LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w15 11/15 pp. 16-20
  • Ġeħova hu l-Alla taʼ mħabba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ġeħova hu l-Alla taʼ mħabba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • XI WRIET L-​ISTORJA
  • ALLA KIF WERA MĦABBTU?
  • IT-​TMIEM TAL-​AFFARIJIET MILL-​AGĦAR HU VIĊIN
  • L-​AKBAR ATT TAL-​IMĦABBA T’ALLA
  • IS-​SALTNA T’ALLA QED TMEXXI ISSA
  • Igglorifika lil Jehovah Bħala l-Uniku Alla Veru
    Qim lill-Uniku Alla Veru
  • Ħobb lill-Alla li Jħobbok
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Is-Saltna t’Alla—Il-Ħakma l-Ġdida fuq id-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • “Hu ħabbna l-ewwel”
    Ersaq Qrib Lejn Ġeħova
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
w15 11/15 pp. 16-20
Nies taʼ razez differenti jgawdu l-ħajja flimkien fil-Ġenna tal-art

Ġeħova hu l-​Alla taʼ mħabba

“Alla hu mħabba.”—1 ĠWANNI 4:8, 16.

GĦANJIET: 18, 91

TAF TWIEĠEB?

  • L-​imħabba t’Alla kif se teffettwa l-​futur taʼ dawk li huma ubbidjenti lejh?

  • Ġeħova kif wera mħabba maʼ dawk li dinbu?

  • Is-​Saltna kif tagħti prova tal-​imħabba t’Alla għalina?

1. X’inhi l-​kwalità prinċipali t’Alla, u kif tħossok minħabba li taf dan?

IL-​Bibbja tgħidilna li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Imma dan xi jfisser verament? L-​imħabba mhix sempliċement waħda mill-​ħafna kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova. L-​imħabba hi l-​kwalità prinċipali tiegħu. Hu mhux sempliċement għandu l-​imħabba. Ġeħova hu mħabba. Dak kollu li jagħmel hu mqanqal minn imħabbtu. Kemm aħna grati li l-​imħabba mmotivat lil Ġeħova biex joħloq l-​univers kollu u l-​affarijiet ħajjin kollha!

2. Liema ċertezza tagħtina l-​imħabba t’Alla? (Ara l-​ewwel stampa.)

2 Ġeħova għandu sentimenti teneri u taʼ qalb tajba għall-​ħolqien tiegħu. L-​imħabba tiegħu għalina taċċertana li l-​iskop tiegħu għall-​umanità se jseħħ żgur bl-​aħjar mod possibbli. Ir-​riżultat se jkun ferħ veru għal dawk li jobduh. Pereżempju, minħabba l-​imħabba, Ġeħova “stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika l-​art abitata fis-​sewwa permezz taʼ bniedem li ħatar,” Ġesù Kristu. (Atti 17:31) Aħna ċerti li dan il-​ġudizzju se jseħħ. Għan-​nies ubbidjenti, dan se jfisser futur mill-​isbaħ li se jibqaʼ għal dejjem.

XI WRIET L-​ISTORJA

3. Kieku Alla ma kienx iħobb l-​umanità, kif kienet se tkun il-​ħajja?

3 Il-​futur tal-​umanità kif kien se jkun li kieku l-​imħabba ma kinitx il-​kwalità prinċipali t’Alla? In-​nies kienu se jkomplu jmexxu lil xulxin u jkunu influwenzati minn Satana, alla li hu bla mħabba u rrabjat. (2 Korintin 4:4; 1 Ġwanni 5:19; aqra Rivelazzjoni 12:9, 12.) Kieku Ġeħova ma kienx iħobbna, il-​futur kien se jkun tal-​biżaʼ!

4. Ġeħova għala ppermetta li jkun hemm min jirribella kontra t-​tmexxija tiegħu?

4 Meta Satana rribella kontra t-​tmexxija t’Alla, hu influwenza l-​ewwel ġenituri biex jirribellaw ukoll. Hu qajjem id-​dubji dwar id-​dritt li Alla jkun is-​Sovran Universali. Satana sostna li t-​tmexxija tiegħu kienet se tkun aħjar minn t’Alla. (Ġenesi 3:1-​5) B’għaqal, Ġeħova ppermetta li għal żmien qasir Satana jipprova juri jekk dak li qal kienx minnu jew le. Imma r-​riżultat hu ċar daqs il-​kristall, la n-​nies u lanqas Satana ma jistgħu jkunu mexxejja tajbin.

Ġeħova ma ħalaqx lin-​nies bl-​abbiltà jew bid-​dritt li jgħixu mingħajr id-​direzzjoni tiegħu

5. L-​istorja tal-​umanità taʼ xiex tat prova?

5 Illum id-​dinja sejra minn ġot-​taġen għal ġon-​nar. Iktar minn 100 miljun persuna mietu fil-​gwerer f’dawn l-​aħħar 100 sena. Il-​Bibbja tgħid hekk dwar “l-​aħħar jiem”: “Nies mill-​agħar u l-​impusturi jibqgħu sejrin mill-​ħażin għall-​agħar.” (2 Timotju 3:1, 13) Il-​Bibbja tgħid ukoll: “Jien naf, O Ġeħova, li triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) L-​istorja wriet biċ-​ċar li dan il-​kliem hu minnu. Ġeħova ma ħalaqx lin-​nies bl-​abbiltà jew bid-​dritt li jmexxu lilhom infushom mingħajr id-​direzzjoni tiegħu.

6. Alla għala ħalla l-​ħażen ikompli għaddej?

6 Minħabba li Ġeħova ħalla l-​ħażen ikompli għal ċertu żmien, hu ta prova wkoll li t-​tmexxija tiegħu biss hi tajba. Fil-​futur, Alla se jeqred il-​ħażen kollu. Wara dan, jekk xi ħadd jiddubita l-​mod kif Alla jmexxi bi mħabba, Ġeħova se jaġixxi mill-​ewwel. Hu jistaʼ juża l-​istorja tal-​umanità bħala prova li ribelli bħal dawn għandhom jitneħħew minnufih. Qatt mhu se jerġaʼ jkun hawn il-​ħażen.

ALLA KIF WERA MĦABBTU?

7, 8. Ġeħova kif wera mħabbtu?

7 Ġeħova wera l-​imħabba kbira tiegħu b’ħafna modi. Aħseb dwar il-​kobor u s-​sbuħija tal-​univers tagħna. Hu magħmul minn biljuni taʼ galassji, u kull galassja għandha biljuni taʼ stilel u pjaneti. Il-​galassja tagħna jisimha t-​Triq tal-​Ħalib (the Milky Way). F’din il-​galassja, waħda mill-​istilel hi x-​xemx. Mingħajr ix-​xemx, il-​ħajja ma setgħetx teżisti fuq l-​art. Dan il-​ħolqien kollu jagħti prova li Ġeħova hu l-​Ħallieq tagħna u juri l-​kwalitajiet bħall-​qawwa, l-​għerf, u l-​imħabba tiegħu. Iva, “il-​kwalitajiet inviżibbli tiegħu [t’Alla], jiġifieri, il-​qawwa eterna u d-​Divinità tiegħu, kienu jidhru ċar mill-​ħolqien tad-​dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-​affarijiet li nħolqu.”—Rumani 1:20.

Kulma ħalaq Ġeħova fuq l-​art hu taʼ ġid għall-​umanità u l-​annimali

8 Ġeħova ħalaq id-​dinja b’tali mod li jkun hawn il-​ħajja. Kulma hawn fuq l-​art hu taʼ ġid għall-​annimali u l-​umanità. Alla għamel ġnien sabiħ għan-​nies biex jgħixu fih, u tahom moħħ u ġisem perfett maħluqin biex jibqgħu għal dejjem. (Aqra Rivelazzjoni 4:11.) Iżjed minn hekk, “hu li jagħti l-​ikel lil kull ħliqa tal-​laħam: Għax il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu hi għal dejjem.”—Salm 136:25.

9. Għalkemm Ġeħova hu Alla taʼ mħabba, x’jobgħod?

9 Ġeħova hu Alla taʼ mħabba, madankollu hu jobgħod dak li hu ħażin. Pereżempju, Salm 5:4-​6 jgħid dwar Ġeħova: “Int m’intix Alla li titgħaxxaq bil-​ħażen . . . Int tobgħod lil kulmin jipprattika l-​ħsara.” Hu jobgħod ukoll lil kull “bniedem li jxerred id-​demm u jqarraq.”

IT-​TMIEM TAL-​AFFARIJIET MILL-​AGĦAR HU VIĊIN

10, 11. (a) X’se jiġri min-​nies mill-​agħar? (b) Ġeħova kif se jippremja lin-​nies ubbidjenti?

10 Fil-​ħin u fil-​waqt, Ġeħova se jneħħi l-​ħażen mill-​univers kollu għax hu Alla taʼ mħabba u hu jobgħod dak li hu ħażin. Il-​Kelma t’Alla twiegħed: “Dawk li jagħmlu l-​ħażen se jitqaċċtu ’l barra, imma dawk li jittamaw f’Ġeħova se jirtu l-​art. Ftit ieħor biss, u l-​ħażin ma jkunx iktar.” L-​għedewwa taʼ Ġeħova “se jgħibu.”—Salm 37:9, 10, 20.

11 Il-​Kelma t’Alla twegħedna wkoll: “Il-​ġusti se jirtu l-​art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) In-​nies leali “bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” (Salm 37:11) Għala? Għax Alla tagħna kollu mħabba dejjem jagħmel dak li hu l-​aħjar għall-​qaddejja leali tiegħu. Il-​Bibbja tgħidilna li se “jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-​affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.” (Rivelazzjoni 21:4) X’futur mill-​isbaħ għan-​nies ubbidjenti li japprezzaw l-​imħabba t’Alla!

12. Min hu “dak li hu bla ħtija”?

12 Il-​Bibbja tgħid: “Osserva lil dak li hu bla ħtija u żomm lir-​rett quddiem għajnejk, għax il-​futur taʼ dak il-​bniedem se jkun mimli paċi. Imma dawk li jiksru l-​liġi se jinqerdu lkoll; il-​futur tan-​nies mill-​agħar se jispiċċa.” (Salm 37:37, 38) “Dak li hu bla ħtija” jsir jaf lil Ġeħova u lil Ibnu u jagħmel ir-​rieda t’Alla. (Aqra Ġwanni 17:3.) Hu b’mod sod jemmen li “d-​dinja tgħaddi u x-​xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwanni 2:17) Minħabba li t-​tmiem tad-​dinja hu viċin, hu urġenti li ‘nittamaw f’Ġeħova u nżommu triqtu.’—Salm 37:34.

L-​AKBAR ATT TAL-​IMĦABBA T’ALLA

13. X’kien l-​akbar att tal-​imħabba t’Alla?

13 Għalkemm aħna imperfetti, nistgħu nobdu lil Alla. Barra minn hekk, jistaʼ jkollna relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova minħabba s-​sagrifiċċju tal-​fidwa taʼ Ġesù, l-​akbar att tal-​imħabba t’Alla. Ġeħova pprovda l-​fidwa ħalli n-​nies ubbidjenti jkun jistaʼ jkollhom l-​opportunità li jinħelsu mid-​dnub u l-​mewt. (Aqra Rumani 5:12; 6:23.) Ġesù kien leali lejn Alla għal żmien twil ħafna fis-​sema, u allura Ġeħova kien ċert li Ibnu kien se jibqaʼ leali fuq l-​art. Bħala Missier kollu mħabba, Ġeħova kien weġġaʼ ħafna meta ra kif in-​nies ittrattaw b’mod ħażin lil Ibnu. Madankollu, Ġesù appoġġa b’mod leali d-​dritt li Alla jmexxi u wera li bniedem perfett jistaʼ jibqaʼ leali lejn Alla anki fl-​iktar sitwazzjonijiet diffiċli.

Hekk kif Ġesù jipprepara biex jitlaq mis-sema u jiġi fuq l-art, iħares ’il fuq lejn Missieru, Ġeħova

Bi mħabba, Alla bagħat lil Ibnu (Ara paragrafu 13)

14, 15. Il-​mewt taʼ Ġesù x’għamlet għall-​umanità?

14 Minkejja l-​iktar provi diffiċli, Ġesù baqaʼ leali u appoġġa d-​dritt taʼ Ġeħova li jmexxi. Aħna għandna nkunu grati li permezz tal-​mewt tiegħu, Ġesù ħallas il-​prezz tal-​fidwa għax ta lin-​nies l-​opportunità li jgħixu għal dejjem fid-​dinja l-​ġdida t’Alla! L-​appostlu Pawlu ddeskriva l-​imħabba li Ġeħova u Ġesù wrew permezz tal-​fidwa. Hu qal: “Tabilħaqq, waqt li konna għadna dgħajfin, Kristu miet fiż-​żmien stabbilit għal nies mhux devoti. Bilkemm xi ħadd ikun irid imut għal bniedem ġust; iva, għat-​tajjeb forsi xi ħadd jissogra jmut. Imma Alla jirrikkmandalna mħabbtu għax, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rumani 5:6-​8) L-​appostlu Ġwanni kiteb: “B’dan intweriet l-​imħabba t’Alla għalina, għax Alla bagħat lill-​Iben uniġenitu tiegħu fid-​dinja biex niksbu l-​ħajja permezz tiegħu. L-​imħabba qiegħda f’dan: li mhux aħna ħabbejna lil Alla, imma hu ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala sagrifiċċju propizjatorju għal dnubietna.”—1 Ġwanni 4:9, 10.

15 Ġesù qal li “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Għalkemm kien taʼ wġigħ taʼ qalb kbir għal Ġeħova, hu ta ’l Ibnu bħala fidwa. Dan juri kemm iħobb lin-​nies. U din l-​imħabba se tibqaʼ għal dejjem. Pawlu kiteb: “Jien konvint li la l-​mewt, la l-​ħajja, la l-​anġli, la l-​gvernijiet, la l-​affarijiet t’issa, la l-​affarijiet li għad iridu jiġu, la l-​qawwiet, la l-​għoli u lanqas il-​fond, u l-​ebda ħolqien ieħor ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla li hi fi Kristu Ġesù, il-​Mulej tagħna.”—Rumani 8:38, 39.

IS-​SALTNA T’ALLA QED TMEXXI ISSA

16. X’inhi s-​Saltna Messjanika, u Ġeħova lil min ħatar biex ikun il-​Mexxej tagħha?

16 Il-​gvern t’Alla, jiġifieri s-​Saltna Messjanika, ukoll hu prova tal-​imħabba taʼ Ġeħova għall-​umanità. Dan kif? Ġeħova diġà ħatar Mexxej li jħobb l-​umanità u li hu kwalifikat biex imexxi, jiġifieri Ġesù Kristu. (Proverbji 8:31) Iktar minn hekk, 144,000 bniedem magħżulin mill-umanità se jmexxu maʼ Kristu fis-​sema. Meta jiġu mqajmin, huma jieħdu magħhom l-​esperjenza taʼ xi tfisser li tkun bniedem, u dan se jkun taʼ ġid għall-​umanità. (Rivelazzjoni 14:1) Waqt li Ġesù kien fuq l-​art, is-​Saltna kienet it-​tema prinċipali tat-​tagħlim tiegħu, u hu għallem id-​dixxipli tiegħu biex jitolbu: “Missierna fis-​smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.” (Mattew 6:9, 10) Aħna nħarsu ’l quddiem għat-​twettiq taʼ talb bħal dan, meta s-​Saltna t’Alla ġġib ħafna barkiet għall-​umanità!

17. Qabbel it-​tmexxija taʼ Ġesù mat-​tmexxija tal-​bniedem.

17 Hemm baħar jaqsam bejn it-​tmexxija kollha mħabba taʼ Ġesù u t-​tmexxija tal-​bniedem. It-​tmexxija tal-​bniedem wasslet biex ikun hemm il-​gwerer li qatlu lil miljuni taʼ nies. Imma l-​Mexxej tagħna, jiġifieri Ġesù, iħobbna verament u jimita l-​kwalitajiet mill-​isbaħ t’Alla, speċjalment l-​imħabba tiegħu. (Rivelazzjoni 7:10, 16, 17) Ġesù qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom. Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien ġwejjed u umli f’qalbi, u intom issibu serħan għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​tagħbija tiegħi ħafifa.” (Mattew 11:28-​30) X’wegħda li turi l-​imħabba hi din!

18. (a) X’beda jiġri mill-​1914? (b) X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

18 Il-​Bibbja turi li s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi mis-​sema fl-​1914. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, bdew jinġabru l-​aħħar membri taʼ dawk li se jmexxu maʼ Ġesù fis-​sema, kif ukoll bdew jinġabru dawk tal-​“folla kbira” li se jibqgħu ħajjin wara t-​tmiem taʼ din is-​sistema u li se jidħlu fid-​dinja l-​ġdida. (Rivelazzjoni 7:9, 13, 14) Kemm hi kbira l-​folla l-​kbira llum? Alla x’jitlob minnhom? L-​artiklu li jmiss se jeżamina dawn il-​mistoqsijiet.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja