Alla Ma Jiħodhiex bil-Lajma l-Wegħda Tiegħu
“MULEJ, kemm se ndum nokrob għall-għajnuna u int ma tismax!” Dan huwa l-kliem tal-profeta Ebrew Ħabakkuk, li kien jgħix fis-sebaʼ seklu Q.E.K. Imma m’huwiex ġdid għal widnejk, hux hekk? Huwa naturali għalina l-bnedmin li nkunu rridu l-affarijiet li tant inkunu nixtiequ fil-pront jew malajr kemm jistaʼ jkun. U dan huwa veru b’mod speċjali f’din l-era taʼ gratifikazzjoni immedjata.—Ħabakkuk 1:2.
Fl-ewwel seklu, kien hemm xi wħud li mid-dehra kienu jaħsbu li Alla kien imissu wettaq il-wegħdi tiegħu qabel. Tant kienu saru bla paċenzja li saħansitra kienu jaħsbu li Alla kien qed jiħodha bil-lajma jew jittardja. Minħabba f’dan, l-appostlu Pietru kellu jfakkarhom li l-ħarsa t’Alla dwar iż-żmien hija pjuttost differenti minn tagħna. Pietru jikteb: “Dan għandkom tkunu tafu, ħuti għeżież: li quddiem il-Mulej jum wieħed hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed.”—2 Pietru 3:8.
Skond dan il-mod taʼ kif jiġi kkalkulat iż-żmien, persuna taʼ 80 sena għexet biss madwar sagħtejn, u l-istorja kollha taʼ l-umanità ħadet biss madwar sitt ijiem. Meta nħarsu lejn l-affarijiet minn din il-perspettiva, isir iktar faċli għalina li nifhmu l-mod kif Alla jittratta magħna.
Madankollu, Alla m’huwiex indifferenti għaż-żmien. Għall-kuntrarju, hu konxju ħafna taż-żmien. (Atti 1:7) Għalhekk, Pietru jkompli jgħid: “Mhux għax jiddawwar [‘jiħodha bil-lajma,’ New World Translation] il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) B’differenza mill-bnedmin, Alla ma jħossux taħt pressjoni biex jagħmel l-affarijiet, bħallikieku ma fadallux wisq żmien. Bħala s-“Sultan taʼ dejjem,” hu għandu ħarsa ġenerali taʼ kollox u jistaʼ jiddetermina meta fil-medda taż-żmien l-azzjonijiet tiegħu se jagħmlu l-iktar ġid lil dawk kollha involuti.—1 Timotju 1:17.
Wara li jispjega r-raġuni għala Alla jidher li qed jiħodha bil-lajma, Pietru jagħmel din it-twissija: ‘Jum il-Mulej jasal bħal ħalliel.’ Jiġifieri, il-jum taʼ rendikont se jasal preċiż meta n-nies ma jkunux qed jistennewh. Imbagħad, fil-versi li jmiss, Pietru jiġbed l-attenzjoni lejn il-prospett meraviljuż għal dawk li jgħixu ‘ħajja qaddisa u tajba,’ jiġifieri, li huma jsalvaw għal ġos-“smewwiet ġodda u art ġdida” mwegħdin minn Alla.—2 Pietru 3:10-13.
Dan għandu jġagħalna napprezzaw iktar u iktar il-fatt li l-ġudizzju t’Alla għadu ma ġiex. Il-paċenzja tiegħu għamlitha possibbli għalina li nsiru nafu l-iskop tiegħu u naġġustaw ħajjitna sabiex nirċievu l-barkiet imwegħdin tiegħu. M’għandniex aħna nqisu ‘s-sabar li bih il-Mulej jiħodna bħala salvazzjoni,’ bħalma jargumenta Pietru? (2 Pietru 3:15) Madankollu, hemm fattur ieħor konness mal-paċenzja t’Alla.
Il-Kejl tal-Ħażen Irid Jasal sax-Xifer
Hekk kif nistudjaw kif Alla ttratta maʼ l-umanità fil-passat, ninnotaw li taʼ spiss kien iżomm lura l-ġudizzju tiegħu sakemm ma kienx ikun hemm iktar tama għal titjib. Per eżempju, rigward il-ġudizzju t’Alla fuq il-Kangħanin, hu kien tkellem m’Abraham dwar id-dnubiet tagħhom minn ħafna żmien qabel. Imma dak iż-żmien kien għadu m’huwiex il-waqt għall-esekuzzjoni tal-ġudizzju tiegħu. Għala le? Il-Bibbja tgħid: “Għax il-ħażen taʼ l-Amurrin [Kangħanin] s’issa għadu ma laħaqx l-aqwa tiegħu,” jew bħalma tpoġġiha l-verżjoni taʼ Knox: “Il-ħażen taʼ l-Amurrin [kien għadu] m’għalaqlux iż-żmien.”—Ġenesi 15:16.a
Madankollu, xi 400 sena wara, il-ġudizzju t’Alla wasal, u d-dixxendenti t’Abraham, l-Iżraeliti, ħadu l-art taħt idejhom. Xi wħud mill-Kangħanin, bħal Raħab u l-Gibgħonin, ġew salvati minħabba l-attitudni u l-azzjonijiet tagħhom, imma fil-biċċa l-kbira, kienu laħqu livell estrem taʼ nuqqas taʼ ndafa, kif ġie rrivelat minn skavi arkeoloġiċi moderni. Huma kienu jipprattikaw qima fallika, prostituzzjoni fit-tempju, u joffru lit-tfal bħala sagrifiċċji. Il-ktieb Halley’s Bible Handbook jistqarr: “Arkeologi li jħaffru fir-rovini taʼ bliet Kangħanin jistagħġbu kif Alla ma qeridhomx qabel.” Fl-aħħar, il-“kejl tad-dnub” tal-Kangħanin ‘wasal sax-xifer’; il-ħażen tagħhom ‘għalaqlu ż-żmien.’ Ħadd ma setaʼ bir-raġun jakkuża lil Alla li kien inġust meta ppermetta li l-art titnaddaf, filwaqt li ħeles lil dawk li kienu wrew attitudni tajba.
Fi żmien Noè ġrat xi ħaġa simili. Minkejja l-fatt li n-nies qabel id-Dilluvju kienu mill-agħar, Alla, bil-ħniena kollha, iddeċieda li żmienhom kellu jkompli għal 120 sena oħra. Matul parti minn dak iż-żmien, Noè qeda bħala “ħabbâr tal-ġustizzja.” (2 Pietru 2:5) Hekk kif għadda ż-żmien, il-ħażen tagħhom mid-dehra sar misjur. “Alla ħares lejn l-art, u ra li kienet imħassra, għax kull ħliqa ħajja kienet għawwġet triqtha fuq l-art.” (Ġenesi 6:3, 12) Il-‘kejl tad-dnub tagħhom wasal sax-xifer’; iż-żmien kien ħalla l-inklinazzjonijiet ħżiena tagħhom jaslu sa l-aqwa tagħhom. Meta Alla aġixxa kien iġġustifikat għalkollox. Tmien persuni biss taw prova li kienu twajbin f’għajnejn Alla, u hu salvahom.
Nistgħu naraw l-istess mudell fil-mod kif Alla ttratta maʼ Iżrael. Minkejja li kienu ġabu ruħhom b’mod żleali u baxx, Alla żamm il-paċenzja magħhom għal mijiet taʼ snin. Il-kliem iddokumentat jgħid: “Billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu . . . , il-Mulej . . . kien taʼ sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu . . . [j]maqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.” (2 Kronaki 36:15, 16) In-nies kienu waslu sal-punt li ma kienx iktar possibbli li jsir titjib. Ġeremija u xi ftit oħrajn biss setgħu jiġu salvati. Ħadd ma setaʼ jgħid li Alla kien inġust meta fl-aħħar ġab il-ġudizzju fuq il-bqija.
Iż-Żmien t’Alla biex Jaġixxi Wasal
Minn dawn l-eżempji nistgħu naraw li Alla qed iżomm lura l-ġudizzju fuq is-sistema preżenti t’affarijiet biss sakemm ikun sar iż-żmien xieraq. Dan hu espress fl-ordni mogħtija lill-esekutur simboliku t’Alla: “‘Midd int il-minġel il-misnun, u iġbor l-għenieqed tad-dielja taʼ l-art, għax l-għeneb tagħha sar [“sar misjur,” NW].’ U l-anġlu xejjer il-minġel tiegħu lejn l-art, qataʼ l-għenieqed tad-dielja taʼ l-art, u xeħethom fil-magħsra l-kbira tal-korla taʼ Alla.” Innota li l-ħażen taʼ l-umanità kien “sar misjur,” jiġifieri, kien wasal sal-punt fejn ma kienx possibbli iktar li jkun hemm titjib. Meta Alla jesegwixxi ġudizzju, m’hu se jkun hemm ebda dubju li l-intervent tiegħu se jkun iġġustifikat.—Apokalissi 14:18, 19.
Meta wieħed jikkunsidra dan kollu, huwa ċar li l-ġudizzju t’Alla kontra d-dinja bilfors li hu fil-qrib, għaliex id-dinja sar għandha l-karatteristiċi li ġġustifikaw il-ġudizzju t’Alla fil-passat. Kulfejn inħarsu, l-art hi mimlija bil-vjolenza, l-istess bħalma kienet qabel id-Dilluvju taʼ żmien Noè. L-attitudnijiet tan-nies qegħdin isiru iktar u iktar bħalma nsibu deskritt f’Ġenesi 6:5: “F’qalbu [l-bniedem] ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.” Saħansitra d-dnubiet ħoxnin li ġabu l-ġudizzju t’Alla kontra l-Kangħanin huma komuni llum.
B’mod speċjali mill-Ewwel Gwerra Dinjija ’l hawn, l-umanità għaddiet minn bidliet tal-biżaʼ. Rat l-art miksija bid-demm taʼ miljuni taʼ nies. Il-gwerra, il-ġenoċidju, it-terroriżmu, il-kriminalità, u l-ksur tal-liġi tfaċċaw fid-dinja kollha. Il-ġuħ, il-mard, u l-immoralità nfirxu mal-globu tagħna kollu. L-evidenza kollha tindika li issa qegħdin ngħixu qalb dik il-ġenerazzjoni mill-agħar li dwarha Ġesù qal: “Ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu.” (Mattew 24:34) Il-“kejl tad-dnub” tad-dinja dalwaqt jasal sax-xifer. “L-għenieqed tad-dielja taʼ l-art” qed isiru misjurin għall-ħsad.
Issa Huwa ż-Żmien li Taġixxi
L-appostlu Ġwanni ntqallu biex jgħid li hekk kif joqrob iż-żmien għall-ġudizzju, se jkun hemm żewġ tipi taʼ sajran. Wieħed, “min jagħmel il-ħażen, erħilu jagħmel iżjed; u min hu maħmuġ, ħallih jitħammeġ iżjed.” Imma l-ieħor, “min jagħmel is-sewwa, ħa jżid jagħmel is-sewwa; u min hu qaddis jalla jkompli jitqaddes.” (Apokalissi 22:10, 11) Dan l-aħħar żvilupp qed iseħħ f’konnessjoni max-xogħol edukattiv minn fuq il-Bibbja li qed jagħmlu x-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha. L-objettiv taʼ dan ix-xogħol hu li n-nies jitgħallmu dak li Alla jirrikjedi minnhom sabiex b’hekk ikunu jistgħu jiġu magħdudin bħala li jistħoqqilhom jirċievu l-ħajja taʼ dejjem. Din l-attività issa qed issir f’233 pajjiż permezz taʼ xi 87,000 kongregazzjoni.
Alla m’huwiex qed jiħodha bil-lajma. Bil-paċenzja kollha hu qed jagħti lin-nies żmien biżżejjed biex ‘jilbsu l-bniedem il-ġdid’ ħalli jkun jistħoqqilhom il-wegħdi tiegħu. (Efesin 4:24) Illum, Alla għadu jistenna, minkejja l-kundizzjonijiet li dejjem sejrin għall-agħar li hawn fid-dinja. Ix-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja qed jagħmlu dak kollu li jistgħu b’mod raġunevoli biex jaqsmu mal-ġirien tagħhom l-għarfien li jwassal għall-ħajja eterna. (Ġwann 17:3, 17) B’ferħ, kull sena iktar minn 300,000 ruħ qegħdin iwieġbu u jitgħammdu.
Bil-ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejna, issa huwa ż-żmien, mhux biex nistennew, imma biex naġixxu. Għax fi żmien qasir, se naraw it-twettiq tal-wegħda taʼ Ġesù: “Kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.”—Ġwann 11:26.
[Nota taʼ taħt]
a Nota taʼ taħt għal dan il-vers f’The Soncino Chumash tgħid: “Biex ikun jistħoqqlu jitneħħa, ladarba Alla ma jikkastigax lil xi ġens sakemm il-kejl tad-dnub tiegħu jasal sax-xifer.”
[Stampa f’paġna 6]
L-esekutur t’Alla ntqallu biex imidd il-minġel meta d-dielja taʼ l-art kienet saret misjura
[Stampa f’paġna 7]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha qegħdin jgħinu lin-nies biex ikun jistħoqqilhom jirċievu l-barkiet eterni t’Alla