“Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
1-4. (a) F’liema fatturi mill-istampa taʼ quddiem tixtieq ikollok sehem? (b) Liema prospett glorjuż qed jitqiegħed quddiemek hawn? (ċ) X’inhuma xi ftit mit-testi tal-Bibbja li jappoġġjaw tama bħal din?
ĦARES lejn in-nies ferħana fuq il-qoxra taʼ dan il-ktejjeb. Tixtieq tkun wieħed minnhom? ‘U żgur,’ inti tgħid. Għax hawn naraw il-paċi u l-armonija mixtieqa mill-bnedmin kollha. Nies taʼ kull razza—is-suwed, il-bojod, is-sofor—qed jitħalltu bħala familja waħda. X’ferħ! X’għaqda! Ovvjament dawn in-nies mhux qed jinkwetaw dwar xi splużjoni nukleari jew it-theddida tat-terroriżmu. M’hemmx ajruplani tal-gwerra jfarrku l-paċi tas-sema fuq dan il-park mill-isbaħ. M’hemmx suldati, tankijiet, kanuni. Lanqas lembuba waħda m’hi meħtieġa biex iżżomm l-ordni. Il-gwerer u d-delitti sempliċement ma jeżistux. U m’hemm ebda nuqqas taʼ djar, għax kulħadd għandu dar sabiħa li jistaʼ jsejħilha tiegħu.
2 Ħares ftit lejn dawk it-tfal! Il-logħob tagħhom tieħu pjaċir tarah. X’annimali dawk biex tilgħab magħhom! Ebda gaġeġ m’huma meħtieġa f’dan il-park, għax l-annimali kollha qed igħixu fil-paċi mal-bnedmin u bejniethom. Saħansitra l-iljun u l-ħaruf saru ħbieb. Ara dawk l-agħsafar ikkuluriti hekk kif jittajru ’l hawn u ’l hemm, u ismaʼ l-kant sabiħ tagħhom jingħaqad mad-daħq tat-tfal f’li jimla l-arja. Xejn gaġeġ? Le, għax kollox hu ħelsien u ferħ bla rażan f’dan il-qasam. Xomm daqsxejn il-fwieħa taʼ dawk il-fjuri, ismaʼ l-ġiri tax-xmara, ħoss is-sħana ħelwa tax-xemx. O, kemm tixtieq idduq il-frott f’dak il-basket, għax hu l-aħjar li l-art tistaʼ tipproduċi, assolutament l-aħjar, bħal kull ħaġa li tistaʼ tara u tgawdi f’dan il-ġnien glorjuż bħal park.
3 ‘Iżda stenna,’ xi ħadd igħid, ‘fejn huma x-xjuħ? M’għandhomx huma, ukoll, ikollhom sehem minn din is-soċjetà ferħana?’ Attwalment, ix-xjuħ qegħdin hemm, iżda qed jerġgħu jsiru żgħażagħ mill-ġdid. F’dan il-park ħadd ma jmut bix-xjuħija. Iż-żgħar issa jikbru lejn il-maturità u ma jixjiħux. Kemm jekk taʼ 20 sena jew taʼ 200 sena, kull wieħed mill-miljuni taʼ nies li jgħixu f’dan il-park igawdi l-fjur tal-ħajja bħal żagħżugħ, f’saħħa perfetta. Miljuni, qed tgħid? Iva, miljuni, għax dan il-park qed jinfirex mal-art kollha. Se jkun ifur bil-ħajja, bil-paċi, u bis-sbuħija sa truf l-art, minn Fiji sal-Andes, minn Hong Kong sal-Mediterran. Għax l-art kollha qed tiġi trasformata f’ġenna tal-art. Se tkun Ġenna restawrata mal-art kollha.
4 ‘Ma jitwemminx,’ qed tgħid? L-ewwel, iżda, ikkonsidra l-fatti bħala prova. Huwa possibbli għalik u għall-familja tiegħek li ssalvaw meta tgħaddi din is-sistema taʼ affarijiet preżenti kollha nkwiet u li tidħlu fil-Ġenna rrappreżentata fuq il-qoxra tagħna.a
Il-Ktieb Li Jispjega Dwar Il-Ġenna Tal-Art
5. (a) Liema ktieb jispjega dawn l-affarijiet? (b) B’liema modi huwa dan ktieb li jispikka?
5 Dawn l-affarijiet glorjużi kollha, u ċ-ċertezza tagħhom, huma spjegati fi ktieb, l-aqwa ktieb li qatt inkiteb. Dan jissejjaħ il-Bibbja. Huwa ktieb antik ferm, billi partijiet minnu nkitbu madwar 3,500 sena ilu. Fl-istess ħin, huwa l-iktar ktieb aġġornat f’li joffri parir għaqli u prattiku għall-ħajja moderna tal-lum. Il-profeziji tiegħu jqajmu tama mill-isbaħ għall-futur. Huwa l-akbar “best-seller” fl-istorja kollha, b’aktar minn 2,000,000,000 kopja tal-Bibbja kollha jew partijiet ewlenin minnha li tqassmu f’madwar 1,810 lingwi.
6. X’inhu li jiddistingwi l-Bibbja minn kitbiet oħra meqjusin qaddisa?
6 L-ebda ktieb sagru ieħor ma kellu distribuzzjoni hekk universali, u l-biċċa l-kbira m’humiex tant qodma. Il-Koran tal-Islam inkiteb anqas minn 1,400 sena ilu. Buddha u Konfuċju għexu madwar 2,500 sena ilu, u l-kitbiet tagħhom ilhom minn dak iż-żmien. L-Iskrittura tax-Xinto ġiet komposta fil-forma preżenti tagħha anqas minn 1,200 sena ilu. Il-Ktieb tal-Mormoni għandu biss 160 sena. Ebda wieħed minn dawn il-kotba qaddisa ma jeħodna lura b’mod eżatt fl-istorja umana minn 6,000 sena ’l hawn, bħalma tagħmel il-Bibbja. Biex nifhmu r-reliġjon oriġinali, irridu għalhekk immorru fil-Bibbja. Huwa l-uniku ktieb b’messaġġ universali għall-bnedmin kollha.
7. Nies li jaħsbu x’qalu dwar il-Bibbja?
7 L-għerf u s-sbuħija tal-messaġġ tal-Bibbja ġew imfaħħrin minn nies li jaħsbu mad-dinja kollha u minn kull sfond tal-ħajja. Ix-xjenzat famuż Sir Isaac Newton, li skopra l-liġi tal-gravità, qal: “Ebda xjenza m’hi ppruvata aħjar milli hi l-Bibbja.” Patrick Henry, il-mexxej revoluzzjonarju Amerikan li baqaʼ famuż għall-kliem “Agħtini l-libertà, jew agħtini l-mewt,” ukoll iddikjara: “Il-Bibbja tiswa daqs il-kotba l-oħra kollha li qatt ġew stampati.” Anki x-xwejjaħ għaref Ħindu Mohandas K. Gandhi darba qal lill-viċirè Ingliż tal-Indja: “Meta pajjiżek u pajjiżi jingħaqdu flimkien fuq it-tagħlim mogħti minn Kristu fil-Priedka tiegħu tal-Muntanja, se nkunu solvejna l-problemi, mhux biss tal-pajjiżi tagħna iżda wkoll dawk tad-dinja kollha.” Gandhi kien qed jitkellem dwar Mattew kapitli 5 sa 7 fil-Bibbja. Aqra dawn il-kapitli int stess u ara jekk ma tħossokx imqanqal bil-messaġġ qawwi li fihom.
Il-Bibbja—Ktieb Orjentali
8, 9. (a) Għala huwa ħażin li ssejjaħ il-Bibbja ktieb tal-Punent? (b) Il-Bibbja kif inkitbet, u fuq liema perijodu taʼ żmien? (ċ) Il-Bibbja għala tistaʼ tissejjaħ librerija? (d) Kemm kien hemm irġiel li ntużaw biex jiktbu l-Bibbja? (e) Liema xiehda taw xi wħud minn dawn l-irġiel dwar is-Sors tal-Bibbja?
8 Kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna nies, il-Bibbja mhix xi prodott taċ-ċivilizzazzjoni tal-Punent u lanqas ma tigglorifika lil dik iċ-ċiviltà. Kważi l-Bibbja kollha kemm hi nkitbet f’pajjiżi Orjentali. L-irġiel li kitbuha kienu kollha Orjentali. Elf sena qabel Buddha, fis-sena 1513 Q.E.K., Mosè, li għex fil-Lvant Nofsani, ġie mnebbaħ minn Alla biex jikteb l-ewwel ktieb tal-Bibbja, msejjaħ il-Ġenesi. Minn dan il-bidu, il-Bibbja segwiet tema waħda armonjuża li baqgħet l-istess sal-aħħar ktieb tar-Rivelazzjoni. Il-Bibbja ġiet kompluta fis-sena 98 E.K., xi 600 sena wara Buddha. Kont taf li l-Bibbja hija magħmula minn 66 ktieb differenti? Iva, il-Bibbja hija librerija fiha nfisha!
9 B’hekk, tul perijodu taʼ 1,600 minn żmien Mosè ’il quddiem, madwar 40 raġel kellhom sehem f’li jiktbu r-rekord armonjuż tal-Bibbja. Dawn jagħtu xiehda li l-kitbiet tagħhom kienu spirati minn qawwa li hi ferm ogħla minn dik tal-bniedem li jmut. L-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u tiswa għat-tagħlim, għat-twiddib, biex tiddritta l-affarijiet, biex tiddixxiplina fit-tjieba.”b (2 Timotew 3:16) U l-appostlu Pietru spjega: “Ebda profezija tal-Iskrittura ma toħroġ minn xi interpretazzjoni privata. Għax il-profezija f’ebda żmien ma nġiebet bir-rieda tal-bniedem, iżda nies tkellmu minn Alla waqt li kienu mqanqlin mill-ispirtu mqaddes.”—2 Pietru 1:20, 21; 2 Samwel 23:2; Luqa 1:70.
10. (a) Il-Bibbja kif waslet sa żmienna? (b) Għala nistgħu nkunu żguri li għad għandna t-test oriġinali tal-Bibbja spirata?
10 Tassew tal-għaġeb, ukoll, hu l-mod li bih il-Bibbja waslet sa żmienna. Għal eluf taʼ snin, sakemm ġie vvintat l-istampar madwar 500 sena ilu, kopji tal-Bibbja kellhom isiru bl-idejn. L-ebda xogħol letterarju taʼ żmien l-antik ma ġie kkopjat u kkopjat mill-ġdid b’tant diliġenza. Ġie kkopjat għal darba wara l-oħra, iżda dejjem b’attenzjoni kbira. Il-kopjisti għamlu biss ftit żbalji żgħar, u tqabbil tagħhom stabbilixxa t-test oriġinali mnebbaħ minn Alla. Wieħed li hu awtorità ewlenija dwar il-manuskritti tal-Bibbja, Sir Frederic Kenyon, igħid: “L-aħħar traċċi taʼ dubju dwar jekk l-Iskrittura waslitx għandna sostanzjalment kif kienet inkitbet issa tneħħew.” Illum, għadhom jeżistu madwar 16,000 kopja tal-Bibbja jew partijiet tagħha miktubin bl-idejn, li xi wħud minnhom ilhom mit-tieni seklu qabel Kristu. Iktar minn hekk, traduzzjonijiet bir-reqqa saru mil-Lhudi, mill-Aramajk u mill-Grieg, il-lingwi li fihom inkitbet il-Bibbja oriġinalment, għal fi kważi l-lingwi kollha tal-art.
11. Liema sejbiet moderni huma fi qbil mar-rakkont tal-Bibbja?
11 Xi wħud ipprovaw iwaqqgħu l-Bibbja billi jgħidu li mhix eżatta. Madankollu, fi snin riċenti l-arkeoloġisti ħaffru fir-rovini taʼ bliet antiki f’artijiet Bibliċi u sabu skrizzjonijiet u evidenzi oħra li jagħtu prova konklusiva li l-persuni u l-postijiet imsemmija saħansitra fl-eqdem rakkonti Bibliċi tassew eżistew. Minn taħt l-art ġabru ħafna evidenza li kien hemm dulluvju globali, li l-Bibbja tgħid li ġara aktar minn 4,000 sena ilu, fi żmien Noè. Dwar dan il-punt, il-Prinċep Mikasa, arkeoloġista magħruf, stqarr: “Veru kien hemm Dulluvju? . . . Il-fatt li d-dulluvju tassew seħħ ġie pprovat b’mod konvinċenti.”c
Alla tal-Bibbja
12. (a) Xi wħud li jmaqdri x’igħidu dwar Alla? (b) Il-Bibbja għala tirreferi għal Alla bħala Missier? (ċ) Il-Bibbja x’turi li hu isem Alla?
12 Bħalma xi wħud ixenglu rashom dwar il-Bibbja, oħrajn jiddubitaw dwar l-eżistenza taʼ Alla li Jistaʼ Kollox. (2 Pietru 3:3-7) Dawn igħidu, ‘Kif nistaʼ nemmen f’Alla, ladarba ma nistax narah? Hemm xi prova li Ħallieq inviżibbli, li hu akbar mill-bniedem, tassew jeżisti? Ma jinstabx Alla f’kull ħaġa?’ Oħrajn igħidu, ‘M’hemmx Alla jew Buddha.’ Madankollu, il-Bibbja turi li, bħalma aħna lkoll irċevejna l-ħajja permezz taʼ missier fuq l-art, hekk l-antenati oriġinali tagħna rċevew il-ħajja minn Missier tas-sema, jew Ħallieq, li l-isem persunali tiegħu hu Jehovah.—Salm 83:18; 100:3; Isaija 12:2; 26:4.
13. Jehovah b’liema żewġ modi kixef lilu nnifsu lill-bnedmin?
13 Jehovah ħalla lilu nnifsu jsir magħruf mill-bnedmin b’żewġ modi li jispikkaw. Il-mod prinċipali hu permezz tal-Bibbja, li tgħarraf il-veritajiet tiegħu u l-għanijiet eterni tiegħu. (Ġwann 17:17; 1 Pietru 1:24, 25) Il-mod l-ieħor hu permezz tal-ħolqien tiegħu. Billi osservaw l-affarijiet meraviljużi taʼ madwarhom, bosta nies waslu biex japprezzaw li bilfors hemm Alla-Ħallieq li l-personalità grandjuża tiegħu hi riflessa f’xogħlijietu.—Rivelazzjoni 15:3, 4.
14. Il-Bibbja x’tgħidilna dwar Jehovah?
14 Alla Jehovah hu l-Awtur tal-Bibbja. Huwa l-Ispirtu l-Kbir li ilu jeżisti tul l-eternità kollha. (Ġwann 4:24; Salm 90:1, 2) Ismu “Jehovah” jiġbed l-attenzjoni lejn il-għan tiegħu għall-ħlejjaq tiegħu. Huwa l-għan tiegħu li jnaddaf dak l-isem kbir billi jeqred lill-ħżiena u jżomm ħajjin lil dawk li jħobbuh biex jistgħu jgħixu f’Ġenna tal-art. (Eżodu 6:2-8; Isaija 35:1, 2) Billi hu dak Alla li Jistaʼ Kollox, għandu l-qawwa li jagħmlu dan. Bħala l-Ħallieq tal-univers kollu, hu ferm ogħla minn kull alla jew idolu nazzjonali ordinarju.—Isaija 42:5, 8; Salm 115:1, 4-8.
15. Studji dwar il-ħolqien minn nies intelliġenti wasslu għal liema konklużjonijiet?
15 Tul l-aħħar seklu, nies taʼ xjenza qattgħu ħafna ħin jistudjaw ix-xogħlijiet tal-ħolqien. X’ikkonkludew? Wieħed mill-pijunieri fil-qasam tal-elettriku, il-fiżiċista magħruf Ingliż Lord Kelvin, iddikjara: “Jiena nemmen li iktar ma tiġi studjata bir-reqqa x-xjenza iktar teħodna ’l bogħod minn kull ħaġa li titqabbel mal-atejiżmu.” Ix-xjenzat imwieled fl-Ewropa Albert Einstein, għalkemm jingħad li kien ateju, stqarr: “Huwa biżżejjed għalija li . . . nirrifletti dwar l-istruttura meraviljuża tal-univers, li bil-kemm għadna lmaħnieh, u nipprova umilment nifhem anki parti l-iktar ċkejkna tal-intelligenza li tidher fin-natura.” Ix-xjenzat Amerikan u rebbieħ tal-premju Nobel Arthur Holly Compton qal: “Univers li qed jinkixef b’mod ordnat jixhed għall-verità tal-aktar stqarrija majestuża li qatt intlissnet—‘Fil-bidu Alla.’” Hu kien qed jikkwota l-kelmiet li bihom il-Bibbja tiftaħ.
16. L-univers kif ifaħħar il-għerf kreattiv u l-qawwa t’Alla?
16 Ħakkiema taʼ ġnus setgħana forsi jiftaħru dwar l-intelliġenza tagħhom u t-twettieq xjentifiku billi rnexxielhom jibagħtu n-nies fl-ispazju. Iżda kemm huma nsinjifikanti s-satelliti spazjali tagħhom meta tqabbilhom mal-qamar li jdur madwar l-art, u l-pjaneti li jduru madwar ix-xemx! Kemm huma vojta t-twettiqiet taʼ dawn in-nies mortali meta tqabbilhom mal-ħolqien minn Jehovah taʼ biljuni taʼ galassi fis-smewwiet, li kull galassa fiha biljuni taʼ xmux bħal tagħna u li Hu ġabarhom u poġġiehom fl-ispazju għal żmien li ma jistax jitkejjel! (Salm 19:1, 2; Ġob 26:7, 14) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah iqis lill-bnedmin daqs li kieku ġurati, u lil ġnus setgħana “bħala xejn.”—Isaija 40:13-18, 22.
17. Għala hu raġonevoli li temmen f’Ħallieq?
17 Inti tgħix f’dar? Probabbli li mhux int stess bnejtha d-dar, u lanqas taf min bnieha. Madankollu, il-fatt li ma tafx min kien il-bennej ma jtellfekx milli taċċetta l-verità li xi persuna ntelliġenti bnieha. Li tirraġuna li d-dar bniet lilha nfisha jkun jidher stupidu ferm! Ladarba l-univers kbir, u dak kollu li hemm fih, jinħtieġ intelliġenza ferm u ferm akbar biex ġie kostruwit, ma hux raġonevoli li tikkonkludi li bilfors irid ikun hemm Ħallieq Intelliġenti? Tabilħaqq, l-iblah biss igħid f’qalbu, “M’hemm ebda Jehovah.”—Salm 14:1; Lhud 3:4.
18. X’juri li Alla hu persuna, u jixraqlu kull tifħir?
18 L-egħġubijiet glorjużi taʼ madwarna—il-fjuri, l-agħsafar, l-annimali, il-ħolqien meraviljuż imsejjaħ il-bniedem, il-mirakli tal-ħajja u t-twelid—dawn kollha jagħtu xiehda għas-Sid Intelliġenti nviżibbli li pproduċiehom. (Rumani 1:20) Fejn hemm intellett, hemm moħħ. Fejn hemm moħħ, hemm persuna. L-intellett suprem huwa dik il-Persuna Suprema, il-Ħallieq taʼ kull ħaġa ħajja, il-Għajn tal-ħajja nnifsu. (Salm 36:9) Il-Ħallieq tassew jixraqlu kull tifħir u adorazzjoni.—Salm 104:24; Rivelazzjoni 4:11.
19. (a) Għala ma jistaʼ ebda ġens illum igħid li ngħata r-rebħa fi gwerra minn Alla? (b) Alla għala m’għandu l-ebda parti mill-gwerer tal-ġnus?
19 Hemm xi wħud li t-twemmin tagħhom f’Alla ġie mriegħed bl-esperjenzi ħorox tat-Tieni Gwerra Dinjija. F’dak iż-żmien kull pajjiż talab lil “Alla” tiegħu, kemm jekk tar-reliġjon Kattolka jew Protestanta jew tar-reliġjonijiet Orjentali. Jistaʼ jingħad li “Alla” ta r-rebħa lil xi wħud minn dawn il-ġnus u ħalla lil oħrajn jiġu megħluba? Il-Bibbja turi li l-ebda wieħed minn dawn il-ġnus ma kien qed isejjaħ lill-veru Alla. Alla Jehovah, il-Ħallieq tas-sema u l-art, m’huwiex responsabbli għall-konfużjoni u l-gwerer taʼ bejn il-ġnus. (1 Korintin 14:33) Ħsibijietu huma ferm ogħla minn dawk tal-ġnus politiċi u militari tal-art. (Isaija 55:8, 9) Bl-istess mod, il-vera reliġjon u l-qima taʼ Jehovah ma għandhom l-ebda sehem fil-gwerer tal-ġnus. Jehovah huwa ferm ogħla mill-allat nazzjonalistiċi. Huwa uniku billi hu Alla taʼ rġiel u nisa li jħobbu l-paċi mill-ġnus kollha. Bħalma tgħid il-Bibbja: “Alla mhux parzjali, iżda f’kull ġens il-bniedem li jibżaʼ minnu u jagħmel is-sewwa hu milqugħ minnu.” (Atti 10:34, 35) Persuni nklinati lejn is-sewwa mill-ġnus kollha qegħdin issa jitgħallmu l-Bibbja u jħaddnu l-qima tal-veru “Alla li jagħti l-paċi,” il-Ħallieq tal-bnedmin kollha.—Rumani 16:20; Atti 17:24-27.
20. X’juri li l-Kristjaneżmu hu kontra Alla u mhux Kristjan?
20 Xi nies jippuntaw lejn il-qsim u l-ipokrezija fir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu, li jgħidu li jsegwu l-Bibbja. Huma jgħidu wkoll, ‘Kif nistaʼ nemmen f’Alla tal-Bibbja, meta l-ġnus li għandhom il-Bibbja huma fost dawk li qed jaħżnu bla rażan l-armi nukleari?’ Il-fatt hu li, waqt li l-Bibbja tibqaʼ dejjem vera, il-ġnus tal-Kristjaneżmu saru mbegħdin mill-Kristjanità tal-Bibbja daqs kemm in-North Pole hu mbiegħed mis-South Pole. Huma ipokriti f’li jgħidu li huma Kristjani. Għandhom il-Bibbja, iżda ma jobdux it-tagħlim tagħha. Il-president Amerikan li ta l-ordni biex tintafaʼ l-ewwel bomba atomika fuq Hiroxima darba qal: “O, mhux li kieku kellna xi Isaija jew xi San Pawl!” biex jiggwidaw lill-bnedmin f’din il-kriżi dinjija. Kieku kien jaqbel maʼ Isaija tal-Bibbja, kieku qatt ma kien jixħet il-bomba atomika, għax Isaija ħeġġeġ biex ‘is-sjuf jagħmluhom sikek tal-moħriet u l-lanez imqassijiet taż-żabra.’ Iktar minn hekk, kien Pawlu tal-Bibbja li ddikjara: “Ma nagħmlux gwerra skond dak li aħna fil-laħam. Għax l-armi tal-gwerra tagħna m’humiex tal-laħam.” (Isaija 2:4; 2 Korintin 10:3, 4) Madankollu, minflok ma jsegwu l-parir għaqli tal-Bibbja, il-ġnus tal-Kristjaneżmu involvew irwieħhom f’tellieqa suwiċidali tal-armamenti. Kull stqarrija li jagħmlu li huma Kristjani li jobdu l-Bibbja hi falza. Se jkollhom jiffaċċjaw il-ġudizzju t’Alla talli naqsu li jagħmlu r-rieda tiegħu.—Mattew 7:18-23; Sofonija 1:17, 18.
Il-Ħolqien u l-Mirakli taʼ Jehovah
21. Għala hu raġonevoli li ma tiddubitax il-mirakli t’Alla?
21 Jehovah joħloq, u jwettaq il-mirakli. Qatt ħsibt dwar il-bdil tal-ilma f’demm, il-frid tal-Baħar l-Aħmar, it-twelid taʼ Ġesù minn verġni, u mirakli oħra li naqraw dwarhom fil-Bibbja? Ladarba l-bniedem għandu qawwa ntellettwali limitata, probabbli qatt ma se jifhem kif ġraw xi wħud minn dawn il-mirakli, l-istess bħalma ma jistax jifhem għalkollox il-miraklu taʼ tlugħ u nżul ix-xemx kuljum. Il-ħolqien tal-bniedem huwa miraklu. Il-bniedem modern ma rahx dak il-miraklu, iżda jaf li ġara, għax hu ħaj illum biex jagħti prova taʼ dan. Tabilħaqq, il-ħajja kollha u l-univers kollu jikkostitwixxu miraklu wieħed perpetwu. Allura sejrin aħna niddubitaw meta l-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tgħid li hi wettqet mirakli speċifiċi għal żminijiet speċifiċi, għalkemm mirakli bħal dawn ma humiex meħtieġa llum?
22. Iddeskrivi l-ewwel ħolqien t’Alla.
22 Il-ħolqien kollu taʼ Jehovah huwa mirakoluż u tal-għaġeb! Madankollu, l-ewwel ħolqien stess tiegħu kien l-aktar wieħed meraviljuż minnhom kollha. Kien il-ħolqien taʼ Iben spirtu, l-“ewwel imwieled” tiegħu. (Kolossin 1:15) Dan l-Iben tas-sema sar jismu “l-Kelma.” Żmien twil ferm wara l-ħolqien tiegħu, hu ġie fuq din l-art u ġie msejjaħ “il-bniedem, Kristu Ġesù.” (1 Timotew 2:5) Imbagħad intqal dwaru: “Mela l-kelma saret laħam u għammret fostna, u aħna kellna dehra tal-glorja tagħha, glorja bħalma tappartjeni lil iben uniġenitu minn missier; u kien mimli ħniena mhix mistħoqqa u verità.”—Ġwann 1:14.
23. (a) Ir-relazzjoni bejn Alla u Ibnu kif tistaʼ tiġi spjegata? (b) Permezz taʼ Ibnu, Jehovah x’ħalaq?
23 Ir-relazzjoni taʼ bejn Jehovah u Ibnu tistaʼ titqabbel maʼ dik taʼ wieħed li hu sid u mgħallem u ibnu f’azjenda, fejn l-iben igħin f’li jagħmel affarijiet iddisinjati minn missieru. Permezz tal-ewwel Iben u ħaddiem bi sħab tiegħu, Jehovah ħalaq ħafna ħlejjaq spirti oħra, ulied Alla. Iktar tard, dawn ferħu meta raw lill-Iben taʼ Jehovah, il-Ħaddiem Ewlieni tiegħu, iġib ’il quddiem is-smewwiet materjali u l-art li fuqha ngħixu. Tiddubita int li dawn l-affarijiet inħolqu? Eluf taʼ snin ilu, Jehovah staqsa lil wieħed raġel lejali: “Fejn inzertajt li kont int meta jien sejjist l-art? Għidli, jekk int taf il-għarfien. Meta l-kwiekeb taʼ fil-għodu għajtu bil-ferħ, u wlied Alla kollha bdew igħajtu b’applaws?”—Ġob 38:4, 7; Ġwann 1:3.
24. (a) Liema ħolqien tal-art minn Jehovah jispikka, u b’liema modi? (b) Għala mhux raġonevoli li tgħid li l-bniedem evolva ’l fuq mill-annimali?
24 Maż-żmien, Jehovah ħalaq affarijiet materjali ħajjin fuq din l-art, il-pjanti, is-siġar, il-fjuri, il-ħut, l-agħsafar, u l-annimali. (Ġenesi 1:11-13, 20-25) Imbagħad Alla qal lill-Ħaddiem Ewlieni tiegħu: “Ħa nagħmlu l-bniedem fix-xbieha tagħna, skond ix-xebh tagħna . . . U Alla ssokta joħloq lir-raġel fi xbieha tiegħu, fi xbieha t’Alla ħolqu; raġel u mara ħalaqhom.” (Ġenesi 1:26, 27) Billi ġie maħluq fi xbieha u fix-xebh t’Alla, bl-attributi l-kbar t’Alla tal-imħabba, l-għerf, il-ġustizzja, u l-qawwa, il-bniedem oriġinali kien ferm aktar superjuri mill-annimali. Il-bniedem huwa fi klassi apparti mill-annimali billi hu kapaċi jirraġuna, jistaʼ jippjana għall-futur, u għandu l-kapaċità li jqim lil Alla. L-annimali m’għandhomx intellett biex jirraġunaw bih, iżda jgħixu bl-istint. Kemm ma hux raġonevoli li tgħid li m’hemmx Ħallieq iżda li l-bniedem bħala ħlejjaq intelliġenti u mogħni tant evolva ’l fuq minn annimali mhux intelliġenti u iktar baxxi!—Salm 92:6, 7; 139:14.
25, 26. (a) Liema prospett grandjuż tqiegħed quddiem il-bniedem? (b) Għala m’hu se jkun hemm ebda problema taʼ popolazzjoni żejda fuq l-art?
25 Alla poġġa lill-bniedem fi “ġnien taʼ Għeden, lejn il-Lvant.” Kien ġnien taʼ pjaċir, bħall-ġnien fuq il-qoxra taʼ dan il-ktejjeb, għalkemm kien għad hemm żewġ bnedmin biss, Adam u martu. Din il-Ġenna tal-Art oriġinali m’għadhiex teżisti, billi nqerdet fid-Dulluvju taʼ żmien Noè. Iżda l-lok approssimattiv tiegħu fil-Lvant Nofsani huwa magħruf, peress li ċerti xmajjar imsemmijin fil-Bibbja bħala li jgħaddu minnha għadhom hemm sal-lum. (Ġenesi 2:7-14) Il-bniedem kellu l-opportunità grandjuża li juża dan il-ġnien bħala ċentru li minnu kellu jifrex ’il barra u jikkultiva l-art kollha kemm hi, ħalli ssir ġenna globali.—Isaija 45:12, 18.
26 Bħalma Alla u Ibnu huma t-tnejn ħaddiema, hekk ukoll Alla ta xogħol lill-bniedem x’jagħmel fuq l-art. (Ġwann 5:17) Lil Adam u Eva, l-ewwel raġel u mara, qalilhom: “Kunu għammiela u siru ħafna u imlew l-art u rażżnuha, u ħa jkollkom suġġetti lejkom il-ħut tal-baħar u l-ħlejjaq li jtiru tas-smewwiet u kull ħlejqa ħajja li qed titħarrek fuq l-art.” (Ġenesi 1:28) Kien ifisser dan li l-bniedem kellu jimmoltiplika, jimla l-art, u mbagħad jibqaʼ jimmoltiplika sakemm l-art kienet tfur bin-nies? Le. Meta xi ħadd igħidlek biex timla kikkra bit-te, int ma tibqax tferraʼ sakemm it-te jfur mill-kikkra u jinxtered fuq il-mejda. Int timla l-kikkra u mbagħad tieqaf. Bl-istess mod, Jehovah ikkmanda lill-bnedmin, “Imlew l-art,” b’mod li indika l-għan tiegħu li l-bnedmin jimlew l-art b’mod konfortabbli, u mbagħad ir-riproduzzjoni tal-bnedmin hawn fuq l-art kellha tieqaf. Din ma tippreżenta ebda problema f’soċjetà umana perfetta. Huwa biss fid-dinja taʼ bnedmin imperfetti tal-lum li ż-żjieda kbira fil-popolazzjoni qed toħloq problema.
L-Affarijiet Ħżiena—Alla Għala Jippermettihom?
27. Liema mistoqsijiet issa jinħtieġu tweġiba?
27 Jekk il-għan t’Alla hu li jibni ġenna tal-art, kif inhu li l-art illum hi mimlija bil-ħażen, bit-tbatija, u bin-niket? Jekk Alla hu wieħed li Jistaʼ Kollox, għala ppermetta dawn il-kundizzjonijiet għal tant żmien? Hemm xi tama għal tmiem tal-inkwiet kollu tagħna? Il-Bibbja xi tgħid?
28. L-irvell kif daħal fil-ġnien tal-Ġenna tal-art?
28 Il-Bibbja turi li l-inkwiet tad-dinja beda meta wieħed mill-ulied spirti t’Alla rvella kontra s-sovranità, jew id-dominanza, taʼ Jehovah. (Rumani 1:20; Salm 103:22, nota taʼ taħt fin-NW Ref. Bi.) Bla dubju dan l-anġlu kien fost dawk li kienu ferħu meta raw il-ħolqien tal-bniedem. Iżda mbagħad ir-regħba u l-kburija sabu l-egħruq f’qalbu, u ġie mħajjar mix-xewqa li Adam u Eva jqimu lilu minflok lill-Ħallieq tagħhom, Jehovah. Billi tkellem permezz taʼ serpent, l-istess bħalma ventrilokwist jitkellem permezz taʼ pupu, dan l-anġlu qanqal lil Eva biex tkun diżubbidjenti lejn Alla li Jistaʼ Kollox. Żewġha Adam imbagħad segwieha fid-diżubbidjenza tagħha.—Ġenesi 2:15-17; 3:1-6; Ġakbu 1:14, 15.
29. (a) Liema kwistjonijiet qamu biex jiġu determinati? (b) Alla kif laqaʼ l-isfida? (ċ) Kif tistaʼ int ikollok sehem f’li tipprovdi tweġiba għall-inbix taʼ Satana?
29 Dak l-anġlu ribelluż sar magħruf bħala “s-serpent oriġinali.” (Rivelazzjoni 12:9; 2 Korintin 11:3) Huwa jissejjaħ ukoll Satana, li jfisser “Wieħed li jopponi,” u Xitan, li jfisser “Kalunnjatur.” Hu qajjem kwistjoni dwar jekk hux sewwa u jekk għandux dritt li Jehovah jaħkem fuq l-art, u sfida ’l Alla li issa hu, Satana, kien kapaċi jdawwar lill-bnedmin kollha mill-qima vera. Alla ħalla lil Satana għal madwar 6,000 sena biex jipprova jwettaq l-isfida tiegħu, u dan sabiex il-kwistjoni dwar is-sovranità taʼ Jehovah tkun tistaʼ tiġi stabbilita għall-eternità kollha. Il-ħakma tal-bniedem indipendentement minn Alla falliet b’mod tal-biki. Iżda rġiel u nisa taʼ fidi, li fosthom Ġesù huwa l-eżempju li jispikka, żammew l-integrità lejn Alla taħt provi l-aktar ħorox, b’mod li wrew li Jehovah għandu raġun u li x-Xitan huwa giddieb. (Luqa 4:1-13; Ġob 1:7-12; 2:1-6; 27:5) Int, ukoll, tistaʼ tkun wieħed li żżomm l-integrità. (Qwiel 27:11) Iżda Satana m’huwiex l-uniku għadu li jweġġagħna. X’għadu ieħor hemm?
Il-Għadu—Il-Mewt
30. L-Iskrittura xi tgħid dwar il-kastig li jirriżulta lill-bniedem minħabba d-diżubbidjenza?
30 Alla kien stqarr x’kellu jkun il-kastig għad-diżubbidjenza—il-mewt. Meta għadda s-sentenza fuq l-ewwel mara, Jehovah qal: “Jien se nżid bil-kbir l-uġigħ tat-tqala tiegħek; fl-uġigħ tat-twelid inti twelled it-tfal, u x-xenqa tiegħek se tkun għal żewġek, u hu se jiddominak.” Lir-raġel Adam qallu: “Fil-għaraq taʼ wiċċek se tiekol il-ħobż sakemm terġaʼ lura lejn l-art, għax minnha kont meħud. Għax trab int u lejn it-trab se terġaʼ lura.” (Ġenesi 3:16-19) Dik il-koppja diżubbidjenti tkeċċiet ’il barra mill-Ġenna taʼ ferħ għal ġol-art mhix ikkultivata. Maż-żmien mietu.—Ġenesi 5:5.
31. X’inhu d-dnub, u x’kien ir-riżultat tiegħu għall-bnedmin?
31 Kien biss wara li naqsu li jilħqu l-marka tal-perfezzjoni li Adam u Eva bdew jipproduċu t-tfal. Il-bnedmin kollha llum huma d-dixxendenti tagħhom fl-imperfezzjoni, u b’hekk kollha mmutu. Wieħed kittieb tal-Bibbja spjegaha b’dawn il-kelmiet: “Bi bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja u l-mewt permezz tad-dnub, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għaliex kollha kienu dinbu.” X’inhu dan id-“dnub”? Huwa li tonqos li tilħaq il-marka tal-perfezzjoni jew li tkun komplut. Jehovah ma japprovax u ma jżommx ħaj lil kull ħaġa li mhix perfetta. Ladarba l-bnedmin kollha wirtu d-dnub u l-imperfezzjoni mill-ewwel raġel Adam, il-mewt “ħakmet bħala sultan” fuqhom. (Rumani 5:12, 14) Il-bniedem midneb imut, bl-istess mod li l-annimali jmutu.—Ekkleżjasti 3:19-21.
32. Il-Bibbja kif tiddeskriviha l-mewt li writna?
32 X’inhi din il-“mewt”? Il-mewt hi l-oppost tal-ħajja. Alla kien poġġa quddiem il-bniedem il-prospett taʼ ħajja bla tmiem fuq l-art jekk jobdih. Madankollu, ma obdiex, u l-kastig kien il-mewt, stat taʼ li ma tħoss xejn, ma tkunx teżisti. Alla ma kien qal xejn dwar li jitrasferixxi l-ħajja tal-bniedem għal xi qasam tal-ispirti jew għal “infern” tan-nar jekk ma jobdix u jmut. Hu kien wissa lir-raġel: “Int żgur tmut.” Kien il-qattiel tal-bnedmin ix-Xitan li gideb meta qal: “Intom żgur ma tmutux.” (Ġenesi 2:17; 3:4; Ġwann 8:44) Dak li l-bnedmin kollha wirtu minn Adam huwa mewta fit-trab.—Ekkleżjasti 9:5, 10; Salm 115:17; 146:4.
33. (a) Liema futur glorjuż hemm għall-bniedem u għal din l-art? (b) Liema tliet affarijiet importanti jwettaq Jehovah permezz taʼ Ibnu?
33 Ma hemm, allura, l-ebda futur għall-bniedem li jmut? Hemm tassew futur tal-għaġeb! Il-Bibbja turi li l-għan t’Alla li jkollu ġenna tal-art għall-bnedmin kollha, inklużi dawk li diġà mietu, qatt ma se jfalli. Jehovah igħid: “Is-smewwiet huma t-tron tiegħi, u l-art hi l-banketta taʼ saqajja.” “Jien se nigglorifika l-istess post taʼ saqajja.” (Isaija 66:1; 60:13) Sforz l-abbundanza taʼ mħabbtu, Jehovah bagħat lil Ibnu, il-Kelma, lejn din l-art, biex id-dinja tkun tistaʼ tikseb il-ħajja permezz tiegħu. (Ġwann 3:16; 1 Ġwann 4:9) Hemm tliet affarijiet importanti li rridu issa niddiskutu u li Jehovah wettaq permezz taʼ Ibnu, jiġifieri, (1) li jipprovdi ħelsien mis-setgħa tal-mewt; (2) li attwalment iġib il-mejtin lura għall-ħajja; u (3) li jistabbilixxi gvern perfett fuq il-bnedmin kollha.
Ħelsien mill-Mewt
34, 35. (a) Il-bniedem kif biss setaʼ jiġi mifdi mill-mewt? (b) X’inhu rahan?
34 Minn żmien il-qedem, il-profeti t’Alla esprimew il-fiduċja tagħhom, mhux fl-immortalità tal-bniedem, iżda fit-tama li Alla kien se “jġibhom lura” mill-mewt. (Ħosea 13:14) Iżda l-bniedem kif setaʼ jkun meħlus mill-irbit tal-mewt? Il-ġustizzja perfetta taʼ Jehovah kienet tirrikjedi ‘ruħ għal ruħ, għajn għal għajn, sinna għal sinna.’ (Dewteronomju 19:21) B’hekk, ladarba Adam ġab il-mewt li tintiret għall-bnedmin kollha billi m’obdiex apposta lil Alla u hekk tilef il-perfezzjoni tal-ħajja umana, bniedem perfett ieħor kellu jissostitwixxi lil Adam billi jħallas bil-ħajja perfetta tiegħu, biex jixtri lura dak li Adam kien tilef.
35 Il-prinċipju ġust taʼ li tħallas ‘għajn b’għajn u sinna b’sinna’ ġie aċċettat fil-wisgħa tul l-istorja. L-espressjoni li soltu tintuża hi “li tħallas ir-rahan.” X’inhu rahan? Huwa “prezz imħallas biex tikseb lura lil xi persuna jew xi ħaġa minn xi ħadd li jkun qed jaħtaf lil dik il-persuna jew il-ħaġa. B’hekk il-priġunieri tal-gwerra jew l-ostaġġi jingħad li jkunu mifdijin b’rahan meta jinħelsu bi bdil maʼ xi ħaġa taʼ valur. . . . Hu x’inhu li jiġi sostitwit jew impartat bħala kumpens għal dak li jinħeles huwa r-rahan tiegħu.”d Mindu sar id-dnub t’Adam, il-bnedmin kollha kienu bħal priġunieri tal-gwerra jew irsiera, marbutin bil-ktajjen tal-imperfezzjoni u l-mewt. Biex jinħelsu, rahan kellu jiġi pprovdut. Biex tiġi evitata kull kontroversja issa jew iktar tard rigward kemm hu xieraq il-prezz tar-rahan, kellu jkun neċessarju li tiġi ssagrifikata ħajja umana perfetta, jiġifieri, l-ekwivalenti eżatta taʼ Adam.
36. Jehovah kif ipprovda ħajja umana perfetta bħala rahan?
36 Madankollu, fejn setgħet tinstab ħajja umana perfetta bħal din? Il-bnedmin kollha, bħala dixxendenti taʼ Adam l-imperfett, twieldu mperfetti. “L-ebda wieħed minnhom ma jistaʼ b’xi mod jifdi mqar lil ħuh, lanqas li jagħti lil Alla rahan għalih.” (Salm 49:7) Biex iwieġeb għal dik il-ħtieġa, Jehovah, imqanqal mill-imħabba profonda tiegħu għall-bnedmin, attwalment ipprovda lill-Iben prezzjuż “l-ewwel imwieled” tiegħu biex isir is-sagrifiċċju meħtieġ. Hu trasferixxa l-ħajja perfetta taʼ dan l-Iben spirtu, il-Kelma, ġewwa l-ġuf taʼ xebba Lhudija, Marija. Il-mara żagħżugħa kkonċepiet u maż-żmien welldet iben, li ġie msemmi “Ġesù.” (Mattew 1:18-25) Il-Ħallieq tal-ħajja żgur li kien se jkun kapaċi jwettaq miraklu meraviljuż bħal dan.
37. Ġesù kif wera mħabbtu lejn il-bnedmin kollha li jixtiequ l-ħajja?
37 Ġesù kiber biex sar raġel, ippreżenta ruħu lil Jehovah, u tgħammed. Alla mbagħad ħatru biex jagħmel ir-rieda Tiegħu. (Mattew 3:13, 16, 17) Ladarba l-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art ġiet mis-sema u hu kien perfett, hu setaʼ jissagrifika dik il-ħajja umana perfetta, biex jużaha ħalli jeħles lill-bnedmin mill-mewt. (Rumani 6:23; 5:18, 19) Bħalma qal hu: “Jien ġejt biex huma jistaʼ jkollhom il-ħajja u jkollhom lilha bil-kotra.” “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd għandu jċedi ruħu għal ħbiebu.” (Ġwann 10:10; 15:13) Meta Satana kkaġuna l-qtil taʼ Ġesù fuq zokk tat-torturi, Ġesù ssottometta għal din il-mewta krudili, billi kien jaf li l-bnedmin li jeżerċitaw fidi fih kienu se jiksbu l-ħajja permezz taʼ dan il-provvediment taʼ rahan.—Mattew 20:28; 1 Timotew 2:5, 6.
Restorazzjoni għall-Ħajja
38. L-Iben t’Alla kif ingħata lura l-ħajja, u x’hemm li juri dan?
38 Għalkemm l-egħdewwa tiegħu qatluh, l-Iben t’Alla qatt ma tilef id-dritt tiegħu għal ħajja umana perfetta, għax hu kien żamm l-integrità tiegħu lejn Alla. Iżda, bħala wieħed mejjet fil-qabar, kif setaʼ Ġesù juża din il-ħaġa tant imprezzabbli, id-dritt għal ħajja umana, biex igħin lill-bnedmin? Kien hawn li Jehovah wettaq miraklu ieħor, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu. Fit-tielet jum mit-tqegħid taʼ Ġesù fil-qabar, Jehovah qajmu mill-mewt bħala ħlejqa spirtu, immortali. (Rumani 6:9; 1 Pietru 3:18) Biex jistabbilixxi t-twemmin fl-irxoxt, f’okkażjonijiet differenti Ġesù mmaterjalizza iġsma umani u deher lid-dixxipli tiegħu, darba minnhom lil 500 jew aktar minnhom. L-ebda wieħed minn dawn u lanqas l-appostlu Pawlu li aktar tard għama meta deherlu Ġesù gglorifikat, ma kellu xi raġuni li jiddubita l-miraklu tal-irxoxt.—1 Korintin 15:3-8; Atti 9:1-9.
39. (a) Ġesù kif juża l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu, u l-ewwel b’riżq min? (b) Dwar liema miraklu kbir ieħor tkellem Ġesù?
39 Wara 40 jum Ġesù rxoxtat telaʼ ’l fuq ġewwa l-preżenza t’Alla nnifsu fis-smewwiet, biex hemm jippreżenta l-valur tas-sagrifiċċju uman perfett tiegħu bħala ħelsien għall-bnedmin. “Iżda dan ir-raġel offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet għal dejjem u qagħad fuq il-lemin t’Alla, minn dak iż-żmien ’il quddiem jistenna sakemm l-egħdewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh.” (Lhud 10:12, 13) L-ewwel uħud li kellhom jinħelsu permezz taʼ dan ir-rahan huma “merħla ċkejkna” taʼ Kristjani lejali “li huma tal-Kristu.” (Luqa 12:32; 1 Korintin 15:22, 23) Dawn huma “mixtrijin minn fost il-bnedmin,” u b’hekk fl-irxoxt huma jsiru mseħbin spirti taʼ Kristu fis-smewwiet. (Rivelazzjoni 14:1-5) Madankollu, x’ingħidu dwar il-mases kbar taʼ bnedmin li issa jinsabu mejtin fl-oqbra? Meta kien fuq din l-art, Ġesù qal li Missieru kien tah l-awtorità li jiġġudika u jagħti l-ħajja. Huwa żied: “Tistagħġbux b’dan għax ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha fl-oqbra tal-mafkar se jisimgħu leħnu u joħorġu, . . . għal irxoxt.” (Ġwann 5:26-29) Hu se jerġaʼ jġib lil dawn lura għall-ħajja fil-Ġenna tal-art.
40, 41. (a) Spjega eżatt xi jfisser “irxoxt.” (b) Għala jistaʼ jkollna fidi fil-wegħda t’Alla taʼ rxoxt?
40 Innota l-kliem taʼ Ġesù, “Tistagħġbux b’dan.” Xorta waħda, kif jistaʼ wieħed li ilu mejjet jinħeles mill-mewt u jinġieb lura għall-ħajja? Ma reġax ġismu lura lejn it-trab? Partijiet li kienu jiffurmaw dak il-ġisem forsi saħansitra saru jiffurmaw parti minn affarijiet ħajjin oħra, bħalma huma pjanti u annimali. Madankollu, l-irxoxt ma jfissirx li terġaʼ ġġib l-istess elementi kimiċi flimkien mill-ġdid. Ifisser li Alla joħloq mill-ġdid lill-istess persuna, bl-istess personalità. Hu jislet ġisem ġdid mill-elementi tal-art, u f’dak il-ġisem iqiegħed l-istess karatteristiċi, l-istess kwalitajiet distintivi, l-istess memorja, l-istess drawwiet tal-ħajja li dik il-persuna kienet bniet saż-żmien li mietet.
41 Forsi ġralek xi darba li darek li tant kont tħobb inħarqet. Madankollu, int stajt faċilment terġaʼ tibni l-istess dar, għax il-mudell bid-dettalji tant maħbuba tagħha huwa ċar ferm fil-memorja tiegħek. Żgur, mela, li Alla li hu l-Oriġinatur tal-memorja jistaʼ joħloq mill-ġdid lill-bnedmin li lilhom ikun żamm fil-memorja tiegħu għax ħabbhom. (Isaija 64:8) Huwa għalhekk li l-Bibbja tuża l-espressjoni “oqbra tal-mafkar.” Meta jasal iż-żmien xieraq t’Alla biex iġib il-mejtin lura għall-ħajja, hu se jwettaq dak il-miraklu, sewwa sew bħalma wettaq miraklu f’li ħalaq lill-ewwel raġel, biss din id-darba se jwettqu għal bosta u bosta drabi.—Ġenesi 2:7; Atti 24:15.
42. Il-ħajja taʼ dejjem fuq l-art għala hi possibbli u ċerta?
42 Alla se jġib lill-bnedmin lura għall-ħajja, bil-prospett taʼ li qatt ma jerġgħu jmutu minn fuq l-art. Iżda kif jistaʼ jkun li tgħix għal dejjem fuq l-art? Jistaʼ u żgur li jkun għaliex hija r-rieda u l-għan t’Alla. (Ġwann 6:37-40; Mattew 6:10) L-unika raġuni għala l-bniedem imut minn fuq l-art illum hi għax wiret il-mewt minn Adam. Madankollu, meta nqisu l-varjetà infinita taʼ affarijiet tal-għaġeb fuq l-art li l-bniedem suppost li jgawdi, iż-żmien qasir li ngħixu taʼ inqas minn mitt sena huwa qasir wisq! Meta ta din l-art lil ulied il-bnedmin, Alla kellu f’moħħu li l-bniedem jibqaʼ jgħix u jgawdi l-isplendur tal-ħolqien Tiegħu, mhux biss għal mitt sena, jew saħansitra għal elf sena, iżda għal dejjem!—Salm 115:16; 133:3.
Il-Gvern Perfett tal-Paċi
43. (a) Liema ħtieġa hemm għal gvern perfett? (b) X’inhu l-għan taʼ Jehovah f’dan ir-rigward?
43 Billi l-ewwel ġenituri tagħna ċaħdu l-liġi t’Alla, il-gvern uman ġie taħt il-kontroll taʼ Satana. B’mod xieraq il-Bibbja ssejjaħ lil Satana “l-alla taʼ dis-sistema taʼ affarijiet.” (2 Korintin 4:4) Il-gwerer, il-ħruxijiet, il-korruzzjoni, u l-instabilità tal-gvernijiet umani jagħtu prova taʼ dan. Il-Lega tan-Nazzjonijiet u l-Ġnus Magħquda naqsu li jġibu l-paċi fost il-konfużjoni. Il-bniedem qed jitlob bil-ħniena għal gvern taʼ paċi. Ma taħsibx li hu raġonevoli li l-Ħallieq, li bi ħsiebu jġedded il-Ġenna fuq din l-art, sejjer jipprovdi wkoll gvern perfett għal dik il-ġenna tal-art? Dak hu preċiż li Jehovah għandu l-għan li jagħmel. Is-Sultan li jirrappreżentah f’dan il-gvern hu l-“Prinċep tal-Paċi” tiegħu, Kristu Ġesù, u “għall-abbundanza tal-ħakma taʼ prinċep u għall-paċi mhux se jkun hemm tmiem.”—Isaija 9:6, 7.
44. (a) Dan il-gvern fejn se jkun? (b) Kif se jkun iffurmat?
44 Il-Bibbja turi li l-gvern perfett se jkun fis-sema. Minn dan il-punt taʼ vantaġġ, is-Sultan Ġesù Kristu se jmexxi b’mod effettiv fuq l-art kollha bit-tjieba. Madankollu, hu se jkollu ħakkiema mseħbin f’dak il-gvern inviżibbli tas-sema. Dawn jintgħażlu minn fost il-bnedmin lejali, segwaċi taʼ Ġesù li baqgħu miegħu minkejja provi tqal u li lilhom igħidilhom: “Jien nagħmel patt magħkom, sewwa sew bħalma Missieri għamel patt miegħi, għal saltna.” (Luqa 22:28, 29) Huma biss ftit minn fost il-bnedmin li jittieħdu fis-sema biex jaħkmu maʼ Kristu Ġesù. Hu simili għall-ġnus illum, fejn biss ftit jintgħażlu biex imexxu fil-parlament. Il-Bibbja turi li Ġesù Kristu se jkollu biss 144,000 ħakkiema mseħbin. Mela s-Saltna t’Alla, jew il-gvern tas-sema, tikkonsisti fi Kristu Ġesù u 144,000 persuna meħudin mill-art għas-sema. (Rivelazzjoni 14:1-4; 5:9, 10) U x’ingħidu għall-art? Salm 45:16 isemmi li s-Sultan se jaħtar “prinċpijiet mal-art kollha.” “Prinċpijiet” umani, jew indokraturi governattivi, se jinħatru mis-sema minħabba d-devozzjoni profonda tagħhom għall-prinċipji tat-tjieba.—Qabbel Isaija 32:1.
45, 46. (a) X’kienet it-tema ewlenija tal-ippridkar taʼ Ġesù fuq l-art? (b) Il-gvern perfett għala ma ġiex stabbilit immedjatament? (ċ) Is-sena 1914 E.K. kif kienet sena li tispikka fil-profezija u fil-ġrajjiet tad-dinja?
45 Meta u kif jiġi stabbilit il-gvern perfett? Meta Ġesù kien fuq l-art din is-Saltna kienet it-tema ewlenija tal-ippridkar tiegħu. (Mattew 4:17; Luqa 8:1) Madankollu, hu ma stabbiliex is-Saltna f’dak iż-żmien, u lanqas mal-irxoxt tiegħu. (Atti 1:6-8) Anki meta telaʼ s-sema, xorta kellu jistenna saż-żmien maħtur minn Jehovah. (Salm 110:1, 2; Lhud 1:13) Il-profezija Biblika turi li dak iż-żmien maħtur intemm fl-1914 E.K. Madankollu, xi ħadd se jistaqsi, ‘Minflok gvern perfett, ma mmarkatx l-1914 il-bidu taʼ żjieda fil-gwaj tad-dinja?’ Dak hu eżattament il-punt! Hemm konnessjoni mill-qrib bejn il-miġja tas-Saltna t’Alla u l-ġrajjiet katastrofiċi tas-snin riċenti, kif se naraw issa.
46 Minn xi 35 sena qabel l-1914, The Watchtower (It-Torri tal-Għassa, li issa hi l-iktar rivista mxerrda mad-dinja kollha) bdiet tiġbed l-attenzjoni lejn l-1914 bħala sena mmarkata fil-profezija tal-Bibbja. Dawn il-profeziji bdew ikollhom twettieq li jispikka fl-1914. Waħda minn dawn kienet il-profezija taʼ Ġesù stess, imlissna 1,900 sena ilu, rigward “is-sinjal” li kellu jidher fit-tmiem tas-sistema t’affarijiet u li kellu jagħti prova li hu kien preżenti b’mod inviżibbli bil-qawwa taʼ sultan. Bit-tweġiba għall-mistoqsija tad-dixxipli tiegħu dwar dan “is-sinjal,” hu qal: “Ġens se jqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor. Dawn l-affarijiet kollha huma bidu tal-weġgħat taʼ hemm.” (Mattew 24:3, 7, 8) Fi twettieq li jolqtok, l-ewwel minn gwerer dinjin bdiet fl-1914, billi ġabet qerda sebaʼ darbiet akbar mid-900 gwerer kollha fl-2,500 sena taʼ qabel! Weġgħat taʼ hemm baqgħu jinħassu minn dak iż-żmien ’il hawn. Ġarrabt int il-qerda tal-gwerra, in-nuqqas tal-ikel, jew xi wieħed mit-terremoti l-kbar li flagellaw l-art mill-1914 ’il hawn? Jekk inhu hekk, inti rajtu b’għajnejk “is-sinjal” taż-“żmien tat-tmiem” tas-sistema t’affarijiet.—Danjel 12:4.
47. Il-ġrajjiet li jwettqu “is-sinjal” kif intensifikaw fi snin riċenti?
47 Il-“weġgħat taʼ hemm” laħqu quċċata matul it-Tieni Gwerra Dinjija, li kienet erbaʼ darbiet iktar qerrieda mill-Ewwel Gwerra Dinjija, u komplew fl-era nukleari, bi twettieq taʼ profezija oħra taʼ Ġesù: “Fuq l-art dieqa taʼ ġnus, billi ma jafux kif joħorġu . . . , waqt li rġiel iħosshom ħażin bil-biżaʼ u l-istennija tal-affarijiet li ġejjin fuq l-art abitata.” (Luqa 21:25, 26) Iż-żjieda fid-delitti u l-ħażen, fid-diżubbidjenza u d-delinkwenza fost it-tfal, flimkien maż-żjieda fin-nuqqas taʼ mħabba lejn Alla u fl-immoralità—dawn l-iżviluppi allarmanti kienu mbassrin ukoll bħala li jimmarkaw “l-aħħar jiem” taʼ dis-sistema ħażina.—2 Timotew 3:1-5; Mattew 24:12.
48. Min hu responsabbli għall-gwaj fuq l-art, u għala żdiedu l-gwaj mill-1914?
48 Madankollu, jekk il-gvern tas-sema ġie stabbilit fl-1914, għala hawn tant niket fuq l-art? Huwa Satana x-Xitan li jaħti. Meta Kristu rċieva l-gvern tas-Saltna, l-ewwel att tiegħu kien li jikkumbatti fi gwerra maʼ Satana fis-smewwiet inviżibbli. Bħala riżultat, Satana, “li qed iqarraq bl-art kollha abitata,” ġie mixħut flimkien mal-anġli tiegħu ’l isfel fil-viċinanza tal-art. Billi jaf li l-qerda tiegħu tinsab fil-qrib, hu jqanqal kemm jiflaħ inkwiet fuq l-art. Huwa “jaħasra għall-art u għall-baħar, għaliex ix-Xitan niżel għandkom billi għandu għadab kbir, għax jaf li perijodu qasir taʼ żmien baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:7-9, 12.
49. (a) X’se jiġri lil dawk li qed “jirrovinaw l-art”? (b) Jehovah kif se jesegwixxi d-“deċiżjoni ġudizzjarja” tiegħu fuq il-ġnus?
49 Se jkun hemm tmiem għal dan il-gwaj? Iva!—meta l-gvern tas-sema nnifsu, is-Saltna t’Alla li Jistaʼ Kollox, imur fl-azzjoni biex “iġib f’rovina lil dawk li qed jirrovinaw l-art.” (Rivelazzjoni 11:18; Danjel 2:44) Alla qatt ma se jippermetti lill-qawwiet politiċi, lill-Kristjani foloz, jew lil kwalunkwe xi ħadd ieħor li jeqridlu x-xogħol taʼ jdejh, l-art, bit-tagħmir nukleari tagħhom. Minflok, hu jiddikjara: “Id-deċiżjoni ġudizzjarja tiegħi hi li niġbor il-ġnus, għalija biex niġbor flimkien saltniet, sabiex inferraʼ fuqhom id-denunzja tiegħi, il-għadab jaħraq kollu tiegħi.” (Sofonija 3:8) Jehovah, permezz tal-Kristu tiegħu, se juża forzi kbar li hu jikkontrolla fl-univers biex iġib qerda li tgħaġġeb fuq dawk kollha li jsegwu lil Satana fuq l-art. Din se tkun fuq skala globali, simili għall-kobor immens tad-Dulluvju taʼ żmien Noè.—Ġeremija 25:31-34; 2 Pietru 3:5-7, 10.
50. (a) X’inhi “Armageddon”? (b) Min biss se jibqaʼ ħaj wara Armageddon?
50 Fil-Bibbja din il-qerda tal-ġnus ħżiena hi msejħa l-battalja t’Alla taʼ Armageddon. (Rivelazzjoni 16:14-16) Nies ġwejdin biss, dawk li jfittxu lil Jehovah u t-tjieba tiegħu, jistgħu jibqgħu ħajjin wara Armageddon għal ġos-sistema ġdida taʼ paċi t’Alla. (Sofonija 2:3; Isaija 26:20, 21) Rigward dawn il-Bibbja tgħid: “Iżda l-ġwejdin infushom se jkollhom pussess tal-art, u tassew se jsibu l-għaxqa bnina tagħhom fl-abbundanza taʼ paċi.” (Salm 37:11) Ix-xogħol grandjuż taʼ li nġeddu l-Ġenna fuq l-art imbagħad se jibda!
Edukazzjoni biex Tidħol fil-Ġenna tal-Art
51. Għala hu neċessarju għalik li tieħu azzjoni issa?
51 Tixtieq int tgħix fil-Ġenna tal-art? Jekk it-tweġiba tiegħek hi ‘Iva,’ int tifraħ li tkun taf li meta Ġesù tkellem dwar is-sistema kollha nkwiet tal-lum u “s-sinjal” tal-qerda li ġejja fuqha, hu żied, “Din il-ġenerazzjoni bl-ebda mod m’hi se tgħaddi sakemm dawn l-affarijiet kollha jseħħu.” Xi wħud, tal-anqas, mill-ġenerazzjoni li rat il-“bidu tal-weġgħat taʼ hemm” fl-1914 se jgħixu biex jaraw il-Ġenna mġedda fuq l-art. (Mattew 24:3-8, 34) Madankollu, huwa fatt taʼ niket li l-biċċa l-kbira tan-nies qegħdin fit-triq il-wiesgħa li twassal għall-qerda. (Mattew 7:13, 14) Ma tantx fadal żmien għalihom biex jinbidlu. Kemm għandek għalxiex tkun grat li Jehovah ipprovda t-twissija fil-waqt! Peress li Jehovah jridek tgħix, hu se jgħinek biex tieħu l-passi għaqlin.—2 Pietru 3:9; Eżekjel 18:23.
52. X’tinħtieġ biex tagħmel għażla tajba rigward reliġjon?
52 Il-bżonn urġenti tiegħek issa hu għal tagħrif eżatt. (1 Timotew 2:4; Ġwann 17:3) Dan fejn tistaʼ tiksbu? Tistaʼ ssibu fi kwalunkwe reliġjon? Xi nies igħidu li r-reliġjonijiet kollha jwasslu lejn l-istess mira, sewwa sew bħalma l-passaġġi kollha taʼ muntanja jwasslu lejn il-quċċata. Kemm huma żbaljati! Biex isibu l-passaġġ it-tajjeb, dawk li jmorru fuq il-muntanji jużaw il-mapep, u anki jikru gwidi. Bl-istess mod, hemm biss reliġjon waħda tal-verità li twassal għall-ħajja taʼ dejjem, u tinħtieġ il-gwida biex issibha.—Atti 8:26-31.
53. (a) Biex tikseb il-ħajja taʼ dejjem, xi trid tkompli tagħmel int? (b) Liema tentazzjonijiet minn Satana jistaʼ jkollok tegħleb?
53 Dan il-ktejjeb ġie pprovdut mix-Xhieda taʼ Jehovah biex igħin lilek. Diġà għenek biex tifhem xi wħud mill-veritajiet bażiċi tal-Bibbja, hux tassew? Bla dubju int ikkonfermajt għalik innifsek li kull punt hu bbażat fuq il-Kelma spirata t’Alla. Issa, biex tagħmel progress lejn il-mira tiegħek, int trid tkompli titgħallem. Bħalma edukazzjoni sekulari xierqa hi meħtieġa biex wieħed ikollu post fis-soċjetà taʼ kuljum, hekk ukoll hi meħtieġa edukazzjoni Biblika xierqa biex inkunu mgħammrin biex nidħlu fis-soċjetà li se tibqaʼ ħajja fil-Ġenna tal-art. (2 Timotew 3:16, 17) Satana jistaʼ jtellfek billi jqanqal lil xi ħbieb tal-qalb jew lil membri tal-familja biex jopponuk jew billi jiġbdek lejn mogħdijiet egoistiċi materjalistiċi jew immorali. Iċċedilux lil Satana. Is-sigurtà tiegħek u l-futur kollu tiegħek u tal-familja jiddependi fuq li int tistudja l-Bibbja aktar.—Mattew 10:36; 1 Ġwann 2:15-17.
54. Liema provvediment ieħor għal edukazzjoni għamel Jehovah fl-inħawi tiegħek?
54 Minbarra li tkompli fl-istudju preżenti tiegħek tal-Bibbja, hemm mod ieħor kif titgħallem. In-nies tal-inħawi tiegħek li huma nteressati f’edukazzjoni Biblika jattendu regolarment il-laqgħat fis-Sala tas-Saltna lokali. Dawk kollha li jattendu jkunu qegħdin hemm biex jieħdu struzzjoni mill-Bibbja u qegħdin sinċerament jipprovaw isiru persuni aħjar. Huma jilqgħu lill-ġodda mill-qalb, billi jgħidulhom, “Ejjew, u ħa nitilgħu lejn il-muntanja taʼ Jehovah [il-post taʼ qima tiegħu] . . . u hu se jgħallimna dwar mogħdijietu, u aħna se nimxu fil-passaġġi tiegħu.” (Isaija 2:3) Raġunijiet tajba għala għandna nattendu laqgħat Bibliċi huma spjegati f’Lhud 10:24, 25, li jaqra hekk: “Ejjew inqisu lil xulxin biex inqanqlu l-imħabba u xogħlijiet tajba, billi ma nitilqux il-ġbir tagħna flimkien, bħalma xi wħud għandhom drawwa, iżda billi ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan aktar hekk kif taraw il-jum riesaq fil-qrib.”
55. (a) L-organizzazzjoni taʼ Jehovah b’liema modi hi differenti minn oħrajn? (b) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif inhuma magħqudin bħal ebda poplu ieħor?
55 Meta int tassoċja mal-organizzazzjoni taʼ Jehovah, issib li l-atmosfera hi ferm differenti minn dik tat-tempji u l-knejjes. Ma hemm ebda ġbir taʼ flus bil-kopp, ebda lletikar u ġlied, u ebda diskriminazzjoni minħabba l-isfond tal-familja jew il-qagħda finanzjarja taʼ dak li jkun. L-aktar kwalità li tispikka fost ix-Xhieda taʼ Jehovah hi l-imħabba. L-ewwel, iħobbu lil Jehovah, u t-tieni, iħobbu lin-nies. Dawn huma l-marki tal-veri Kristjani. (Mattew 22:37-39; Ġwann 13:35) Int imissek tattendi l-laqgħat tagħhom u tara int stess kif dan hu veru. Żgur li tibqaʼ mpressjonat bil-għaqda tagħhom. Hemm aktar minn tliet miljuni Xhieda mad-dinja kollha f’aktar minn 200 art. Madankollu, ix-Xhieda mal-art kollha jsegwu l-istess programmi fil-laqgħat tagħhom. U bis-saħħa taʼ stampar simultaneju f’bosta lingwi, fil-laqgħat taʼ kull ġimgħa tagħhom ix-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha jistudjaw l-istess suġġetti Skritturali f’temp taʼ ftit sigħat minn xulxin. Il-għaqda li teżisti fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah fiż-żminijiet tal-lum huwa miraklu f’din id-dinja maqsuma.
56. (a) Liema benefiċċji tistaʼ tikseb int minn sħubija mal-organizzazzjoni taʼ Jehovah? (b) Meta jqumu l-problema, kif għandek tirreaġixxi? (ċ) Għala hu mportanti għalik li tiddedika ħajtek lil Jehovah?
56 Hekk kif tibda tassoċja regolarment man-nies taʼ Jehovah, int tkun trid tlibbes lilek innifsek bil-“personalità l-ġdida” u tikkultiva l-frott tal-ispirtu t’Alla—“l-imħabba, l-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.” (Kolossin 3:10, 12-14; Galatin 5:22, 23) Dan iġiblek ferħ profond. Jistaʼ jkollok problemi x’tegħleb minn żmien għal żmien peress li tgħix f’dinja korrotta u wkoll minħabba l-imperfezzjonijiet tiegħek stess. Iżda Jehovah se jgħinek. Il-Kelma tiegħu tassigura lil dawk li sinċerament qegħdin jipprovaw jogħġbuh: “Tkunu anzjużi fuq xejn, iżda f’kollox bit-talb u bit-tħannin flimkien maʼ radd il-ħajr ħa jkunu t-talbiet tagħkom imgħarrfin lil Alla; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb se tgħasses lil qlubkom u l-qawwiet taʼ moħħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Int se tħossok miġbud mill-imħabba taʼ Jehovah, tant li tkun trid taqdih. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jieħdu pjaċir juruk kif tistaʼ int tiddedika ħajtek lil dan Alla l-maħbub u ssir wieħed mix-xhieda pprivileġġjati tiegħu. (Salm 104:33; Luqa 9:23) Iva, huwa privileġġ. Aħseb ftit! Bħala adoratur taʼ Jehovah, int tistaʼ tilħaq il-mira taʼ li tgħix għal dejjem f’ġenna hawn fuq l-art.—Sofonija 2:3; Isaija 25:6, 8.
57. (a) Fis-sistema l-ġdida, liema relazzjoni intima se jkun hemm bejn Alla u l-bnedmin? (b) X’inhuma xi wħud mill-barkiet li se tkun tistaʼ tgawdi int imbagħad?
57 Kompli, mela, studja u ikber fl-imħabba u fl-apprezzament lejn Alla Jehovah, Ibnu, u l-gvern taʼ tjieba tas-sema. Waqt li tiddeskrivi l-gvern t’Alla u l-barkiet li se tferraʼ fuq il-bnedmin, il-profezija tal-Bibbja tgħid: “Ħares! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin u hu se jgħammar magħhom u huma se jkunu l-popli tiegħu. U Alla nnifsu se jkun magħhom.” “Alla nnifsu,” li hu mgħolli ferm ’il fuq mill-ħakma egoista u qerrieda tal-bniedem tal-lum, se jkun qrib ferm bħala Missier ħanin għal dawk kollha li jħobbuh u jqimuh f’dik is-sistema l-ġdida. Tabilħaqq, se jkun hemm biss reliġjon waħda, il-vera qima taʼ Alla Jehovah, u l-adoraturi tiegħu se jgawdu r-relazzjoni intima miegħu bħal taʼ wlied mal-Missier. X’Missier taʼ mħabba se juri li hu! “U se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt ma tkunx iżjed, la l-għali la l-biki lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.
58. Għala tistaʼ tibqaʼ ċert li Jehovah se ‘jagħmel l-affarijiet kollha ġodda’?
58 B’hekk il-miraklu kbir taʼ li tiġi stabbilita ġenna fuq l-art taħt gvern perfett tas-sema se jkun twettaq. Dan ċert daqs kemm hu ċert li x-xemx se titla u se tinżel għada. Għax il-wegħdiet t’Alla Jehovah, il-ħallieq tas-sema u l-art, huma dejjem ‘fidili u veri.’ Huwa hu li jiddikjara mit-tron tiegħu fis-sema: “Ħares! Qed nagħmel l-affarijiet kollha ġodda.”—Rivelazzjoni 21:5.
Waqt li terġaʼ teżamina dan il-ktejjeb, kif twieġeb int għal dawn il-mistoqsijiet li ġejjin?
Il-Bibbja b’liema modi tispikka?
X’tgħallimt int dwar Alla?
Min hu Kristu Ġesù?
Min hu Satana x-Xitan?
Alla għala ppermetta l-ħażen?
Il-bniedem għala jmut?
X’inhi l-qagħda tal-mejtin?
X’inhu r-rahan?
Fejn u kif iseħħ l-irxoxt?
Is-Saltna x’inhi, u x’se twettaq?
X’inhu “is-sinjal” tal-“egħluq tas-sistema taʼ affarijiet”?
Kif tistaʼ int tħejji għal ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna tal-art?
[Noti taʼ taħt]
a Referenzi tal-Bibbja li jagħtu appoġġ lill-paragrafi t’hawn fuq: (1) Atti 17:26; Salm 46:9; Mikea 4:3, 4; Isaija 65:21-23; (2) Isaija 65:25; 11:6-9; 55:12, 13; Salm 67:6, 7; (3) Ġob 33:25; Isaija 35:5, 6; 33:24; Salm 104:24; (4) Isaija 55:11.
b Jekk mhux indikat mod ieħor, il-kwotazzjonijiet mill-Iskrittura f’din il-pubblikazzjoni huma min-New World Translation of the Holy Scriptures, edizzjoni tal-1984, b’lingwa moderna.
c Monarchs and Tombs and Peoples—The Dawn of the Orient, paġna 25.
d Cyclopedia of Biblical, Theological, and Ecclesiastical Literature, minn J. McClintock u J. Strong, volum 8, paġna 908.
[Stampi f’paġna 13]
Bħala ħolqien, il-bniedem hu ferm superjuri mill-annimali
[Stampa f’paġna 18]
Ġesù kien daqs ir-raġel perfett Adam