LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 2/1 pp. 23-27
  • “Dan Huwa Kif Alla Ħabbna”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “Dan Huwa Kif Alla Ħabbna”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “Alla Hu Mħabba”
  • Għala Rahan?
  • Kemm Kien Kbir Il-​Prezz?
  • Dak Li Dan Jagħmel Possibbli
  • Il-​Fidwa​—L-​Aqwa Rigal Mingħand Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Il-fidwa—L-aqwa rigal mingħand Alla
    X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Il-Prezz tal-Fidwa li Ħallas Kristu—It-Triq t’Alla għas-Salvazzjoni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • L-​iskop taʼ Ġeħova se jitwettaq!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 2/1 pp. 23-27

“Dan Huwa Kif Alla Ħabbna”

“Jekk dan huwa kif Alla ħabbna, mela aħna nfusna qegħdin taħt obbligu li nħobbu lil xulxin.”—1 ĠWANN 4:11, NW.

1. Fit-​23 taʼ Marzu wara nżul ix-​xemx, għala se jinġabru miljuni taʼ nies fis-​Swali tas-​Saltna u f’postijiet oħrajn tal-​laqgħat madwar il-​globu?

IL-​ĦADD, 23 taʼ Marzu, 1997, wara nżul ix-​xemx, se jkun hemm bla dubju iktar minn 13,000,000 ruħ madwar id-​dinja li se jinġabru fis-​Swali tas-​Saltna u f’postijiet oħrajn tal-​laqgħat użati mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Għala? Għaliex qlubhom ġew imqanqlin mill-​akbar espressjoni taʼ mħabba t’Alla lejn l-​umanità. Ġesù Kristu ffoka l-​attenzjoni fuq dik l-​evidenza taʼ l-​għaġeb taʼ l-​imħabba t’Alla, billi qal: “Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.”—Ġwann 3:16.

2. Liema mistoqsijiet rigward ir-​rispons tagħna għall-​imħabba t’Alla nistgħu nistaqsu lilna nfusna b’mod li nibbenefikaw?

2 Hekk kif nikkunsidraw l-​imħabba li Alla wera, nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Jien napprezzah verament dak li għamel Alla? Il-​mod kif qiegħed nuża ħajti jagħti evidenza taʼ dak l-​apprezzament?’

“Alla Hu Mħabba”

3. (a) Li Alla juri mħabba għala m’hijiex xi ħaġa mhux tas-​soltu għalih? (b) Il-​qawwa u l-​għerf kif jidhru fix-​xogħlijiet tiegħu taʼ ħolqien?

3 Il-​fatt li Alla juri mħabba m’huwiex fih innifsu xi ħaġa straordinarja min-​naħa t’Alla għaliex “Alla hu mħabba.” (1 Ġwann 4:8) L-​imħabba hija l-​karatteristika dominanti tiegħu. Meta kien qiegħed jipprepara l-​art biex tiġi abitata mill-​bnedmin, il-​fatt li għolla l-​muntanji u ġabar l-​ilma f’għadajjar u f’oċeani kien wirja spettakolari taʼ qawwa. (Ġenesi 1:9, 10) Meta Alla beda jħaddem iċ-​ċiklu taʼ l-​ilma u ċ-​ċiklu taʼ l-​ossiġnu, meta ddisinja n-​numru bla għadd taʼ mikro-organiżmi u l-​varjetajiet taʼ ħxejjex biex jikkonvertu l-​elementi kimiċi taʼ l-​art f’ikel li l-​bnedmin jistgħu jieħdu sabiex isostnu lil ħajjithom, meta rregola l-​arloġġi bijoloġiċi tagħna biex jikkorrispondu mat-​tul tal-​jiem u x-​xhur fuq il-​pjaneta Art, dan wera għerf kbir. (Salm 104:24; Ġeremija 10:12) Madankollu, saħansitra iktar li jispikka, fil-​ħolqien fiżiku hemm l-​evidenza taʼ l-​imħabba t’Alla.

4. Fil-​ħolqien fiżiku, liema evidenza taʼ l-​imħabba t’Alla għandna lkoll kemm aħna naraw u napprezzaw?

4 Il-​palat tagħna jgħidilna dwar l-​imħabba t’Alla meta nieħdu gidma minn xi frotta misjura u mimlija meraq li ovvjament ġiet magħmula mhux biss biex issostnina imma wkoll biex nieħdu gost biha. Għajnejna jaraw evidenza li ħadd ma jistaʼ jmeriha taʼ xeni meraviljużi taʼ nżul ix-​xemx, taʼ smewwiet mimlijin kwiekeb f’lejl bnazzi, taʼ forom varjati u kuluri li jlellxu tal-​fjuri, taʼ buffunati t’annimali żgħar, u taʼ tbissim kordjali tal-​ħbieb. Imneħirna jġagħalna nindunaw biha meta nxommu r-​riħa ħelwa tal-​fjuri fir-​rebbiegħa. Widnejna jindunaw biha hekk kif nisimgħu l-​ħoss taʼ xi kaskata, l-​għana taʼ l-​għasafar, l-​ilħna tal-​maħbubin tagħna. Inħossuha meta xi ħadd maħbub jgħannaqna miegħu. Ċerti annimali huma mżejnin bl-​abbiltà li jaraw, jisimgħu jew ixommu ċerti affarijiet li l-​bnedmin ma jistgħux jaraw, jisimgħu jew ixommu. Imma l-​bnedmin, magħmulin fix-​xbiha t’Alla, għandhom il-​kapaċità li jħossu l-​imħabba t’Alla b’mod li l-​ebda annimal ma jistaʼ jħossha.—Ġenesi 1:27.

5. Jehovah kif wera mħabba abbundanti lejn Adam u Eva?

5 Meta Alla Jehovah ħalaq lill-​ewwel bnedmin, Adam u Eva, hu dawwarhom b’evidenza taʼ mħabbtu. Kien ħawwel ġnien, ġenna, u kkaġuna li fih jikbru siġar taʼ kull xorta. Kien ipprovda xmara biex issaqqih u mlieh b’għasafar u annimali affaxxinanti. Dan kollu tah lil Adam u lil Eva bħala d-​dar tagħhom. (Ġenesi 2:8-10, 19) Jehovah mexa magħhom bħala wliedu, parti mill-​familja universali tiegħu. (Luqa 3:38) Billi pprovda lil Għeden bħala mudell, il-​Missier tas-​sema taʼ din l-​ewwel koppja umana poġġa quddiemhom l-​inkarigu sodisfaċenti li jestendu l-​Ġenna biex tkopri l-​globu. L-​art kollha kemm hi kellha tkun ippopolata bin-​nisel tagħhom.—Ġenesi 1:28.

6. (a) Int kif tħossok dwar il-​korsa ribelluża li qabdu Adam u Eva? (b) X’jistaʼ jindika li aħna ħadnieha t-​tagħlima minn dak li ġara f’Għeden u li bbenefikajna minn dan l-​għarfien?

6 F’qasir żmien, madankollu, Adam u Eva ffaċċjaw test t’ubbidjenza, test taʼ lealtà. L-​ewwel hi u mbagħad hu naqsu li juru apprezzament lejn l-​imħabba li ġiet murija lilhom. Dak li għamlu kien xokkanti. Ma setax jiġi skużat! Bħala riżultat, tilfu r-​relazzjoni tagħhom m’Alla, tkeċċew mill-​familja tiegħu, u ġew mitfugħin ’il barra minn Għeden. Aħna llum għadna nħossu l-​effetti tad-​dnub tagħhom. (Ġenesi 2:16, 17; 3:1-6, 16-19, 24; Rumani 5:12) Imma tgħallimna minn dak li ġara? Kif qegħdin aħna nwieġbu għall-​imħabba t’Alla? Juru d-​deċiżjonijiet li nagħmlu kull ġurnata li aħna napprezzaw imħabbtu?—1 Ġwann 5:3.

7. Minkejja dak li għamlu Adam u Eva, Jehovah kif wera mħabba għan-​nisel tagħhom?

7 Saħansitra n-​nuqqas assolut t’apprezzament li wrew l-​ewwel ġenituri umani tagħna għal dak kollu li Alla kien għamel għalihom ma żammx lura l-​imħabba t’Alla stess. Minħabba l-​mogħdrija għall-​bnedmin li ma kinux għadhom twieldu​—inklużi aħna lkoll li qegħdin ngħixu llum—​Alla ħalla lil Adam u lil Eva jrabbu familja qabel ma mietu. (Ġenesi 5:1-5; Mattew 5:44, 45) Li kieku m’għamilx hekk, ħadd minna ma kien jitwieled. B’rivelazzjoni progressiva tar-​rieda tiegħu, Jehovah ipprovda wkoll bażi għal tama għal dawk kollha min-​nisel t’Adam li kellhom jeżerċitaw fidi. (Ġenesi 3:15; 22:18; Isaija 9:6, 7) L-​arranġament tiegħu inkluda l-​mezz li bih in-​nies tal-​ġnus kollha setgħu jiksbu mill-​ġdid dak li tilef Adam, jiġifieri, ħajja perfetta bħala membri approvati tal-​familja universali t’Alla. Dan għamlu billi pprovda rahan.

Għala Rahan?

8. Alla għala ma setax sempliċement ħareġ digriet li, għalkemm Adam u Eva bil-​fors kellhom imutu, ħadd min-​nisel tagħhom ma kellu jmut?

8 Kien verament neċessarju li jiġi mħallas prezz bħala rahan fil-​forma taʼ ħajja umana? Ma setax Alla sempliċement ħareġ digriet li, għalkemm Adam u Eva bil-​fors kellhom imutu minħabba l-​irvell tagħhom, dawk kollha minn nisilhom li kienu se jobdu lil Alla setgħu jgħixu għal dejjem? Mill-​punt di vista tal-​bniedem li jara sa mnieħru, dan għandu mnejn jinstemaʼ raġonevoli. Madankollu, Jehovah “[i]ħobb id-​dritt u s-​sewwa.” (Salm 33:5) Kien biss wara li Adam u Eva saru midinbin li huma pproduċew it-​tfal; għalhekk ħadd minn dawn it-​tfal ma twieled perfett. (Salm 51:7 [Salm 51:5, NW]) Ilkoll kellhom wirt tad-​dnub, u l-​kastig għad-​dnub huwa l-​mewt. Li kieku Jehovah kien injorah dan, x’eżempju kien ikun għall-​membri tal-​familja universali tiegħu? Ma setax jinjora l-​livelli taʼ tjieba tiegħu stess. Hu rrispetta l-​ħtiġijiet għall-​ġustizzja. Ħadd qatt ma setaʼ b’mod leġittimu jsib xi jgħid dwar il-​mod li bih Alla ttratta mal-​kwistjonijiet involuti.—Rumani 3:21-23.

9. Skond il-​livell divin tal-​ġustizzja, liema xorta taʼ rahan kien meħtieġ?

9 Kif, allura, setgħet tiġi pprovduta bażi xierqa biex jiġu meħlusin dawk min-​nisel t’Adam li kienu se juru ubbidjenza mill-​qalb lejn Jehovah? Jekk bniedem perfett kellu jmut mewta bħala sagrifiċċju, skond il-​ġustizzja l-​valur taʼ dik il-​ħajja perfetta setaʼ jipprovdi tpattija għad-​dnubiet taʼ dawk li kienu bil-​fidi jaċċettaw ir-​rahan. Ladarba d-​dnub taʼ bniedem wieħed, Adam, kien responsabbli f’li kkaġuna lill-​familja umana kollha kemm hi biex isiru midinbin, id-​demm imxerred taʼ bniedem perfett ieħor, li jkun taʼ valur li jikkorrispondi, setaʼ jibbilanċja l-​miżien tal-​ġustizzja. (1 Timotju 2:5, 6) Imma fejn setgħet tinstab persuna bħal din?

Kemm Kien Kbir Il-​Prezz?

10. In-​nisel t’Adam għala ma kienx kapaċi jipprovdi r-​rahan meħtieġ?

10 Fost in-​nisel tal-​midneb Adam, ma kien hemm ħadd li setaʼ jipprovdi dak li kien meħtieġ sabiex jinxtraw lura l-​prospetti taʼ ħajja li Adam kien tilef. “Ħadd ma jistaʼ jifdi lilu nnifsu, jew jagħti lil Alla l-​prezz tal-​fidwa [“rahan,” NW] tiegħu. Għoli wisq il-​prezz taʼ ħajtu, qatt ma jkun biżżejjed, biex wieħed jgħix għal dejjem u ma jara qatt il-​qabar.” (Salm 49:8-10 [Salm49:7-9, NW]) Minflok ma ħalla lill-​umanità mingħajr tama, Jehovah innifsu bil-​ħniena kollha għamel provvediment.

11. Jehovah b’liema mezz ipprovda l-​ħajja umana perfetta li kienet meħtieġa għal rahan xieraq?

11 Jehovah ma bagħatx anġlu fuq l-​art biex jagħmel taʼ bir-​ruħu li jmut billi jwarrab ġisem inkarnat waqt li hu jibqaʼ ħaj bħala spirtu. Minflok, billi wettaq miraklu li Alla biss, il-​Ħallieq, setaʼ kkombina, hu trasferixxa l-​forza tal-​ħajja u d-​disinn tal-​personalità taʼ iben tas-​sema għal ġo ġuf taʼ mara, Marija bint Għeli, mit-​tribù taʼ Ġuda. Il-​forza attiva t’Alla, l-​ispirtu qaddis tiegħu, ipproteġa l-​iżvilupp tat-​tarbija fil-​ġuf t’ommu, u hu twieled bniedem uman. (Luqa 1:35; 1 Pietru 2:22) Dan kellu għad-​dispożizzjoni tiegħu l-​prezz meħtieġ biex jipprovdi rahan li kellu jissodisfa għalkollox dak li kien meħtieġ mill-​ġustizzja divina.—Lhud 10:5.

12. (a) Ġesù f’liema sens hu l-​‘Iben waħdieni’ t’Alla? (b) Il-​fatt li Alla bagħat lil dan il-​wieħed biex jipprovdi r-​rahan kif jenfasizza l-​imħabba Tiegħu għalina?

12 Mill-​mirjadi t’ulied fis-​smewwiet Jehovah lil min tah dan l-​inkarigu? Lil dak li hu deskritt fl-​Iskrittura bħala “Ibnu l-​waħdieni.” (1 Ġwann 4:9) Din l-​espressjoni hija wżata biex tiddeskrivi, mhux dak li sar meta twieled bħala bniedem, imma dak li kien fis-​smewwiet qabel ma sar bniedem. Hu l-​uniku wieħed li Jehovah ħalaq direttament mingħajr il-​koperazzjoni taʼ xi ħadd ieħor. Hu l-​Ewwel Imwieled mill-​ħolqien kollu. Hu dak li ġie wżat minn Alla biex iġib fl-​eżistenza l-​ħlejjaq l-​oħrajn kollha. L-​anġli huma wlied Alla, bħalma Adam kien bin Alla. Imma Ġesù hu deskritt bħala li għandu “glorja li għandu mill-​Missier bħala Ibnu l-​waħdieni.” Jintqal li jgħammar “fi ħdan il-​Missier.” (Ġwann 1:14, 18) Ir-​relazzjoni tiegħu mal-​Missier hija waħda intima, kunfidenzjali u tenera. Hu għandu l-​istess imħabba li għandu Missieru għall-​umanità. Proverbji 8:30, 31 jesprimi kif iħossu Missieru dwar dan l-​Iben u kif l-​Iben iħossu dwar l-​umanità: “Jien kont . . .l-għaxqa tiegħu [taʼ Jehovah], jum wara ieħor, nitliegħeb il-​ħin kollu quddiemu; . . . [u jien, Ġesù, l-​imgħallem-ħaddiem taʼ Jehovah, il-​personifikazzjoni taʼ l-​għerf] nitgħaxxaq b’ulied il-​bnedmin.” Kien lil dan l-​iktar iben prezzjuż li Alla bagħat fuq l-​art biex jipprovdi r-​rahan. Għalhekk, kemm għandha tifsira l-​istqarrija taʼ Ġesù: “Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni”!—Ġwann 3:16.

13, 14. Ir-​rakkont tal-​Bibbja fejn Abraham ipprova joffri lil Iżakk x’għandu jgħallimna dwar li napprezzaw dak li għamel Jehovah? (1 Ġwann 4:10)

13 Biex jgħinna nifhmu xi ftit dak x’ifisser, ħafna qabel ma Ġesù ġie fuq l-​art, Alla ta struzzjoni lil Abraham, xi 3,890 sena ilu: “Aqbad lil ibnek il-​waħdieni, li inti tħobb, lil Iżakk; u mur lejn l-​art taʼ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju tal-​ħruq fuq waħda mill-​għoljiet li jien se ngħidlek.” (Ġenesi 22:1, 2) Bil-​fidi, Abraham obda. Poġġi lilek innifsek fil-​pożizzjoni t’Abraham. Xi ngħidu kieku dak kien ibnek, l-​uniku iben tiegħek li int tant tħobb? Liema sentimenti kieku jkollok int hekk kif tibda taqtaʼ l-​ħatab għall-​offerta maħruqa, tivvjaġġa diversi jiem sa l-​art taʼ Morija, u tpoġġi lil ibnek fuq l-​artal?

14 Ġenitur li jagħder għala jkollu sentimenti bħal dawn? Ġenesi 1:​27 jgħid li Alla ħalaq lill-​bniedem fix-​xbiha Tiegħu. Is-​sentimenti tagħna taʼ mħabba u mogħdrija jirriflettu b’mod limitat ħafna l-​imħabba u l-​mogħdrija taʼ Jehovah innifsu. Fil-​każ t’Abraham, Alla intervjena, u b’hekk Iżakk ma ġiex attwalment issagrifikat. (Ġenesi 22:12, 13; Lhud 11:17-19) Madankollu, fil-​każ tiegħu stess, Jehovah ma żammx lura milli jipprovdi r-​rahan, għalkemm dan sar bi spiża kbira kemm għalih u kemm għal Ibnu. Dak li sar, ma sarx minħabba xi obbligu min-​naħa t’Alla, imma, minflok, bħala espressjoni taʼ qalb tajba mhix mistħoqqa straordinarja. Napprezzawh aħna dan bis-sħiħ?—Lhud 2:9.

Dak Li Dan Jagħmel Possibbli

15. Ir-​rahan kif effettwa l-​ħajjiet saħansitra f’din is-​sistema preżenti t’affarijiet?

15 Dak il-​provvediment taʼ mħabba magħmul minn Alla għandu effett profond fuq il-​ħajjiet taʼ dawk li jaċċettawh bil-​fidi. Huma qabel kienu mbegħdin minn Alla bħala riżultat tad-​dnub. Kienu, bħalma tgħid il-​Kelma tiegħu, ‘għedewwa tiegħu minħabba l-​ħażen taʼ ħsibijiethom u għemilhom.’ (Kolossin 1:21-23) Imma huma ‘tħabbu miegħu bis-​saħħa tal-​mewt taʼ Ibnu.’ (Rumani 5:8-10) Wara li jkunu bidlu l-​korsa tal-​ħajja tagħhom u aċċettaw il-​maħfra li Alla jagħmel possibbli għal dawk li jeżerċitaw fidi fis-​sagrifiċċju taʼ Kristu, huma jiġu ffavoriti b’kuxjenza nadifa.—Lhud 9:14; 1 Pietru 3:21.

16. Dawk tal-​merħla ċkejkna jiġu mberkin b’liema barkiet minħabba l-​fidi tagħhom fir-​rahan?

16 Lil numru llimitat minn dawn, merħla ċkejkna, Jehovah estendielhom il-​favur mhux mistħoqq li jkunu mseħbin maʼ Ibnu fis-​Saltna tas-​sema, bit-​tir li jwettqu l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​art. (Luqa 12:32) Dawn ġew meħudin minn ‘kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens . . . u ntgħamlu għal Alla tagħna Saltna u Qassisin, li għad isaltnu fuq l-​art.’ (Apokalissi 5:9, 10) Lil dawn, l-​appostlu Pawlu kiteb: “[I]rċevejtu l-​Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajjtu: ‘Abba! Missier!’ Dan l-​ispirtu jixhed flimkien maʼ l-​ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta taʼ Alla, werrieta maʼ Kristu.” (Rumani 8:15-17) (Korsiv tagħna.) F’li jiġu adottati minn Alla bħala wliedu, huma se jiġu mberkin bir-​relazzjoni t’għożża li tilef Adam; imma dawn l-​ulied se jiġu mberkin bi privileġġi miżjudin taʼ servizz fis-​sema​—xi ħaġa li Adam qatt ma kellu. Mhux taʼ b’xejn li l-​appostlu Ġwanni qal: “Araw b’liema għożża ħabbna l-​Missier; nistgħu nissejjħu wlied Alla”! (1 Ġwann 3:1) Lil uħud bħal dawn Alla jesprimi mhux biss imħabba bi prinċipju (a·gaʹpe) imma wkoll affezzjoni tenera (phi·liʹa), li hija karatteristika taʼ l-​għaqda li teżisti bejn ħbieb ġenwini.—Ġwann 16:27.

17. (a) Liema opportunità tingħata lil kulmin jeżerċita fidi fir-​rahan? (b) Il-​“libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla” x’se tkun tfisser għalihom?

17 Lil oħrajn ukoll​—dawk kollha li jeżerċitaw fidi fil-​provvediment ġeneruż t’Alla għall-​ħajja permezz taʼ Ġesù Kristu—​Jehovah jiftaħ l-​opportunità biex jiksbu r-​relazzjoni prezzjuża li tilef Adam. L-​appostlu Pawlu spjega: “L-​istennija ħerqana tal-​ħolqien [il-ħolqien uman imnissel minn Adam] qiegħda tistenna l-​irrivelar taʼ wlied Alla [jiġifieri, huma jistennew iż-​żmien meta jkun evidenti biżżejjed li wlied Alla li huma werrieta tas-​Saltna t’Alla maʼ Kristu qegħdin jieħdu azzjoni pożittiva għan-​nom taʼ l-​umanità]. Għax il-​ħolqien kien issuġġettat lejn il-​frugħa [twieled fid-​dnub bil-​prospett tal-​mewt, u ma kien hemm ebda mod li bih setaʼ jeħles lilu nnifsu], mhux bir-​rieda tiegħu nnifsu imma permezz taʼ dak li ssuġġettah, fuq il-​bażi tat-​tama [mogħtija minn Alla] biex il-​ħolqien innifsu wkoll se jinħeles mill-​jasar għall-​korruzzjoni u jkollu l-​libertà glorjuża tat-​tfal t’Alla.” (Rumani 8:19-21, NW) X’se tkun tfisser dik il-​libertà? Li huma jkunu ġew meħlusin mill-​jasar għad-​dnub u l-​mewt. Se jkollhom perfezzjoni tal-​moħħ u tal-​ġisem, Ġenna bħala d-​dar tagħhom, u ħajja taʼ dejjem li fiha jistgħu jgawdu l-​perfezzjoni tagħhom u jesprimu l-​apprezzament tagħhom lejn Jehovah, l-​uniku Alla veru. U dan kollu kif sar possibbli? Permezz tas-​sagrifiċċju bħala rahan taʼ l-​Iben waħdieni t’Alla.

18. Wara nżul ix-​xemx tat-​23 taʼ Marzu, aħna x’se nkunu qegħdin nagħmlu, u għala?

18 Fl-​14 taʼ Nisan, tas-​sena 33 E.K., f’kamra fis-​sular taʼ fuq f’Ġerusalemm, Ġesù istitwixxa l-​Mafkar tal-​mewt tiegħu. Il-​kommemorazzjoni annwali tal-​mewt tiegħu saret avveniment importanti fil-​ħajjiet tal-​Kristjani veri kollha. Ġesù nnifsu kkmanda: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Fl-​1997 il-​Mafkar se jsir wara nżul ix-​xemx fit-​23 taʼ Marzu (li huwa meta jibda l-​14 taʼ Nisan). F’dak il-​jum, xejn ma jistaʼ jkun iktar importanti milli wieħed ikun preżenti għal din l-​okkażjoni tal-​Mafkar. (w97 2/1)

Kif Twieġeb Int?

◻ Alla b’liema modi wera mħabba abbundanti għall-​umanità?

◻ Għala kienet meħtieġa ħajja umana perfetta biex isservi taʼ rahan għan-​nisel t’Adam?

◻ Jehovah b’liema spiża kbira pprovda r-​rahan?

◻ Ir-​rahan x’jagħmel possibbli?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja