħda, meta hu u d-​dixxipli tiegħu kien ikollhom tant bżonn li jieqfu jistrieħu, il-​privatezza tiegħu kellha għomorha qasir. Minflok ma kien iħossu mċaħħad minn mumenti prezzjużi taʼ paċi u kwiet, hu kien ‘jitħassarhom’ lin-​nies li kienu jfittxu l-​assistenza tiegħu. Anki meta kien għajjien, bil-​ġuħ, u bil-​għatx, Ġesù “laqagħhom [“b’qalb tajba,” NW]” u kien lest li jibqaʼ mingħajr ikel biex jgħin lil midinbin sinċieri.—Mark 6:​31-34; Luqa 9:​11-17; Ġwann 4:​4-6, 31-34.

Imqanqal mill-​ħasra, Ġesù ħa passi prattiċi biex iforni l-​bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali, u spiritwali tan-​nies. (Mattew 9:​35-38; Mark 6:​35-44) Barra minn hekk, hu għallimhom isibu serħan u faraġ dejjiema. (Ġwann 4:​7-30, 39-42) Per eżempju, kemm tolqtok l-​istedina persunali tiegħu: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom.”—Mattew 11:​28, 29.

L-imħabba taʼ Ġesù għan-​nies kienet tant kbira li spiċċa biex jagħti ħajtu għall-​umanità midinba. (Rumani 5:​6-8) Rigward dan, l-​appostlu Pawlu rraġuna: “Hu [Alla Jehovah] li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu? . . . Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-​imwiet, jinsab fuq il-​lemin taʼ Alla, hu li jidħol għalina.”—Rumani 8:​32-34.

Qassis il-​Kbir li Jistaʼ Jissimpatizza

Bħala uman, Ġesù esperjenza l-​ġuħ, l-​għatx, l-​għeja, l-​hemm, l-​uġigħ, u l-​mewt. L-​istress u l-​pressjonijiet li ssaporta ħejjewh b’mod tassew uniku biex jaqdi bħala Qassis il-​Kbir għall-​umanità li qed issofri. Pawlu kiteb: “[Ġesù] kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, biex ikun il-​qassis il-​kbir, ħanin u fidil f’dak li għandu x’jaqsam maʼ Alla, u biex ipatti għal dnubiet il-​poplu. Għax, billi hu stess bata u kien imġarrab, jaf jgħin lil dawk li huma fit-​tiġrib.”—Lhud 2:​17, 18; 13:8.

Ġesù wera li hu kwalifikat u lest li jgħin lin-​nies jersqu eqreb lejn Alla. Ifisser dan, madankollu, li jrid jipperswadi lil Alla li hu aħrax u mingħajr ħniena u li jsibha diffiċli biex jaħfer? Żgur li le, għax il-​Bibbja tassigurana li Jehovah hu ‘twajjeb u lest biex jaħfer.’ Din tgħid ukoll: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” (Salm 86:​5, Karm Żammit; 1 Ġwann 1:9) Attwalment, il-​kliem teneru taʼ Ġesù u l-​għemejjel tiegħu jirriflettu l-​istess mogħdrija, ħniena, u mħabba li għandu Missieru.—Ġwann 5:19; 8:28; 14:​9, 10.

Ġesù kif iġib serħan lil midinbin niedma? Billi jgħinhom jiksbu ferħ u sodisfazzjon fl-​isforzi sinċieri tagħhom biex jogħġbu ’l Alla. Meta kiteb lil sħabu Kristjani midlukin, Pawlu ġabar fil-​qosor is-​sitwazzjoni billi qal: “Mela meta aħna għandna l-​qassis il-​Kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-​smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-​fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-​kbir li ma jistax jagħder id-​dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-​dnub. Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-​tron tal-​grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-​grazzja li neħtieġu [“grazzja taʼ għajnuna f’waqtha,” Saydon].”—Lhud 4:​14-16.

“Għajnuna f’Waqtha”

Iżda, x’nistgħu nagħmlu meta niġu wiċċ imbwiċċ maʼ problemi li nħossuhom li huma iżjed milli nistgħu nifilħu—mard serju, it-​toqol tal-​ħtija li jifnina, skuraġġiment li jirkibna, u d-​dipressjoni? Nistgħu nagħmlu użu mill-​istess provvediment li Ġesù nnifsu kien jistrieħ fuqu regolarment—il-​privileġġ prezzjuż tat-​talb. Per eżempju, fil-​lejl qabel ma ta ħajtu għalina, “beda jitlob b’ħerqa akbar. L-​għaraq sarlu bħal qtar tad-​demm iċarċar sa l-​art.” (Luqa 22:44) Iva, Ġesù jaf x’jiġifieri li titlob lil Alla b’intensità kbira. Hu “offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-​dmugħ lil dak li setaʼ jsalvah mill-​mewt. U kien mismugħ minħabba fil-​qima tiegħu lejn Alla.”—Lhud 5:7.

Ġesù jaf kemm hu importanti għall-​bniedem li jkun “mismugħ” favorevolment u msaħħaħ. (Luqa 22:43) Barra minn hekk, hu wiegħed: “Kull ma titolbu lil Missieri f’ismi jagħtihulkom. . . . Itolbu u taqilgħu, biex il-​ferħ tagħkom ikun sħiħ.” (Ġwann 16:​23, 24) Għaldaqstant, nistgħu nirrikorru għand Alla fiduċjużi li hu se jħalli lil Ibnu juża l-​awtorità tiegħu u l-​valur tas-​sagrifiċċju tiegħu bħala prezz tal-​fidwa għan-​nom tagħna.—Mattew 28:18.

Nistgħu nkunu ċerti li fl-​irwol tiegħu fis-​sema, Ġesù se jipprovdi t-​tip xieraq taʼ għajnuna fil-​ħin addattat. Per eżempju, jekk aħna jiddispjaċina verament li nkunu għamilna xi dnub, nistgħu niksbu l-​faraġ mill-​assiguranza li “għandna Difensur quddiem il-​Missier, lil Ġesù Kristu, il-​ġust.” (1 Ġwann 2:​1, 2) Il-​Wieħed li Jgħinna u Jfarraġna fis-​sema se jidħol għalina biex b’hekk it-​talb tagħna f’ismu u fi qbil maʼ l-​Iskrittura jitwieġeb.—Ġwann 14:​13, 14; 1 Ġwann 5:​14, 15.

Nuru Apprezzament għall-​Għajnuna taʼ Kristu

Hemm iktar involut milli sempliċement nitolbu lil Alla permezz taʼ Ibnu. Bil-​valur tas-​sagrifiċċju tiegħu bħala prezz tal-​fidwa, “Kristu fdiena,” u għalhekk sar bħallikieku “s-​Sid” li xtara r-​razza umana. (Galatin 3:13; 4:5; 2 Pietru 2:1) Aħna nistgħu nuru l-​gratitudni tagħna għal dak kollu li Kristu jagħmel għalina billi nirrikonoxxu li aħna tiegħu u nwieġbu bil-​ferħ għall-​istedina tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ . . . [“z-​zokk tat-​tortura tiegħu,” NW] kuljum, u jimxi warajja.” (Luqa 9:23) Li wieħed “jiċħad lilu nnifsu” m’huwiex biss stqarrija verbali li dak li jkun ikun bidel is-​sid. Wara kollox, Ġesù “miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet . . . għalihom.” (2 Korintin 5:​14, 15) Għalhekk, l-​apprezzament għall-​prezz tal-​fidwa se jkollu effett profond fuq il-​ħarsa, il-​miri, u l-​istil taʼ ħajja tagħna. Id-​dejn etern tagħna maʼ “Ġesù Kristu . . . li ta lilu nnifsu għalina,” għandu jimmotivana biex nitgħallmu iktar dwaru u dwar Missieru kollu mħabba, Alla Jehovah. Għandna nkunu rridu wkoll nikbru fil-​fidi, ngħixu skond il-​livelli t’Alla li huma taʼ benefiċċju għalina, u nkunu ‘mħeġġin għall-​għemil it-​tajjeb.’—Titu 2:​13, 14; Ġwann 17:3.

Il-kongregazzjoni Kristjana hija l-​mezz li bih aħna nirċievu ikel spiritwali f’waqtu, inkuraġġiment, u gwida. (Mattew 24:​45-47; Lhud 10:​21-25) Per eżempju, jekk xi wħud huma morda spiritwalment, jistgħu jsejħu “lill-​presbiteri [“anzjani maħturin,” NW] tal-​Knisja.” Ġakbu jżid l-​assiguranza: “It-​talba tal-​fidi ssalva lill-​marid, u l-​Mulej iqajjmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.”—Ġakbu 5:​13-15.

Biex nagħtu eżempju: Wieħed raġel li kien qed jiskonta sentenza l-​ħabs fl-​Afrika t’Isfel kiteb lil wieħed anzjan taʼ ċerta kongregazzjoni biex jesprimi l-​apprezzament tiegħu lejn ix-​“Xhieda taʼ Jehovah kollha li qed iwettqu x-​xogħol tajjeb mibdi minn Ġesù f’li jgħinu lin-​nies iħabirku għas-​Saltna t’Alla.” Imbagħad hu kiteb: “Kont se ntir bil-​ferħ meta rċivejt l-​ittra tiegħek. It-​tħassib tiegħek fil-​fidwa spiritwali tiegħi laqatni profondament. Tani iktar u iktar raġuni biex nibda nagħti kas tas-​sejħa t’Alla Jehovah għall-​indiema. Ili 27 sena nitfixkel u nitlef triqti fid-​dlamijiet tad-​dnub, qerq, affarijiet illeċiti, prattiċi immorali, u reliġjonijiet dubjużi. Wara li sirt naf lix-​Xhieda taʼ Jehovah, inħoss li fl-​aħħar sibtha t-​triq—it-​triq it-​tajba! Kull m’għandi nagħmel hu li nsegwiha.”

Iktar Għajnuna fil-​Futur Qarib

Il-​kundizzjonijiet tad-​dinja li dejjem sejrin għall-​agħar huma evidenza ċara li qegħdin ngħixu fil-​perijodu taʼ żmien kruċjali li kellu jiġi qabel ma jfaqqaʼ t-​“taħbit il-​kbir.” Eżatt issa, kotra kbira minn kull ġens, tribù, poplu, u lsien qed ‘jaħslu lbieshom u jbajduhom fid-​demm tal-​Ħaruf.’ (Apokalissi 7:​9, 13, 14; 2 Timotju 3:​1-5) Billi jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-​fidwa, huma qed jirċievu maħfra għal dnubiethom u qed jiġu megħjunin biex ikollhom relazzjoni mill-​qrib m’Alla—fil-​fatt, isiru ħbieb tiegħu.—Ġakbu 2:23.

Il-Ħaruf, Ġesù Kristu, se jkun “ir-​ragħaj . . . [taʼ dawk li jgħaddu mit-​tribulazzjoni l-​kbira]; u hu [se] jwassalhom ħdejn ilmijiet taʼ l-​għejun tal-​ħajja. U Alla jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.” (Apokalissi 7:17) Kristu mbagħad se jtemm id-​dmirijiet tiegħu bħala Qassis il-​Kbir. Hu se jgħin lill-​ħbieb t’Alla kollha kemm huma biex jibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​“ilmijiet taʼ l-​għejun tal-​ħajja”—spiritwalment, fiżikament, mentalment, u emozzjonalment. Dak li Ġesù beda jagħmel fit-​33 E.K. u dak li kompla jagħmel mis-​sema minn dakinhar ’l hawn, imbagħad se jitwassal għall-​perfezzjoni.

Għalhekk, qatt tieqaf milli turi apprezzament profond għal dak kollu li Alla u Kristu għamlu—u qed jagħmlu—għalina. L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ: “Ifirħu dejjem fil-​Mulej . . . Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.”—Filippin 4:​3 [4, NW] 6, 7.

Hemm mod sinjifikanti kif tistaʼ turi l-​apprezzament tiegħek għal Ġesù Kristu, Dak li jgħinna fis-​sema. Nhar l-​Erbgħa, id-​19 t’April, 2000, wara nżul ix-​xemx, ix-​Xhieda taʼ Jehovah mad-​dinja kollha se jinġabru biex josservaw il-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu. (Luqa 22:19) Din se tkun opportunità biex iżżid l-​apprezzament tiegħek lejn is-​sagrifiċċju taʼ Kristu bħala prezz tal-​fidwa. Int mistieden bl-​iktar mod kordjali biex tattendi u tismaʼ kif l-​arranġament meraviljuż t’Alla għas-​salvazzjoni permezz taʼ Kristu jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għalik għall-​eternità. Jekk jogħġbok iċċekkja max-​Xhieda taʼ Jehovah lokalment għall-​ħin eżatt u l-​post taʼ din il-​laqgħa speċjali.

[Stampa f’paġna 7]

Ġesù jaf x’jiġifieri li titlob lil Alla b’intensità kbira

[Stampi f’paġna 8]

Kristu se jgħinna nkampaw maʼ problemi ferm akbar minn dawk li aħna kapaċi nittrattaw waħedna

[Stampa f’paġna 9]

Kristu jgħinna permezz taʼ anzjani kollhom imħabba

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja